Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel Speċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li fl-iskejjel kollha l-ħin tal-lezzjonijiet huwa ta' tliet kwarti, fl-iskejjel speċjali kull lezzjoni hija ta' siegħa? Ma jaħsibx li dan il-fatt joħloq problemi ta' konċentrazzjoni għal dawn it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel speċjali tqassmulhom ezempji ta' orarji (time-tables) differenti għall-lezzjonijiet ibbazati fuq tul ta' ħin differenti. Minħabba l-livell intellettwali kif ukoll ta' dizabilitajiet differnti ta' l-istudenti, il-Kapijiet ta' dawn l-iskejjel jiddeċiedu t-tul ta' ħin addattat tal-lezzjoni wara li jikkonsultaw ma' l-għalliema konċernati.

Adult Training Centre

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed isir biex l-adult training centres isir titjib sostanzjali fihom? Tista' tgħid x'servizzi qed jiġu offruti u jekk issirx distinzjoni fl-etajiet differenti li hemm, anke minħabba l-fatt li wara li dawn il-persuni jgħalqu t-18-il sena jħallu l-iskejjel speċjali u suppost jibdew jattendu l-ATC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fost is-servizzi u programmi li qed jiġu preżentement offruti lill-klijenti li jattendu l-ATCs hemm: · Individual Living Skills; · programm fil-kċina biex jitgħallmu jippreparaw xi ikel ħafif; · Self Advocacy Programme; · edukazzjoni bażika; · drama, mima u mużika; · xogħol ta’ crafts (bħal ganutell, crochet, knitting, eċċ.); · sports/edukazzjoni fiżika u · ħruġ edukattiv u rikreattiv. Il-klijenti jieħdu sehem attiv fil-programmi u servizzi msemmija skond l-abilita’ u x-xewqa tagħhom. Ninsab infurmata wkoll li dawn is-servizzi u programmi qed jiġu evalwati bil-ħsieb li jsir it-tibdil li jkun hemm bżonn bl-iskop aħħari li kull persuna li tattendi f’dawn iċ-Ċentri tingħata programm bażiku ta’ ħiliet u assistenza biex tgħix kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Inizjattivi oħra maħsuba jew li qed jiġu implimentati jinkludu: 1. l-ingaġġ ta’ numru ta’ professjonisti f’dixxiplini speċifiċi bħal physio-therapy, occupational therapy u social work biex ikunu jistgħu jassistu fl-għoti ta’ servizzi li jmorru oltre mill-programmi bażiċi ta’ kuljum li jsiru fiċ-Ċentri; 2. l-ingaġġ ta’ aktar support workers imħarrga biex iwettqu l-programmi individwali tal-klijenti; 3. il-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti għat-trasport tal-klijenti bil-ħsieb li jiġi riorgaanizzat dan is-serviżż għal aktar kumdita’ tal-klijenti; 4. introduzzjoni ta’ programmi ġodda biex il-klijenti jkollhom aktar għazla kif iqattgħu il-ħin fiċ-Ċentri. Għalkemm ma ssir l-ebda distinzjoni f'dik li hi eta', is-servizzi u programmi jridu jieħdu konsiderazzjoni kemm ta’ l-eta' u wkoll tal-bżonnijiet partikolari tal-persuna li ser tirċievi jew tipparteċipa fihom. Qed jiġi ppjanat ukoll li ċ-Ċentri jieħdu persuni mir-reġjun li fih ikun jabitaw. Dan il-parteċipanti jkunu nvoluti aktar fil-ħajja tal-kommunita' fejn ikun lokalizzat iċ-Ċentru u viċin kemm jista’ jkun tal-lokalita' fejn jgħixu l-klijenti.

Taxxa tal-VAT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20364, bil-kelma kontribuzzjoni qed nifhem il-kelma ħlas dovut, jista' issa għalhekk ġentilment iwieġeb din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li matul Jannar 2006 sa Ġunju 2006 kien hemm 1087 persuna li ma ħallsux it-taxxa tal-VAT kollha. Din kienet tammonta għal Lm1,902,912. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, kien hemm 165 persuna li kienu ukoll ma ħallsux kollox fl-2005.

Faċilitajiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif beħsiebu jinkoraġġixxi l-użu ta' faċilitajiet sportivi minn għaqdiet oħra wara l-ħin ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-faċilitajiet sportivi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport huma kollha użati wara l-ħin ta' l-iskola mill-għaqdiet sportivi. Issa li qed jiżdiedu faċilitajiet sportivi ta' kwalita' fl-iskejjel qed isiru arranġamenti bejn skola għaqdiet għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.

Skejjel — Faċilitajiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx faċilitajiet sportivi fl-iskejjel ta' l-Istat li qed jintużaw minn għaqdiet sportivi wara l-ħin ta' l-iskola? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema skejjel, min qed jużahom u jekk hux qed isir ħlas għal dan u kemm?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Segretarjat Privat

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tas-segretarjat privat tiegħu fil-preżent u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni li spiċċaw mis-segretarjat privat? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol tagħhom u fejn qed jaħdmu, jiġifieri jekk hux fil-ministeru stess jew inkella f'xi post ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub dwar uffiċjali fis-segretarjat tal-Ministru ingaġġat skond il-Linji Gwida ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li uffiċjali li spiċċaw mis-Segretarjat u marru jaħdmu f'post ieħor barra mill-Ministeru kienu dawn : Pierre Cauchi : ex-Segretarjat Privat (issa fl-uffiċju tal-President) Micheline Sciberras - ex-Policy Coordinator (issa Direttur) Stefan Cordina : ex-Segretarjat Privat (issa fil-Marsa Racing Club) Brian Camilleri : ex-Driver (issa settur privat).

Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Konxju mill-fatt li l-gvern kien qal li fuq perijodu ta' tmien snin se jonfoq Lm60 miljun f'xogħol tant meħtieġ fl-iskejjel, jista' il-Ministru jgħid minfejn toħroġ din il-figura mill-arranġament li jeżisti bejn il-gvern u l-APS? Jista' jgħid minn meta bdiet sal-lum kemm intnefqu minn dawn is-Lm60 miljun?

Response (GALEA, LOUIS)

L-impenn tal-Gvern hu li jibni l-iskejjel li hemm bżonn u jimmodernizza l-iskejjel ta' l-Istat. L-analiżi li kienet saret fl-2000 indikat li jkunu meħtieġa ċirka Lm60 miljun esklużi il-prezz ta' l-art u l-VAT. Huwa ovvju li l-proġett jieħu numru ta' snin u qed jitwettaq f'fażijiet differenti. L-arranġamenti bejn l-APS u l-Gvern ikopri l-bżonnijiet tal-proġetti li twettqu fl-aħħar snin u li qed jitwettaq bħalissa. Informat li s'issa l-Gvern investa permezz ta' l-FTS is-somma ta' Lm18,711,052 bejn l-2001 u Ġunju 2006.

Higher Secondary — Nuqqas ta' għalliem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jintbagħat għalliem ieħor fis-suġġett tal-marketing ġewwa l-higher secondary tan-Naxxar minħabba li jidher li madwar 40 student u studenta ġew imċaħħda minn dan is-suġġett minħabba nuqqas ta' għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser isiru l-interviews għal Supply Teacher tal-Marketing fi żmien qasir.

Każ dwar impjegata

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament minfejn qed titħallas u minn liema fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollha ebda nformazzjoni fuq minfejn jitħallsu l-persuni u minn liema fondi.

MMA/MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-relazzjoni bejn il-Malta maritime authority u n-nautical school ta' l-MCAST li tinsab fil-Kalkara? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx persuni li jaħdmu ma' l-MMA u li jmorru jgħallmu f'din l-iskola? Jekk fl-affermattiv, kemm huma u meta jmorru jagħmlu dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita Marittima ta' Malta għandha rwol ta' sieħeb (partner) ma' l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST permezz ta' ftehim ta' ko-operazzjoni li ġie iffirmat fl-4 ta' Lulju 2001. Fost l-għanijet ta' dan l-arranġament hemm il-promozzjoni, l-iżvilupp u provvediment u titjieb tal-faċilititajiet għal-ċentru nazzjonali u internazzjonali għat-taħrig, żvilupp u disseminazzjoni tal-ħila u prattiċi fis-settur marittimu. L-Awtorita', permezz tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili, għandha rwol ta' regulatur fejn jidħlu materji, li huma regolati mil-konvenzjoni tal-STCW International Convention on Standards of Training, Certification and Watchkeeping for Seafarers u regolamenti relatati ta' l-Awtorita', li jwasslu għaċ-ċertifikazjoni tal-baħħara. Separatament, l-Awtorita' Marittima, permezz tad-Direttorat tal-Yachting, tapprova u toħrog il-liċenzja nawtika li dawk il-persuni li jkunu ikkwalifikaw mill-kors imsejjaħ Basic Seamanship & Safe Boat handling imħejji mill-Maritime Institute speċifikament għall-dan il-għan. Żewg impjegati mill-Awtorita' huma awtoriżżati mill-Awtorita Marittima sabiex jagħlmu f'din l-iskola fuq bażi personali u mhux waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Tas-Sliema — Istitut tal-hairdressing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi annex li qed jintuża ġewwa l-Imsida u li jagħmel parti mill-istitut tal-hairdressing li jinsab f'Tas-Sliema? Jekk fl-affermattiv, fejn jinsab dan u jfissirx ukoll li l-istudenti jkollhom joqogħdu jmorru minn post għall-ieħor matul il-ġurnata? Jikkonferma l-Ministru li minħabba nuqqas ta' spazju ġewwa Tas-Sliema, xi lezzjonijiet qed isiru fit-toilet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-blokk ta' l-Imsida jsiru l-lezzjonijiet għal studenti tal-Community Services, fosthom dawk li qed jagħmlu l-kors tal-Hairdressing. Fil-blokk ta' tas-Sliema isiru wkoll lezzjonijiet u aktar prattika għal studenti li qed jagħmlu l-korsijiet tal-Hairdressing u Beauty Therapy. L-ebda student ma jmur minn post għall-ieħor matul il-ġurnata, l-istudenti għandhom ġranet fejn imorru l-Imsida u ġranet fejn imorru tas-Sliema. Għalkemm hemm nuqqas ta' spazju ġewwa tas-Sliema, qatt ma saru lezzjonijiet fit-toilet. Tajjeb ukoll ngħid li bħalissa qed jinbena blokk fil-Campus ta' l-MCAST ta' Raħal Ġdid biex jakkomoda aħjar l-istudenti u l-korsijiet ta' dan l-Istitut. Dan qed isir bl-għajnuna ta' l-U.E.

Kalkara — Skola marittima

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmlu l-awtoritajiet edukattivi sabiex isolvu l-problema ta' nuqqas ta' għalliema/lecturers fl-iskola marittima jew nawtika li tinsab fil-Kalkara u li taqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-MCAST? Jista' jgħid ukoll jekk l-istudenti kollha li qed jattendu f'din l-iskola għandhomx stipendju jew le? Jista' jgħid x'inhuma l-entry requirements preżenti u kif kienu tliet snin ilu? Liema huma l-eżamijiet u/jew iċ-ċertifikazzjoni li jingħataw fl-aħħar tal-kors? Kemm idum kors f'din l-iskola? Meta jsiru l-eżamijiet ta' l-aħħar tal-kors u min huma l-eżaminaturi? X'inhuma l-pjani ta' l-MCAST għal din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa, l-Istitut Marittimu għandu l-għalliema meħtieġa għall-korsijiet kollha li qed isiru full-time u li fil-fatt iddaħħal full-time lecturer ieħor u zewġ part-timers biex jgħallmu fuq il-korsijiet ewlenin. L-istudenti kollha li huma intitolati li jirċievu l-istipendju qegħdin jirċievuħ jew qegħdin fil-proċess li jirċievuħ, speċjalment jekk huma studenti li daħlu mat-tieni sejħa ta' applikazzjonijiet riċentement. Il-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f'kull kors huma stipulati fil-Prospectus tal-Kulleġġ. Dettalji ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-MCAST se jkompli joffri l-korsijiet ezistenti kif ukoll oħrajn skond il-ħtieġa u se jkompli jinvesti fir-rizorsi biex jitwettqu dawn il-korsijiet.

Biċċerija — Veterinarji Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20721, jista' il-Ministru jgħid minfejn huma l-veterinarji barranin li qed jaħdmu l-biċċerija? Meta jintemmilhom il-kuntratt? Hemm veterinarji Maltin li issa jistgħu jiġu mpjegati fil-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-veterinarji barranin li qed jaħdmu il-biċċerija huma mill-Italja. Il-kuntratti ta’ dawn il-veterinarju jiskadu matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2007. Hija l-intenzjoni tal-Ministeru tiegħi li fil-futur qarib iniedi sejħa għall-ingaġġ ta’ veterinarji Maltin kif sar sena u nofs ilu.
Leg 10 PQ #21202 Sitting 443 2006-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Studenti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20722, jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel li ġew immultati? Kemm ġew immultati? Tħallsu jew inkella setgħu jappellaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

B'riferenza għal-Mistoqsija Parlamentari Nru 20722 l-iskejjel li ġew immultati kienu: Il-Business English Language School li ġiet immultata darba u l-EF International School of English li ġiet immultata darbtejn. Il-mutli imposti kienu ta' Lm 200 kull darba, li naqsu għal Lm 50 peress li kienu tħallsu fi żmien 21 ġurnata minn meta ġiet imposta l-multa amministrattiva. Il-faċilita' li l-multa titnaqqas għal 25% tingħata fuq kull multa amministrattiva sabiex jiġi evitat proċediment fil-qrati ġudizzjarji.

Paceville — Spezzjonijiet

Question

Skond tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20723 mill-Ministru tat-Turiżmu, membri tal-korp tal-pulizija daru Paceville biex jaraw li l-iskart ma jitqegħidx barra l-istabilimenti meta mhux suppost, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kontravenzjoni sabet il-pulizija bejn Jannar u l-aħħar ta' Settembru 2006? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda instanza fejn il-Pulizija sabet xi kontravenzjoni kif imsemmija mill-Onor. Interpellant.

Universita' — Studenti li qed isegwu full-time course

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Universita' ta' Malta li bħalissa qed isegwu full-time course? Kemm huma l-istudenti li bdew full-time course minn din is-sena akkademika? Jista' jgħid ukoll kemm huma l-istudenti Għawdxin, inkluż dawk li bdew din is-sena, li qed isegwu kors full-time fl-Universita'? Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-istudenti li f'din is-sena 2006/2007 applikaw biex jibdew kors ta':- Bachelor of Science (Business & Computing); Bachelor of Science (Hons) Information Technology; Bachelor of Science (Hons) - Biology, Chemistry, Mathematics, Physics, Statistics & Operations Research, Computer Science; Informatics Bachelor of Engineering (Hons); Bachelor of Education/PGCE - Biology, Chemistry, Physics, Mathematics, Computer? Jista' jgħid ukoll kemm ibbenefikaw studenti fl-2005/06 mit-test tal-mezzi u kemm f'din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu kors full-time fl-Universita' huwa 7,558, li minnhom hemm 2,292 daħlu din is-sena. In-numru ta' studenti Għawdxin li bdew xi kors full-time din is-sena huwa 212. Informazzjoni dwar kemm applikaw studenti fil-korsijiet ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' — Xiri ta' kotba

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża totali ta' l-Universita' għax-xiri ta' kotba/periodicals matul is-sena 2005 u 2006 separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-nefqa rikorrenti ta' l-Universita' għax-xiri ta' kotba/periodicals matul is-sena 2005 kienet ta' Lm371,163, filwaqt li n-nefqa għas-sena 2006 sa 10 ta' Ottubru ta' l-istess sena, kienet ta' Lm531,055.

Ħruġ ta' visa lil żewġ studenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-problema biex tinħareġ visa lil żewġ studenti li diġa' ħallsu għall-kors tagħhom hawn Malta u li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-policy, il-kriterji jew terms of reference li jużaw il-pulizija f'każi fejn jiġu mitluba sabiex joħorġu visas?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16132.

Fgura — Bieb ta' barra ta' bini tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara mad-dipartiment jew awtorita' konċernata jekk il-bieb ta' barra ta' bini tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistax jiġi rranġat minħabba li qed jinfetaħ ġo bieb ta' flat ieħor u dan b'inkonvenjent għar-residenta tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.