Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti għall-istituti kollha ta' l-MCAST mis-sena 2002 sa l-aħħar sena skolastika separatament għal kull sena u għal kull istitut? Jista' bl-istess mod jgħid kemm ġew aċċettati minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub jeħtieġ li jiġi kompilat. Ix-xogħol fuqu jsir hekk kif jitlesta xogħol ieħor ta' aktar priorita'.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-files relattivi għall-kostruzzjoni ta' l-impjant għar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin mill-bidu tiegħu sal-lum, inkluż l-emendi li saru tul iż-żmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni tifforma parti ta' process ta' Appell tal-Planning li qiegħed isir u għadu pendenti, kontra l-Gvern relatat għall-impjant in kwistjoni,u għaldaqstant l-access għal din l-informazzjoni huwa regolat u tingħata biss f'dik is-sede
Jista' il-Ministru jinvestiga mal-MEPA jekk permessi li nħarġu għall-bini fi Triq l-Isqof Emanuel Galea ma' Triq il-Qadi fiż-Żejtun, dan l-iżvilupp hux se jkun ta' periklu minħabba t-traffiku li jgħaddi minn hemm?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni PA 5884/05 giet ipproċessata skond il policies tal MEPA. Id-dħul u l-ħrug tal-basement garage jinstab iżjed minn 4 metri l-bogħod mill-kantuniera ta' Triq l-Isqof Emmanual Galea skond il-provedimenti tal -linji gwida Policy and Design Guidance 2005
Wara s-sejħa li kien hemm għal aktar kordinaturi tal-kulleġġi, jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw u min intgħażel? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-erba' kordinaturi li ġew magħżul s-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 17-il applikant li tnejn minnhom irtiraw l-applikazzjoni tagħhom. L-erbgħa ko-ordinaturi li ntagħzlu s-sena l-oħra ser ikomplu bix-xogħol tagħhom fil-kulleġġi. L-erba' ko-ordinaturi ġodda huma: Paul Attard, Bernardette Azzopardi, Joseph Buttigieg u Raymond Facciol.
Dipartiment tas-saħħa — Sezzjoni dwar il-mard fit-tfal u ż-żgħażagħ
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi sezzjoni, kemm fil-ministeru jew fid-dipartiment tas-saħħa, li tieħu ħsieb il-mard marbut mat-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mard tat-tfal jiġi ttrattat fid-Dipartiment kliniku tal-Pedjatrija sakemm ma jkunx meħtieġa xi interventi speċjaliżżati partikolari eż. terapija intensiva fuq tfal 'l fuq minn 3 snin isru fl-ITU tal-adulti.
Mard taż-żgħażagħ jiġi ttrattat fid-Dipartiment kliniku skond il-każ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19531 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-liġi u l-pulizija jagħmlux distinzjoni bejn bar jew stabiliment non-alcaholic u dawk alcaholic? Jista' jgħid ukoll kemm huwa n-numru ta' non-alcaholic bars jew stabilimenti f'pajjiżna reġistrati mal-pulizija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mill-2002 'l hawn il-liċenzi tal-bars qed jinħarġu mill-Awtorita' tat-Turiżmu, mhux aktar mill-Pulizija.
Ir-regolamenti tal-bars, taħt l-Att ta' l-1999 dwar "Servizi ta' l-Ivjaġġar u Turiżmu għal Malta", ma jagħmlux distinzjoni bejn dawk li joffru non-alcohol biss u dawk li joffru alcohol kif ukoll non-alcohol.
Jekk ikun hemm applikazzjoni għal-liċenza ta' non-alcohol biss, jew jekk fil-proċess ta' l-applikazzjoni, il-Pulizija tirakomanda li tinħareġ liċenza ta' non-alcohol biss, l-Awtorita' tirifletti dan fil-liċenza li toħroġ.
Ninsab infurmat li mid-data base li l-Awtorita' wirtet minn għand il-Pulizija meta dawn il-liċenzi ġew trasferiti fl-2002, jirriżulta li hemm 21 stabbiliment reġistrat bħala tea and coffee shops.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19533 u jgħid kemm saru rapporti mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni mis-sena 2000 sal-lum li huma marbuta mal-qasam edukattiv? X'kienu dawn ir-rapporti u kemm ġie jqum kull rapport?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skola San Franġisk t'Assisi — Student li tilef ħajtu
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk dwar il-każ ta' l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, li kien miet fl-iskola San Franġisk t'Assisi, hux qed isiru tentattivi sabiex il-kwestjoni tiġi solvuta barra mill-Qorti, kif fl-aħħar mill-aħħar ġara f'każi oħra mhux marbuta mas-settur edukattiv? F'każ li r-risposta hi fin-negattiv, jikkonsidra li jagħmel dan?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19726 u jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema tal-gvern u/jew li kienu jaħdmu ma' azjendi parastatali li bħalissa qed jaħdmu mal-kunsilli lokali? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma mislufa u kemm għandhom impjieg permanenti? Jista' jelenka kif dawn il-ħaddiema huma mpjegati ma' kull kunsill u liema hu x-xogħol li qegħdin jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għar-rigward tan-numru ta' ħaddiema tal-gvern u/jew parastatali li bħalissa qed jaħdmu mal-Kunsilli Lokali hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-ħaddiema kollha, minbarra tlieta, qed jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni ġenerali. Tliet ħaddiema li huma assenjati mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Pieta' u ż-Żurrieq qed jagħmlu xogħol klerikali ta' Customer Care.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19975 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru, jista' il-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju dwar l-illitteriżmu f'pajjiżna? Kemm hu stmat li hawn nies illitterati? Kemm minnhom huma ta' l-eta' ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll x'inhi t-tifsira uffiċjali ta' persuna illitterata f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-aħħar studju li sar dwar l-illitteriżmu kien iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar 2005, fejn Jum iċ-Ċensiment kien 27 ta’ Novembru 2005. Ir-riżultati preliminarji kienu ġew ippublikati aktar kmieni matul din is-sena u bħalissa l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika qed jaħdem fuq ir-rapporti finali. Dawn mistennija jkunu ppublikati bejn Novembru 2006 u April 2007.
Hu stmat li f’Novembru 2005 kien hawn madwar 26,000 persuna illitterata, jew madwar 7.0 fil-mija tal-popolazzjoni li għandha minn 10 snin ‘l fuq. Minn dawn, madwar 600 persuna kellhom bejn 10 u 15-il sena, jew madwar 2.0 fil-mija tal-popolazzjoni f’din l-eta’.
Għall-fini taċ-ċensiment, persuna illitterata hi waħda li ma tafx tikteb u taqra sentenza sempliċi fuq tagħha ta’ kuljum, hi b’liema lingwa hi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa r-restawr tal-knisja magħrufa bħala ta' San Girgor fiż-Żejtun? Minn fejn se jitħallsu dawn il-fondi u min qed jagħmel dan ix-xogħol ta' restawr? Meta huwa maħsub li dan ix-xogħol tant meħtieġ jitlesta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-restawr minn barra tal-knisja, magħrufa bħala ta' San Girgor fiż-Zejtun, qed isir minn ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Huwa stmat li r-restawr ser jiswa s-somma ta' madwar Lm21,800 li jinkludu Lm5,000 materjal li ser jitħallas mill-Parroċċa taż-Żejtun u Lm16,000 huma l-valur tal-pagi tal-ħaddiema nvoluti. Ix-xogħol għandu jitlesta' sa l-aħħar tas-sena. Ta' min jinnota li barra x-xogħol ta' restawr imsemmi hawn fuq, ser isir tisbiħ/embellishment tal-bankina u passaġġi li jdawwru l-istess knisja kif ukoll ser isir is-sistema ta' l-illuminazzjoni neċessarja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18986, jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-fun park li kien issemma f'Marzu 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-Family Park ta' Wied il-Għajn inbeda u miexi kif ippjanat. L-artijiet tas-sit inxtraw u l-avviż ta' l-akkwist ta' l-art ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. L-Outline Development Permit ġie sottomess lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit 3 ta' Awissu u ġiet ċċertifikat validu fis-17 ta' Awissu. Fis-17 ta' Awissu wkoll ġie sottomess il-Project Description Statement li jiddeskrivi kif qed jiġi propost il-proġett u iservi ta' bażi biex jinħarġu t-Terms of Reference mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' full-time u part-time lecturers fl-MCAST? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull istitut li jagħmel parti mill-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19509, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex f'pożizzjoni li jagħti din l-informazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar diversi xogħolijiet li saru fil-vaganzi tas-sajf fl-iskejjel ta' l-istat. Il-lista ma tinkludix xogħolijiet oħra bħal tqiegħed ta' membrane, żebgħa, diversi 'Technology Work Shops' u 'Refurbishment' ta' diversi faċilitajiet sanitarji fl-iskejjel sekondarji li kienu responsabbli għalihom it-Taqsima tas-Servizzi Tekniċi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19505 u jgħid kemm-il persuna ngħatat għajnuna medika minħabba problemi ta' alkaħol fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kienet l-iżgħar persuna? Jista' jgħid kif dawn il-figuri jikkomparaw ma' dawk tas-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numri ta hawn taħt jirrapreżentaw pazjenti li ngħataw kura l-Isptar San Luqa u nstabilhom livel għoli ta' alcohol fid-demm.
Sena 2005
(Jannar-Mejju)
Sena 2006
(Jannar-Mejju)
Number >80m/100ml
87
144
Irġiel
60
92
Nisa
27
52
L-izgħar eta' kienet kif jidher hawn taħt:
Sena 2005
(Jannar-Mejju)
Sena 2006
(Jannar- Mejju)
Irġiel
15 -il sena
13 -il sena
Nisa
15 -il sena
14 -il sena
Ta' min jinnota li dawn il-figuri ma jirrapreżentawx il-problema sħiħa relatata ma' l-alcohol iżda tirrapreżenta biss persuni li iddaħħlu d-dipartiment ta' l-emerġenza ġewwa l-Isptar San Luqa.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20353 billi jelenka liema huma dawk it-toroq prinċipali fil-gżejjer Maltin li se ssir manutenzjoni estensiva fuqhom jew se jinbew mill-ġdid sa l-aħħar ta' din is-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fit-18 ta' Awissu 2006 nħargu erba’ tenders għal major patching li jkopru numru ta’ toroq fid-diversi żoni. Dawn it-tenders għalqu f’1 ta’ Settembru u bħalissa qed jiġu aġġudikati. Il-programm ta' xogħlijiet li ser isiru permezz ta' dawn it-tenders qed ikun finalizzat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20349 u jgħid: a) kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati, biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; b) kemm kienet ukoll l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; c) it-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antnin matul l-istess perijodu; d) il-volum ta kull xorta ta' skart; e) jekk l-iskart t'Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin u l-ispiża nvoluta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull spiża dovuta għat-trasport ta’ skart li nġarr lejn l-Impjant ta’ Sant’ Antnin bejn l-2002 u l-2005 kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-ministru kkonċernat.
L-ispiża biex il-fdalijiet (
rejects
) ta' l-istess skart jinġarru mill-Impjant ta' Sant' Antnin lejn bnadi oħrajn tul l-istess perjodu hija:
Sena
Tunnellaġġ
Rata (kull tunnellata)
Spiża Totali
(Vat inkluża)
2002
5,040.38
Lm 1.60
Lm 8,064.61
2003
8,504.15
Lm 2.10
Lm 17,858.72
2004
13,209.00
Lm 2.15
Lm 28,399.35
2005
13,380.09
Lm 3.14
Lm 42,013.48
It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-Impjant ta' Sant' Antnin matul l-istess perjodu jinkludi
mixed municipal waste, green waste, separated waste, bulky waste
u
tyres
.
Il-volum (tunnellaġġ) ta' dawn it-tipi differenti ta' skart li ġew trattati f’Sant’ Antnin jinkludi:
Sena
Mixed Municipal Waste
Green Waste
Separated Waste
Bulky Waste
Tyres
Total Waste
2002
14,972.54
21.54
559.14
n/a
n/a
15,553.22
2003
23,410.03
90.77
745.44
n/a
188.09
24,434.33
2004
29,153.50
1,535.03
3,202.04
139.69
962.28
34,992.54
2005
30,698.34
3,382.00
4,550.26
1,278.80
841.29
40,750.69
L-iskart minn Għawdex beda jinġarr lejn Sant’ Antnin u l-Magħtab meta l-miżbla tal-Qortin ġiet magħluqa f’Mejju 2004. L-ispiża minn dak iż-żmien ‘l hawn għall-ġarr ta’ l-iskart lejn Sant’ Antnin biss kienet kif tidher hawn taħt:
Perjodu
Spiża totali
(VAT Inkluża)
(Lm)
Sena 2004
Mejju
11,921.37
Ġunju
15,626.64
Lulju
19,609.58
Awissu
17,570.79
Settembru
14,846.57
Ottubru
13,521.96
Novembru
12,754.43
Diċembru
8,788.09
Sub-total
Lm 114,639.43
Sena 2005
Jannar11,521.80
Frar6,288.52
Marzu8,427.22
April8,454.22
Mejju8,571.95
Ġunju8,970.51
Lulju11,946.64
Awissu12,883.87
Settembru9,329.02
Ottubru6,811.59
Novembru5,711.08
Diċembru3,649.12
Sub-total Lm 102,565.54
TotalLm 217,204.97
L-ispiża nvoluta dwar ir-
rejects
mill-Impjant lejn bnadi oħrajn hija inkluża ma’ l-informazzjoni li ngħatat fir-risposta aktar qabel f’din l-istess tweġiba peress li l-iskart ta’ Malta u Għawdex jiġi pproċessat flimkien.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20344 u jgħid bħalissa kemm hemm kawżi ta' separazzjoni pendenti quddiem il-qorti? Kemm daħlu kawżi ġodda fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm-il kawża ġiet irtirata fl-istess żmien u kemm ġew deċiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ta' separazzjoni li hemm pendenti sat-30 ta' Ġunju 2006 quddiem il-Qorti ta' Malta huwa ta' 476 - 470 separazzjoni personali, 5 separazzjoni alimenti u 1 separazzjoni dei beni.
Fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ġew introdotti 66 kawża ta' separazzjoni.
Fl-istess perijodu ġew irtirati 32 kawża, filwaqt li ġew deċiżi 40 kawża (39 separazzjoni personali u 1 separazzjoni dei beni).
Infurmat ukoll illi l-figuri rikjesti rigwardanti l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) huma s-segwenti:-
Kawżi ta' Separazzjoni pendenti quddiem il-Qorti: 28
Kawżi Ġodda fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena: 3
Kawżi Rtirati fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena: 1
Kawżi Deċiżi fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena: 1