Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni finanzjarja ta' l-orkestra nazzjonali għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006? Kif ġiet minfuqa din l-allokazzjoni kull sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni għall-allokazzjoni rikorrenti u kapitali separatament? Kien hemm allokazzjonijiet addizzjonali? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-allokazzjoni finanzjarja ta' l-Orkestra Nazzjonali għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 kienet kif jidher hawn taħt:
2003 Lm 235,000
2004 Lm 270,000
2005 Lm 290,000
2006 Lm 290,000
L-allokazzjoni ta' kull sena ntefqet biex tkopri parti sostanzjali tal-pagi tal-mużiċisti u impjegati ta' l-Orkestra Nazzjonali. Ta' kull sena, il-kumplament tal-pagi li ma koprietx l-allokazzjoni finanzjarja allokata lill-Orkestra flimkien ma' spejjeż oħra u dawk kapitali ġew koperti minn dħul ieħor li ġej minn kunċerti u attivitajiet oħra simili organizzati mill-Bord tad-Diretturi.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-vot għall-Masterpieces of European Art li għandu allokazzjoni ta' Lm43,000 għas-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-vot jirrelata għal attività kulturali inter-komunitarja li ser tiġi organizzata biex tikkomemora l-ħamsin anniversarju ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma. L-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ntalbu jikkontribwixxu s-somma ta’ € 100,000 kull wieħed kif ukoll jiffinanzjaw l-ispejjeż biex jintbagħat artist magħruf lokali biex jirrappreżenta lil Malta f’din l-attività.
Għaldaqstant, il-Gvern iddeċieda li jivvota s-somma ta’ Lm 43,000 biex ikopri kemm l-ispejjeż tal-kontribuzzjoni kif ukoll l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta’ l-artist.
Ta’ min iżid li l-Unjoni fdat l-organizzazzjoni ta’ dan il-proġett f’idejn
Europalia International,
li hi
non-profit making organisation,
li l-għan ewlieni tagħha hu li tinxtered il-kultura ta’ l-Istati Membri ta’ l-Ewropa u l-ġirien tagħhom.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se taħdem u min se jikkwalifika għall-miżura mħabbra fil-budget għas-sena 2007 dwar l-eżenzjoni tal-VAT għall-qasam tal-kultura? Jista' jgħid ukoll meta se tidħol fis-seħħ? Saru xi stimi dwar kemm tista' tiswa din il-miżura f'termini finanzjarji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-mizura daħlet fis-seħħ immedjatament u għaldaqstant kull soċjeta volontarja li l-għan tagħha hu li ma tagħmilx profitti, u li tagħti servizzi kulturali, tista’ tikteb lill-Ministeru tal-Finanzi sabiex tingħata lilha din l-ezenzjoni.
Saru stimi approssimativi u nstab li din il-mizura m’għandiex effett negattiv qawwi f’termini finanzjarji.
B'riferenza għad-diskors tal-Ministru fejn hu stess qal li madwar 80% tal-kurrikulu ġie mwettaq skond rapporti u analisi li waslu għandu, jista' ipoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Meta l-Onor. Membru jipprovdi d-dokumentazzjoni li ssostni l-allegazzjoni ripetuta diversi drabi mill-oppożizzjoni li 80% fil-mija tal-Kurrikulu Nazzjonali ma twettaqx, inkun nista' nagħtih ħafna aktar dettalji biex nurih li, bil-kontra, mat-80% tal-Kurrikulu Nazzonali qed jitwettaq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 u kif dawn l-allokazzjonijiet ġew minfuqa separatament? Kien hemm xi fondi addizzjonali allokati għal din l-ente? Tista' l-informazzjoni tingħata għall-ispiża rikurrenti u kapitali separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant tinsab fl-audited accounts li kopja tagħhom kienet tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol ta' natura kapitali se jsir fit-Teatru Manoel għas-sena 2007 u minn fejn se jiġu ffinanzjati minħabba li l-allokazzjoni kapitali għas-sena d-dieħla hija ta' Lm5,000? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża kapitali għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 u minn fejn ġew iffinanzjati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ispiża kapitali għas-sena 2007 se tkun koperta mill-fondi kapitali mhux minfuqa tas-sena 2006.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' Maltija għat-turiżmu tallokax fondi għall-kultura? Jekk iva, minn meta bdiet tagħmel dan u kemm kien l-ammont f'kull każ separatament? Jista' jgħid fiex ġew minfuqa dawn il-fondi?
Għas-sena 2007 se jkun hemm allokazzjoni għall-kultura? Jekk fl-affermattiv, kemm se tkun din l-allokazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar matul din is-sena 2006 mit-twaqqif ta' Akkademja Nazzjonali tal-Mużika u kif ġiet minfuqa l-allokazzjoni ta' Lm5,000 fil-budget?
Jista' jgħid ukoll x'inhu maħsub li jsir matul is-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura lesta l-policies, termini u struttura li għandhom iservu bħala l-bażi ta’ l-Akkademja. Il-Ministeru qiegħed jevalwa numru ta’ rakkomandazzjonijiet li ġew imressqa quddiem il-Ministeru bil-għan li l-Akkademja tkun ta’ livell għoli kif mistenni.
Il-Ministeru uża l-allokazzjoni ta’ Lm 5,000 biex jagħmel xi studji li kienu neċessarji f’dan il-perjodu ta’ qabel it-twaqqif ta’ l-istess Akkademja.
Qegħdin ukoll jiġu diskussi l-possibbiltajiet biex l-Akkademja tibni affiljazzjonijiet ma’ akkademji/istituzjonijiet oħra barranin biex tiżgura livell dejjem aktar għoli ta’ tagħlim fil-qasam tal-mużika. L-Akkademja ser toffri ukoll faċilitajiet oħra bħaċ-ċentru ta’ riċerka mużikali li għandu jgħin lil mużiċisti biex ikomplu t-taħriġ tagħom f’dan il-qasam.
Fl-2007, l-Ministeru ser ikompli jibni fuq dak li diġà bena din is-sena bl-iskop li jlesti l-aħħar dettalji fuq struttura u operat ta’ l-Akkademja filwaqt li jlesti l-bażi biex l-Akkademja tibda topera fil-futur.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jżid karozza tal-linja oħra li tkun diretta għall-istudenti tal-junior college, l-MCAST u l-Universita' minħabba li t-tnejn li hemm għan-naħa tal-Cottonera, Ħaż-Żabbar u l-Fgura jkunu mimlija b'konsegwenza li numru ta' studenti jkollhom jaslu tard l-iskola u f'xi ċirkostanzi anke tnaqqsilhom l-istipendju?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-lokalitajiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma moqdija tajjeb.
Jista' jkun illi fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika s-servizz ma bediex ileħħaq maż-żieda inaspettata fid-domanda. Dan issa ġie rrimedjat peress li l-ewwel ħin tas-6.45 ta-rotta 300 li taqdi n-naħat ta' l-Isla, l-Birgu, Żabbar, Fgura u Raħal Ġdid qiegħda tiġi servuta bit-tlett karozzi tal-linja minflok bit-tnejn kif kienet qabel. Barraminhekk l-istudenti li jmorru l-MCAST jagħmlu użu mir-rotot kollha li jitilqu min-naħa tal-Cottonera perss li dawn kollha jgħaddu mir-Raħal Ġdid, filwaqt li n-noll huwa irħas minn dak tar-rotta ta' l-Universita'.
Għaldaqstant, l-ADT u l-ATP ma jirriżultaliex li hemm problemi fil-lokalitajiet msemmija.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultati tat-TIMSS li Malta ħadet sehem fih għall-ewwel darba u li ġew mibgħuta lill-awtoritajiet edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni s'issa ħadet sehem biss fil-'Pilot Field Test' u għalhekk m'għandhiex riżultati.
Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma u kollaborazzjoni qed issir bejn l-iskejjel speċjali u l-adult training centres ħalli problemi eżistenti, bħal persuni ta' eta' kbira li jibqgħu fl-iskejjel speċjali, tiġi solvuta fl-aħjar interess tal-persuni b'diżabilita' u mhux billi sempliċement jgħidu lill-ġenituri ta' dawn il-peruni li mhux se jibqgħu jiġu aċċettati aktar fl-iskejjel speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha Transition Organiser biex tieħu ħsieb ix-xogħol rigward it-trasferiment ta' l-istudenti mill-iskejjel speċjali għaċ-Ċentri ta' l-Adulti. Minn naħa tad-Diviżjoni tipprepara il-profili u l-programmi ta' l-istudenti minn qabel. Il-Ministeru tal-Familja u Affarijiet Soċjali ingħata informazzjoni dettaljata fuq kull student. 29 student ta' eta' bejn it-23 u 26 sena ġew allokati post fiċ-Ċentri ta' l-Adulti. Bħalissa it-Transition Organiser tad-Diviżjoni qed tieħu sehem fil-case conferences ta' kull persuna li ser tibda tattendi f'dawn iċ-ċentri.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex nuqqas ta' għalliema ġewwa l-MCAST, bħal fil-każ ta' l-industrial electronics u l-Ingliż, tiġi solvuta malajr kemm jista' ikun għall-ġid ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut ta' l-Inġinerija Elettrika u Elettronika ġew solvuti d-diffikultajiet kollha fir-rigward ta' nuqqas t'għalliema.
Informat ukoll li l-istudenti issa qed jiġu mogħtija l-lezzjonijiet kollha allokati lilhom.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-perijodu li l-pixxina nazzjonali se tkun magħluqa sarux xi arranġamenti oħra, bħalma ġieli sar, sabiex il-membri kif ukoll dawk li jiffrekwentawha jkunu jistgħu jmorru xi pixxina oħra? Barra minn dan, jista' jgħid ukoll x'xogħol se jsir fil-perijodu li se tkun magħluqa? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jqum ix-xogħol kollu li se jsir separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma sar l-ebda arranġament ma xi faċilita' oħra għalwaqt il-perjodu illi l-Main Pool tal-Pixxina Nazzjonali mhux ser tkun imsaħħna.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija dwar ix-xogħolijiet li saru nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 21071.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħataw il-kotba li hemm nieqsa fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar, speċjalment tas-sitt sena, fejn jirriżulta li hemm numru ta' kotba f'suġġetti differenti nieqsa għax għadhom ma ġewx provduti lilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar ma' jirriżultax li hemm kotba neqsin speċjalment f'dak tas-Sitt Sena.
Informat ukoll li f'din l-iskola fil-Year 6 hemm 146 student u fil-Year 7 hemm 41 li b'kollox jammontaw għal 187 student. Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni qassam 190 sett tal-kotba kollha li jintużaw f'dan is-settur.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jżid karozza tal-linja oħra li tkun diretta għall-istudenti tal-junior college, l-MCAST u l-Universita' minħabba li t-tnejn li hemm għan-naħa tal-Cottonera, Ħaż-Żabbar u l-Fgura jkunu mimlija b'konsegwenza li numru ta' studenti jkollhom jaslu tard l-iskola u f'xi ċirkostanzi anke tnaqqsilhom l-istipendju?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li għalliema fl-iskejjel speċjali qed jiġu mitluba li jagħmlu xogħol li mhux relatat max-xogħol tagħhom mill-kapijiet stess u min ma jaċċettax qed jiġi ppersegwitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Le, mit-tagħrif li għandi ma nikkonfermax l-allegazzjoni tal-Mistoqija.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-għalliema fl-iskejjel speċjali qed jiġu mġiegħla jsegwu sillabi li huma magħmulin għall-iskejjel Ingliżi? Għaliex l-għalliema mhux qed jitħallew isegwu sillabi ta' Malta? Għaliex anke l-kurrikulu minimu nazzjonali mhux qed jiġi segwit f'dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema fl-Iskejjel Speċjali qegħdin isegwu sillabu pparagunat mas-sillabu Malti. Huma qed jintalbu juzaw l-Iskemi tax-Xogħol (Schemes of Work) miktuba apposta għall-istudenti bi bzonnijiet edukattivi speċjali. Dawn l-iskemi jistgħu jiġu addottati għas-sitwazzjonijiet differenti u individwali ta' kull tifel u tifla u huma utli ħafna biex tippjana l-lezzjoni. B'danakollu jiġi assigurat li Kurrikulu Nazzjonali qed jiġi segwit ħafna aktar minn qatt qabel.
Jista' il-Ministru jgħid min qed jaqleb l-EQUALS għall-Malti? Jista' jgħid jekk l-education officers konċernati ġewx konsultati dwar il-kontenut ta' l-EQUALS biex ikun konformi mal-kurrikulu minimu nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess ta' l-EQUALS għadu ma daħalx fis-seħħ. Li qiegħed jintuza bħalissa huwa l-format ta' dan il-Kurrikulu.
M'hemmx dubju li l-kontenut ta' dan il-Kurrikulu jrid ikun konformi mal-Kurrikulu Nazzjonali.
Bħalissa qiegħed isir studju komparattiv bejn il-Kurrikulu ta' l-EQUALS u dak tal-Kurrikulu Nazzjonali, biex jiġu identifikati l-oqsma fejn jaqblu u fejn ma jaqblux.
Eventwalment se jkunu l-għalliema kif ukoll l-Uffiċjali Edukattivi li se jassiguraw li l-Kurrikulu ta' l-EQUALS ikun konformi ma' dak tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed jiġi permess li għalliema jagħmlu xogħol ta' assistenti kapijiet mingħajr awtorizzazzjoni fl-iskejjel speċjali, b'konsegwenza li jkun hemm għalliema senior tagħhom li ma jkunux jistgħu jużaw l-uffiċċju? Jekk f'dawn l-iskejjel speċjali hemm lok ta' assistent head, x'inhi r-raġuni li dawn jiġu appuntati uffiċjalment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda għalliema fl-Iskejjel Speċjali li qed jagħmlu xogħol ta' assistenti kapijiet mingħajr awtorizzazzjoni.
Informat ukoll li ma hemm ebda għalliem li ġie mċaħħad milli jagħmel uzu mill-uffiċċju meta nħass il-bzonn f'dawn l-iskejjel speċjali. Huwa maħsub li tinħareġ sejħa għall-applikazzjoni għal post ta' Assistenti Kapijiet fl-iskejjel speċjali skond ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Spiteri.