Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx għalliema neqsin fil-Junior College? Jekk iva, ta' liema suġġetti u meta se jiġu mimlija l-vakanzi li hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa fil-Junior College hemm għalliem fid-dipartiment tal-Computing u l-I.T. li jinsab fuq sick leave fit-tul. Wara li saru l-intervisti nhar it-Tlieta 7 ta' Novembru 2006 għal dan il-post vakanti, l-Universita' se timpjega għalliem ġdid fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir biex jiġi attirat it-turiżmu reliġjuż biex b'hekk jitgawda aktar il-wirt kulturali reliġjuż? Kien hemm kuntatti ma' l-awtoritajiet tal-knisja f'dawn l-aħħar xhur dwar dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fi Frar 2006, sar kuntatt uffiċjali mill-MTA ma' l-organizzazjoni Turiżmu Reliġjuż immexxijja minn Mons. Philip Calleja. Aktar tard fl-istess xahar, L-MTA bagħtet rappreżentant biex jipparteċipa fil-fiera RELIGIO li saret Pariġi.
Saru wkoll zewħ press trips, wieħed f’Ġunju u l-ieħor f’Settembru 2006 fejn fuq stedina ta’ l-MTA ġew żahru Malta u Għawdex numru ta’ ġurnalisti speċjalizzati fil-qasam reliġjuz, minn Franza (Homme Nouveau, France Catholique, Feu & Lumiere, KTO TV), mill-Olanda (Quinta, Katholiek Nieuwsblad), u mill-Belgju (L’Evenement) sabiex jippromwovu il-wirt reliġjuz tagħna.
Barraminnhekk, l-MTA qed tipparteċipa fi-proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropeja – Med Mission li jitratta dwar l-itinerarju ta’ San Pawl fil-Mediterran. Ta’ min jgħid ukoll illi l-MTA għanda kuntatt kontinwu mal-Fondazzjoni tal Kon-Katidral ta’ San Gwann fejn spiss jittieħdu ġurnalisti biex jiffilmjaw u jirrappurtaw dwar il-Katidral. L-istess isir fil-każ tal-Katidral ta’ l-Imdina, il-Katidral ta’ Għawdex, il-Katakombi ta’ San Pawl u postijiet oħra ta’ interess turistiku-reliġjuz.
L-MTA għanda wkoll kuntatti mal-membri tal-Missione Archeologica Italiana fejn jiġu segwiti l-iskavi ġewwa San Pawl Milqi. Dan jgħin sabiex it-turiżmu reliġjuz kif ukoll arkeoloġiku jiġu promossi fl-Italja.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel biex il-mużewijiet li hemm kważi f'kull parroċċa jinfetħu aktar biex jitgawdew kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dawn il-mużewijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant jappartjenu għall-Knisja u ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta jew tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21822 u jgħid jekk ħarġitx xi tender jew expression of interest għal xi servizz jew ieħor marbuta mal-karnival? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk din għadha ma ħarġitx, hemm xi ħsieb li dan isir fil-futur qarib? Jista' jgħid ukoll jekk sarux kuntatti formali jew informali mal-kumpannija Where's Everybody?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, f’ isem il-Kummissjoni Nazzjonali Folklor ħareġ diversi kwotazzjonijiet għal servizzi marbuta mal-Karnival 2007. Dawn huma Il-Karru tar-Re tal Karnival, Mużika Background, Innu Karnival, Parata, Booklet, Sistema ta’ PA fl-enclosure u l-Furjana, Cranes u Tower Ladders. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn is-sejħiet.
Il-Kummissjoni Folklor fi ħdan il-Kunsill għamlet ukoll tlett sejħiet ta’ expression of interest. L-ewwel waħda li għalqet fit-22 ta’ Awissu kienet biex jintrama stand f’ Misraħ il-Ħelsien, Valletta. Waqt li it-tieni sejħa kienet għall-loġistika kollha ta’ l-enclosure f’ Misraħ il-Ħelsien, il-Belt, Valletta u din għalqet fl- 10.00 ta’ filgħodu ta’ nhar it-Tlieta 31 ta’ Ottubru 2006 u kienet publiċizzata permezz ta’ stqarrija għall-istampa u deheret f’ avviż speċifiku fil-ġurnali ewlenien tal-Ħadd 29 ta’ Ottubru 2006. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tas-sejħiet imsemmija. It.tielet expression of interest kienet tirrigwarda il-poster tal-Karnival.
Fl-aħħar nett ninsab infurmat ukoll li minn naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma saru ebda kuntatti formali jew informali mal-kumpannija Where's Everybody.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21825 dwar il-villaġġ tal-karnival?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma jkunx etiku li wieħed jagħti dettalji ta' x'ġie rakkomandat fil-kumitat kif indikat mill-Onor interpellant, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li dawn ir-rakkomandazzjonijiet eventwalment ikunu referiti lill-Kabinett tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-pożizzjoni tal-perit li ismu qed jintbagħat separatament vis-a-vis il-kumpannija Wasteserv? Jista' jgħid x'inhu l-ħlas dovut lilu għas-servizz li qed jagħti? Jista' jgħid jekk hux impjegat jew inkella konsulent? Jista' jgħid jekk hemmx xi kuntratt jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġih fuq il-mejda tal-Kamra? Jista il-Ministru jgħid ukoll jekk dan l-istess perit jagħmilx xi xogħol ieħor fi ħdan l-istess ministeru jew xi ente oħra li taqa' taħt l-istess dekasteru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-perit imsemmi ġie mqabbad fil-funzjoni ta’ perit forensiku b’konnessjoni ma’ l-appell ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-Impjant għat-Trattament ta’ l-Iskart ta’ Sant’Antnin. Huwa ġie mqabbad mill-kumpanija WasteServ (Malta) Limited fuq bażi ta’ konsulenza diretta skond il-kriterji stabbiliti mir-Regolamenti dwar il- Kuntratti Pubblici, 200. Il-ħlas għal dan is-servizz kien ta' Lm59.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu l-ħaddiema tal-cleansing service department bħala arretrati ta' overtime? Kemm-il xahar imorru lura dawn il-ħlasijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab nfurmat illi l-ammont ta’ arretrati f’overtime li għandhom jieħdu l-ħaddiema tal-Cleansing Services Department huwa ta’ Lm 28,021.58. Dawn immorru lura sa Mejju, 2006.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm minnhom huma minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel ta' l-Istat huwa ta' 546. In-numru ta' dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea huwa ta' 206.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti? Kemm minnhom huma minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru totali ta' studenti barranin (inkluzi dawk mill-Unjoni Ewropea) fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti huwa kif jidher hawn taħt:
Livell Primarju Livell Sekondarju Total
Skejjel tal-Knisja 20 13 33
Skejjel Indipendenti 272 256 528
Total 292 269 561
In-numru ta' studenti mill-pajjizi ta' l-Unjoni Ewropea fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti huwa kif jidher hawn taħt:
Livell Primarju Livell Sekondarju Total
Skejjel tal-Knisja 9 8 17
Skejjel Indipendenti 150 169 319
Total 159 177 336
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti barranin fl-Universita' ta' Malta li bdew jattendu xi kors din is-sena? Liema kors qed jattendu? Kemm minnhom huma minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena daħlu 336 student barrani, li minnhom 61 ġejjin minn pajjizi ta' l-Unjoni Ewropea. Informazzjoni dwar in-numru ta' studenti f'kull kors ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skejjel ta' l-Istat — Ground bil-ħaxix artifiċjali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li jsiru grounds ta' ħaxix artifiċjali fl-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena finanzjarja? Fejn u kemm se jintnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Kull fejn ser tinbena skola ġdida qed jiġi konsidrat għandux ikun hemm grawnd b'ħaxix artifiċjali. Il-Kunsill Malti Għall-iSports jinvesti wkoll f'faċilitajiet bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid kif se jikkumbatti l-assenteiżmu fl-iskejjel ta' l-Istat biex dan jibda jonqos? Jista' jgħid kemm ġew irrapportati studenti li naqsu li jattendu l-iskola mindu fetħet din is-sena skolastika sa l-aħħar ta' Ottubru? Kull kemm żmien l-iskejjel tal-Knisja u indipendenti jridu jirrapportaw lid-diviżjoni studenti li ma jattendux?
Response (GALEA, LOUIS)
Parti mix-xogħol tas-Sezzjoni Ħidma Soċjali fl-Iskejjel huwa li l-istudenti kollha jibbenefikaw mill-edukazzjoni bl-aħjar mod possibli.
Informat li meta s-Sezzjoni jkollha rapporti ta' assenteiżmu s-soċial workers jagħmlu żjarat fid-djar u fl-iskejjel u kull intervent ieħor neċessarju biex jaraw ir-raġunijiet għala xi tfal ma jkunux qegħdin jattendu l-iskola. Is-social workers jgħinu lil dawn l-istudenti u li l-familja tagħhom u xi drabi lill-iskejjel sabiex it-tfal jkunu jistgħu jerġgħu jiġu integrati lura fl-iskejjel.
Informat li għadu kmieni biex wieħed jagħti n-numru ta' studenti li naqsu li jattendu l-iskola mindu fetħet din is-sena sa' l-aħħar ta' Ottubru.
Informat li l-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti jinnotifikaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bin-numru ta' studenti li ma jattendux kull xahar tas-sena skolastika u l-informazzjoni tiġi verifikata f'kull term.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa huma dedikati għall-isports fil-livelli kollha ta' l-iskejjel ta' l-Istat? Kemm hemm għalliema tal-PE u kemm minnhom ġew ingaġġati għal din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iSkejjel Primarji hu ddedikat siegħa u nofs fil-ġimgħa għall-P.E. waqt li fl-iSkejjel Skondarji, Forms 1 u 2 għandhom 2 lezzjonijiet u Forms 3, 4 u 5 għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa. Dawk l-istudenti li jgħażlu l-P.E. bħala option ikollhom erba' lezzjonijiet fil-ġimgħa.
Informat ukoll li b'kollox f'Malta u Għawdex hemm 24 għalliem/a Peripatetic tal-P.E. li minnhom 7 ġew ingaġġati din is-sena fl-iSkejjel Primarji. In-numru ta' għalliema tal-P.E. fl-iSkejjel Sekondarji huwa ta' 102 li minnhom ġew ingaġġati 4 għal din is-sena skolastika.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti li saru fuq dak li kien iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u l-operat tiegħu bit-tmexxija li kellu?
Jista' il-Ministru jara li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ issib sponsorship lil studenti li qed isegwu kors f'heritage skills, marbut mal-ġebla f'dak li kien iċ-ċentru Malti għar-restawr, minħabba li jidher li hemm diffikultajiet serji biex dawn isibu sponsor li jgħinhom fil-kors li qed isegwu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid l-istudenti li qed isegwu kors fl-istitut marittimu ta' l-MCAST bħala OIC in navigational watch u li bdew f'Settembru 2003 u li skond il-prospectus spiċċaw f'Ġunju 2006, għadhomx meqjusa bħala studenti jew le minħabba li għadhom ma lestewx il-kors kollu flimkien ma' l-eżamijiet, minħabba nuqqas ta' lecturers għal numru ta' snin? Jekk fl-affermattiv, dawn huma intitolati għal stipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li bdew kors f'Settembru 2003 bħala Officer-in-Charge of a Navigational Watch fl-Istitut Marittimu ta' l-MCAST u li spiċċaw il-kors f'Lulju 2006 m'humiex intitolati għal stipendju.
Għalkemm il-kors tagħhom intemm f'Lulju, huma bħalissa qed jingħataw xi lezzjonijiet zejda fl-Istitut Marittimu f'xi suġġetti, biex jippreparaw għal ezami orali estern li fadlilhom jagħmlu. Għaldaqstant, peress li l-istudenti m'humiex qed jattendu l-iskola regolarment, m'humiex intitolati għal stipendju.
Kienet ix-xewqa ta' dawn l-istudenti kollha f'Lulju 2006, li jipposponu l-ġurnata ta' l-ezami 'l quddiem għall-ewwel ġimgħa ta' Diċembru 2006 minflok f'Awissu (kif normalment isir), biex ikunu izjed ippreparati fis-suġġett. Fil-fatt, l-istess studenti għadhom kemm talbu biex għal darb'oħra l-ezami jiġi pospost għal Jannar 2007.
Ta' min isemmi li mhux minnu, kif qed jingħad, li l-kors ma tlestiex minħabba nuqqas ta' lecturers.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni għall-Kavallier ta' San Ġakbu għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 u kif dawn l-allokazzjonijiet ġew minfuqa separatament?
Kien hemm xi fondi addizzjonali allokati għal din l-ente?
Tista' l-informazzjoni tingħata għall-ispiża rikorrenti u kapitali separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant tinsab fl-audited accounts li kopja tagħhom kienet tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni għat-Teatru Manoel għas-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 u kif dawn l-allokazzjonijiet ġew minfuqa separatament?
Kien hemm xi fondi addizzjonali allokati għal din l-ente?
Tista' l-informazzjoni tingħata għall-ispiża rikorrenti u kapitali separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant tinsab fl-audited accounts li kopja tagħhom kienet tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ħarġitx xi tender jew expression of interest għal xi servizz jew ieħor marbuta mal-karnival? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk din għadha ma ħarġitx, hemm xi ħsieb li dan isir fil-futur qarib? Jista' jgħid ukoll jekk sarux kuntatti formali jew informali mal-kumpannija Where's Everybody?