Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W292, jekk huwa l-każ li għad hemm studenti li qed jiġu aċċettati, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa għidt il-figura finali għadha ma hix determinata peress li l-proċess ta' aċċettazzjoni ta' studenti għadu mhux finalizzat. Ma jidhirlix li għandi nagħti figura proviżorja.

Eżamijiet tal-MATSEC/London/Oxford

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli jew le li student jagħżel li joqgħod għal xi eżami tal-London/Oxford? Biex jagħmel hekk, ikun meħtieġ xi permess mid-dipartiment jew inkella mill-MATSEC board? Dan jgħodd kemm għall-eżamijiet fil-livell ordinarju, kif ukoll avanzat? Fil-każ ta' student li xtaq jagħmel hekk, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li għall-eżami tal-biology fil-livell avanzat ma kienx hemm problemi filwaqt li għall-eżami fil-livel avanzat fil-chemistry kien hemm oġġezzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li student dejjem jista' jagħzel li joqgħod għal eżami tal-London (illum magħruf bħala Edexcel). Eżamijiet ta' Oxford prattikament m'għadhomx jigu organizzati lokalment. Biex japplika, l-istudent m'għandux bżonn permess la mid-dipartiment ta' l-Eżamijiet u wisq anqas mill-MATSEC Board. Dan jgħodd kemm fil-livell ordinarju kif ukoll għall-livell avanzat. Iżda meta jkunu qed japplikaw, l-istudenti jiġu mressqa (presented by) mill-iskola fejn jattendu. Informat ukoll li fil-każ ta' xi student kif imsemmi fil-mistoqsija, r-raġuni għala m'hemmx problema fl-eżami tal-biology fil-livell avvanzat hija li f'dan is-suġġett m'hemmx sessjonijiet tal-prattika filwaqt li fil-chemistry (London Edexcel)hemm żewg sessjonijiet tal-prattika. F'dak li jirrigwarda l-MATSEC ħadd ma għandu jsib l-ebda problema. Fil-London Edexcel, partikolarment fil-Chemistry u Physics, li huma żewġ suġġetti li jirrikjedu sessjonijiet tal-prattika, ma nsibu l-ebda skola li takkomodana f'dawn l-eżamijiet, ħlief Giovanni Curmi Higher Secondary, Naxxar, li jkunu lesti li jakkomodaw l-istudenti tagħhom fis-sessjoni tas-sajf biss. Tajjeb wieħed isemmi li l-iskejjel jippreparaw l-istudenti fuq is-sillabu tal-MATSEC.

FTS — Audited Financial Statements

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-Annual Audited Financial Statements tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada, mis-sena 2003 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi kopja ta' l-Annual Audited Financial Statements għas-snin mitluba lill-Onor. Membru.

Rapport/analiżi dwar il-Kulleġġi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' rapport/analiżi dwar il-kulleġġi wara li issa ilhom sena li twaqqfu l-ewwel kulleġġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma naqbel xejn ma' l-Onor. Membru li għandi nikkommissjona xi rapport/analizi wara biss sena mit-twaqqif ta' parti mis-sistema tal-Kulleġġi. L-implimentazzjoni tas-sistema tal-Kulleġġi qed issir fuq fazijiet differenti. S'issa bdejna bi tlett Kulleġġi u network ta' l-iskejjel speċjali. Din is-sena skolastika ser nibdew 4 Kulleġġi oħra f'dan il-proġett pilota u s-sena d-dieħla nintroduċi t-tlieta li jkun imiss. Ma tevalwax sistema meta bilkemm tkun għadha bdiet u fl-edukazzjoni l-proċess ta' sistemi jieħu z-zmien tiegħu. Meta dan iseħħ is-sistema kollha tiġi evalwata kif diġa' sar f'diversi sistemi li ġew introdotti xi snin ilu, bħal ma sar fl-edukazzjoni inklussiva. B'danakollu minn esperjenzi u tagħrif empiriku dwar l-esperjenza qasira s'issa ta' l-ewwel tlett kulleġġi u n-network ta' l-edukazzjoni speċjali u inklussiva jidher ċar ħafna li s-sistema tal-Kulleġġi jekk tinbena u titħaddem tajjeb tagħti rizultati u kwalita' aħjar għal sistema ta' skejjel b'kull waħda taħdem għal rasha.

MCAST — Canteen

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-canteen il-ġdid fil-main campus ta' l-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, anke minħabba l-fatt li din ilha għaddejja aktar minn tliet snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Main Campus ta' l-MCAST ġewwa Raħal Ġdid dejjem kellu servizz ta' Canteen. Informat ukoll li l-kostruzzjoni tal-Canteen il-ġdid inbdiet sena u nofs ilu u mhux 3 snin u issa huwa miftuħ għall-istudenti u l-ħaddiema ta' l-MCAST.

Channel 22

Question

Jista' il-Ministru jgħid min qed jieħu allowances u kemm huma dawn l-allowances minn Channel 22? Jista' jgħid ukoll min huma l-preżentaturi jew inkella persuni oħra li se jibdew xi programm jew ieħor din is-sena u ma kenux sas-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-allowances li għalihom qed jirreferi l-Onor. Membru għadhom qed jinħadmu. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija informat ukoll li l-prezentaturi li għandhom programmi fuq Education 22u li ma kienux sas-sena li għaddiet huma: Ruth Zammit - Make-up Artist Joe Mizzi - Crew Antonella Vassallo - Health & Wellness TV Christian Micallef - Aroma Christabel Borg - 22 PM Vicky Licari - Mhux Tiġrijiet Biss, MIA Olympic Special

Taxxa tal-VAT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20364, bil-kelma kontribuzzjoni qed nifhem il-kelma ħlas dovut, jista' issa għalhekk ġentilment iwieġeb din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sta Luċija — Junior Lyceum

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir is-sala fil-junior lyceum ta' Sta Luċija? Jista' jgħid ukoll jekk din l-iskola għandhiex gym jew le? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid fejn isiru l-attivitajiet marbuta ma' l-edukazzjoni fiżika u l-isport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jiġu riveduti l-pjanti għall-iżviluppi tas-sala. Ser issir applikazzjoni lill MEPA u antiċipat li ser jibda x-xogħol meta jkollna l-permessi meħtieġa. Informat ukoll li m'hemmx 'gym' f'din l-iskola u l-attivitajiet sportivi jsiru fil-grawnd li għandha apposta l-iskola.

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-Pixxina Nazzjonali se tagħlaq għal madwar erba' xhur? Jekk se jsir xi xogħol fil-kumpless, jista' jagħti lista ta' dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew u min se jagħmel ix-xogħol? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet ingħatawx b'tender jew le? Jekk iva, min u kemm tefgħu t-tender tagħhom u kemm kienu l-offerti mitfugħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Pixxina Nazzjonali mhux ser tkun miftuħa għall-pubbliku fil-perjodu 6 ta' Novembru sas-6 ta' Frar 2007. Informat ukoll li fil-perjodu li ser tkun magħluqa ser isir program ta' xogħol ta' manutenzjoni.

Eżamijiet tas-SEC/MATSEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar mistoqsija parlamentari 20394 dwar l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa qiegħed niddiskuti ma' diversi stakeholders u nevalwa l-kummenti li qed isiruli. Bħalissa qed niffoka l-aktar fuq x'ikun l-impatt jekk ir-riparatorju jsir għas-suġġetti kollha, imma ikun hemm ċaqliq fiz-zmien li jsir. Qed jiġu evalwati r-reazzjonijiet ta' l-istakeholders jekk l-ezami intermediate ma jibqax biss parti miċ-ċertifikat MATSEC imma ikun jista' jsir għal rasu, għal raġunijiet ta' impjieg. Qed issir ukoll evalwazzjoni interna ta' l-implikazzjonijiet fuq l-istruttura tal-MATSEC jekk tiġi implimentata ir-rakkommandazzjoni dwar ir-revizjoni tal-karta billi tingħata kopja tagħha lil min jitlobha.

Edukazzjoni — Rapporti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19533 u 20395 u jgħid kemm saru rapporti mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni mis-sena 2000 sal-lum li huma marbuta mal-qasam edukattiv? X'kienu dawn ir-rapporti u kemm ġie jqum kull rapport?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20605, Seduta 432.

Hompesch Steel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20396 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-kumpannija Hompesch Steel li tinsab fil-viċinanzi tal-housing estate ta' Bulebel iż-Żgħir ġewwa Ħaż-Żabbar tiġi rilokata għal xi post ieħor? Jekk fl-affermattiv, fejn u meta se jsir dan? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li kien hemm bidla fil-ħsieb u kif se jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għandhiex informazzjoni fir-rigward li l-kumpanija Hompesch Steel ħa tiġi rilokata, pero’ inħareg permess outline fit-30 ta' Ġunju 2005 bin-numru PA 7031/99, sabiex dan is-sit ikun żviluppat bħala żona industrijali.

Imtarfa — Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20360, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudju fuq l-iskola primarja ta' l-Imtarfa hux lest jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti mill-istudju li kellu jsir fuq l-Officer's Mess ta' l-Imtarfa, li illum qed jintuża bħala skola primarja, diġa sar. Din il-proprjeta' evantwalment tiġi mressqa quddiem il-Bord tal-MEPA biex tiġi diskussa.

Eżamijiet tal-Junior Lyceum

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20365, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li setgħu applikaw biex jagħmlu l-eżami tal-junior lyceum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li setgħu japplikaw biex jagħmlu l-ezami tal-Junior Lyceum huma dawk is-subien u bniet kollha ta' l-eta' circa ta' 11 il-sena.

Skejjel ta' l-Istat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20549, filwaqt li fil-mistoqsija oriġinali jien kont qed nifhem li l-informazzjoni tinżamm fuq il-computer u allura mhux daqshekk diffiċli biex tingħata, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni għal kul sena u għal kull vot separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inzid mat-tweġiba oriġinali.

Skola Vincenzo Borg Brared

Question

Jista' il-Ministru jaċċerta lill-Kamra li l-workshops tat-technology education li saru fl-iskola Vincenzo Borg Brared ġewwa Birkirkara huma safe u ħielsa minn kull periklu u allura skond l-istandards meħtieġa, fosthom anke l-iswitches għall-makkinarju? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni li jindika li dawn il-workshops huma safe u skond l-istandards meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-laboratorju tad-Disinn u Teknoloġija (Technology Education Workshop) huma 'safe' u ħielsa minn kull periklu, u allura skond l-istandards meħtieġa, anke l-iswitches għall-makkinarju. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikazzjoni li tindika li l-laboratorji (workshops) huma 'safe' u skond l-istandards meħtieġa. Dan ġie kkonfermat anke mill-istess għalliem u z-zewġ technicians fil-prezenza tal-Kap ta' l-iskola u l-Uffiċċjal Edukattiv tad-Disinn u t-Teknoloġija.

Verdala Junior Lyceum

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux informat b'ittra li nbagħtet mill-kap tal-junior lyceum tal-Verdala li issa se jkunu fl-iskola Adelaide Cini, fejn fiha fost ħwejjeġ oħra qed jgħid lill-ġenituri tat-tfal li "anke jekk il-ħsara ma jkunx għamilha apposta għandha tiġi mħallsa mill-ġenituri"? Ma jaħsibx li filwaqt li wieħed jifhem il-ħtieġa li ma ssirx ħsara, speċjalment wara li jkun sar xi xogħol, il-fatt li qed iwissi lill-ġenituri li anke f'każ ta' ħsara aċċidentali dawn għandhom iħallsu hija xi ftit esaġerata?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi kopja ta' l-imsemmija ċirkolari fejn ma tirrizultalix la ċ-ċitazzjoni li hemm fil-Mistoqsija u lanqas xi esaġerazzjoni.

Introduzzjoni ta' kotba ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kotba ġodda se jiġu introdotti sa minn din is-sena skolastika ġdida? Ta' liema suġġett u f'liema sena? Kemm kienet in-nefqa għalihom u min ħa t-tender tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Masters fil-Psikoloġija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kors tal-masters fil-psikoloġija hux se jiftaħ jew le matul din is-sena akkadameika? Jekk fl-affermattiv, meta u kemm se jqum dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa beda l-aħħar 'semester' tal-Masters fil-Psikoloġija. L-istudenti se jkollhom l-eżamijet finali fl-aħħar ta' Frar u l-'external examiner' ser tiġi Malta f'April 2007 biex flimkien mad-Dipartiment tal-Psikoloġija, issir evalwazzjoni ta' dan il-kors. Huwa maħsub li kors ieħor ta' taħriġ għall-Psikoloġija jibda f'Ottubru 2007.

Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19978 u 20392 u jgħid: Kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perijodu; Il-volum ta' kull xorta ta' skart; Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant dwar: 1) Kemm kienet l-ispi ż a totali maħruga mill-gvern u/ jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perjodu 2002-2005. Kull ammont ta’ skart li nġarr lejn l-Impjant ta’ Sant Antnin bejn l-2002 u l-2005 kien jaqà taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsilli Lokali, għaldaqstant il-WasteServ m’għandhiex statistika dwar dan il-ħlasijiet għal dan is-servizz. 2) Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/ jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skar t jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perjodu; Sena Tunnellaġġ Rata (kull tunnellata) Spiża totali (Vat inkluża) 2002 5,040.38 Lm 1.60 Lm 8,064.61 2003 8,504.15 Lm 2.10 Lm 17,858.72 2004 13,209.00 Lm 2.15 Lm 28,399.35 2005 13,380.09 Lm 3.14 Lm 42,013.48 3) It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perjodu; Mixed Municipal Waste, Green Waste, Separate Waste, Bulk u Tyres. 4) Il-volum (tunnellagg) ta' kull xorta ta' skart; Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Total Waste 2002 14,972.54 21.54 559.14 15,553.22 Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Tyres Total Waste 2003 23,410.03 90.77 745.44 188.09 24,434.33 Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Bulk Tyres Total Waste 2004 29,153.50 1,535.03 3,202.04 139.69 962.28 34,992.54 2005 30,698.34 3,382.00 4,550.26 1,278.80 841.29 40,750.69 5) Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perjodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi ohra? L-iskart minn Għawdex beda jinġarr lejn Sant Antnin u l-Magħtab meta l-miżbla tal-Qortin giet magħluqa, minn Mejju 2004. L-ispiża minn dak iż-żmien ‘l hawn għal ġarr ta’ l-iskart lejn Sant Antnin biss kienet kif murija hawn taħt: Perjodu Spiża totali (VAT Inkluza) (Lm) Sena 2004 Mejju 11,921.37 Ġunju 15,626.64 Lulju 19,609.58 Awissu 17,570.79 Settembru 14,846.57 Ottubru 13,521.96 Novembru 12,754.43 Diċembru 8,788.09 Sub-total Lm 114,639.43