Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport ta' l-Iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod konkret x'isir minn min hu responsabbli mit-trasport ta' l-iskejjel sabiex jaraw li l-kuntratt qed jiġi onorat u li qed jiġi osservat? B'mod speċifiku, jista' il-Ministru jara li t-trasport li jwassal studenti tal-form 1 min-naħa tar-Rabat għall-junior lyceum tal-Handaq u li għandu annex ġewwa Tas-Sliema, qed jimxi mal-kuntratt, speċjalment li ma jmurx għall-istudenti aktar minn siegħa qabel ma tibda l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel huma obbligati li jinfurmaw lid-Divizjoni meta xi xufier jew operatur ma jimxix skond it-termini tal-ftehim milħuq ħalli jittieħdu l-mizuri li hemm stipulati fil-ftehim. Minħabba fit-traffiku li jkun hemm kuljum filgħodu, it-trasport ta' l-istudenti li jattendu l-Junior Lyceum tas-Sliema fuq ir-rotta Rabat, Mtarfa, Attard qed jitlaq mir-Rabat fis-7.00 flok fis-7.15. It-trasport l-ewwel jiġbor lill-istudenti tar-Rabat, wara ta' l-Imtarfa imbagħad ta' Ħ'Attard u jibqa' sejjer lejn Sliema.

MCAST — Kunsill ta' l-Istudenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix kunsill ta' l-istudenti ġewwa l-MCAST? Jekk fl-affermattiv, kif jinħatar u kull meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel Kunsill ta' l-istudenti fi ħdan l-MCAST ġie ffurmat matul ix-xahar ta' Ottubru 2006. Kull Istitut għandu d-dritt jeleġġi rapprezentant għall-Kunsill. Il-Kunsill għandu mandat sa Ottubru 2007. B'hekk l-elezzjonijiet isiru f'kull bidu tas-sena skolastika.

MCAST — Diplomi/Ċertifikati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diploma u ċ-ċertifikati mogħtija mill-MCAST humiex rikonoxxuti sabiex persuna ssib impjieg kemm mas-settur privat kif ukoll ma' dak pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha ta' l-MCAST fil-maġġoranza tagħhom isibu xogħol malli joħorġu mill-MCAST. Dan għaliex min iħaddimhom jirrikonoxxi d-diplomi u ċertifikati li dawn jiġu mogħtija. Informat ukoll li aktar ma jgħaddi z-zmien aktar qegħdin naraw sejħiet għal postijiet ta' xogħol fejn jintalbu pubblikament il-kwalifiki ta' l-MCAST.

MCAST — Kors ta' l-IT

Question

No question text.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li bħalissa qed isegwu kors ta' l-IT fl-MCAST huwa ta' 732. Barra minn hekk, 54 studenti se jibdew f'Jannar 2007. Informat ukoll li dawk kollha li riedu jibdew jattendu kors fl-IT fl-MCAST din is-sena ġew aċċettati kollha.

Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw għalliema, f'liema suġġetti u kemm minnhom ġew magħżula sabiex jibdew jgħallmu? Jista' jgħid x'vakanzi kien hemm u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema li ġew impjegati fl-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena skolastika 2006/7 huwa ta' 171 għalliem. Informat ukoll li fl-iskejjel primarji ġew impjegati 52 (inkluż ukoll għalliema waħda li ggradwat is-sena l-oħra) u fl-iskejjel sekondarji ġew impjegati 119. Informazzjoni dwar is-suġġetti li l-għalliema l-ġodda qed jgħallmu fl-iskejjel sekondarji ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu prodotti mid-dwana Maltija ta' oġġetti li kienu l-Freeport għat-trasbord matul din is-sena? X'kienu? X'isir minn dawn l-oġġetti meta l-proċeduri legali kollha jkunu saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min isemmi illi meta jittieħdu proċeduri legali in konnessjoni ma’ affarijiet miżmuma, wieħed irid jistenna li tingħata s-sentenza mill-Qorti ta’ Malta. L-interpretazzjoni ta’ kull sentenza tiġi esegwita u dan jista’ jkun billi l-affarijiet maqbuda jew jiġu distrutti fil-presenza tad-Dwana kif ukoll tar-rappreżentant tal-marka in kwestjoni, jew inkella jsiru propjeta tal-Gvern ta’ Malta. Kemm il-darba jsir dan ta’ l-aħħar, l-istess affarijiet ikunu jistgħu jinbigħu mit-taqsima inkarigata mill-bejgħ ta’ affarijiet maqbuda mid-Dwana. Id-dħul kollu minn dan il-bejgħ jgħaddi għand il-Gvern.

Liġi dwar il-Freedom of Information

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-wegħda li kien għamel li jressaq liġi dwar Freedom of Information qabel l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif tħabbar fi stqarrija għall-istampa datata 3 ta’ Mejju 2006, il-Gvern s’issa għadu kommess li jippublika White Paper dwar il-Freedom of Information Act ta’ din is-sena.

VAT — Affarijiet Edukattivi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas f'VAT matul din is-sena s'issa fuq affarijiet edukattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex persuni reġistrati m’humiex obbligati li jirrapurtaw il-ġeneru tal-bejgħ li jagħmlu.

Liġijiet dwar Divertiment — Kumitat Micallef Stafrace

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat Micallef Stafrace li qed jgħarbel il-liġijiet dwar id-divertiment?

Response (BORG, TONIO)

Il-Kumitat avvanza ħafna fix-xogħol tiegħu u ltaqa' diversi drabi. Malli jkolli r-Rapport, inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li terġa' issir sejħa għad-dħul fil-korp tal-pulizija? Meta kien sar l-aħħar reklutaġġ? Kemm daħlu rġiel u kemm nisa? Kemm huwa n-numru totali fil-korp illum u kemm hemm vakanzi fil-korp? Kemm mill-membri tal-korp huma taħt il-25 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir kull meta l-eżiġenzi tas-servizz ikunu hekk jirrikjedu. Fil-fatt bħalissa hemm 135 rekluta - 103 rġiel u 32 mara - li qed jagħmlu l-kors ta' taħriġ komprensiv fl-Akkademja tal-Pulizija li beda fit-23 ta' Ottubru. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 1,758 membru fil-Korp, li 215 minnhom għandhom anqas minn 25 sena, filwaqt li hemm vakanzi ta' 223, esklużi r-rekluti.

MCAST — Għalliema tal-Communication Skills

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tintbagħat persuna oħra bħala għalliema tal-communication skills fl-istitut tal-community services ġewwa l-MCAST minħabba li l-persuna konċernata ħarġet fuq long sick leave għal raġunijiet personali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-interviews għall-għalliema li jgħallmu il-Communication Skills saru, u r-rizultati ħarġu. Bħalissa qed jistennew risposta mingħand persuna li ntgħazlet biex jibda jgħallem minflok il-lecturer li qiegħdha fuq long sick leave.
Leg 10 PQ #22183 Sitting 468 2006-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Fortizzi u Bini Militari

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-fortizzi u bini militari ieħor li jaqa' taħt Heritage Malta? Qed isir xi sforz biex gruppi ta' turisti jiġu speċifikament minn barra biex iżuruhom? Hemm xi proġett biex studenti jingħataw lectures u jżuru dawn il-postijiet storiċi, speċjalment dawk li jistudjaw l-istorja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi Heritage Malta hija responsibli biss għal Fort Delimara. Għaddej studju fuq il-Forti biex fil-futur jiġi inkorporat bħala wieħed mis-siti miftuħ għal pubbliku ta’ Heritage Malta.
Leg 10 PQ #22184 Sitting 468 2006-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru laqgħat matul din is-sena ma' għaqdiet sportivi biex jiġi żgurat li jiżdiedu l-attivitajiet sportivi bi skop turistiku? Ma' min saru u x'riżultati kien hemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorita' dwar it-Trasport — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom l-impjegati ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, mill-grad ta' assistent direttur 'il fuq, u kif ġew maħtura fil-kariga li qed jokkupaw illum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Xemxija Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'kemm mistenni jinqabeż il-valur stmat fit-tender tal-Bypass tax-Xemxija? X'inhi r-raġuni għal dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa' LM3,009,445.36 u għaldaqstant b’żieda globali stmata LM454,721.68. Din iż-żieda hija primarjament kkawżata minħabba:- - is-sodda ta’ taħt it-triq eżistenti, hija dgħajfa ħafna u dvarja b’mod konsiderevoli u l-struttura tat-triq kella tinbidel. - introduzzjoni ta’ frenchdrain biex jiġbor l-ilma tax-xebgħa li jiġi għal ġo l-istruttura tat-triq minn naħa tal-Wardija, biex ma jagħmilx ħsara lill-istess struttura. - żieda fl-ammont ta’ xogħlijiet relatati ma’, bidla u/jew installar ta’ servizzi ta’ entitajiet differenti - introduzzjoni/rinfurzar ta’ ħitan biex jilqgħu t-triq. - kontinġenza ta’ 10% (LM273,585.94), li ġiet inkluża minħabba l-possibilta ta’varjazzjonijiet fit-terren li jistgħu jiltaqgħu matul il-proġett. F’din l-istima m’hemmx inkluż tiswijiet/strutturi neċessarji fin-naħa ta’ Tal-Fjuri u xogħlijiet ta’ landscaping li qed ikunu kkunsidrati b’mod separat.

Universita' — Studenti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21900, jista' il-Ministru jgħid jekk studenti barranin li jattendu xi kors fl-universita' iħallsux xi miżata? Jekk iva, kemm? L-istudenti li jiġu minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea huma eżentati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti barranin li jattendu l-Universita' ta' Malta jħallsu dawk il-mizati stabbiliti u ppublikati b'Avviz Legali Nru 160 ta' l-1999. Informat ukoll li studenti mill-Unjoni Ewropea jħallsu mizati bħal studenti Maltin fejn applikabbli.

Skejjel ta' l-Istat — Studenti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21896, jista' il-Ministru jgħid jekk it-tfal barranin kollha li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat iħallsux xi miżati jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tfal barranin li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat ma jħallsux skond dawn il-kriterji: -ċittadini ta' stati membri ta' l-Unjoni Ewropea, -tfal li m'humiex mill-Unjoni Ewropea imma li huma addottati mill-Maltin, -tfal li m'humiex mill-Unjoni Ewropea pero' li ġenitur minnhom hu mizzewweġ xi ħadd Malti jew mizzewweġ ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea, -hemm xi wħud li m'humiex ġejjin mill-Unjoni Ewropea u huma eżenti milli jħallsu fuq raġunijiet umanitarji. Il-mizati fl-iskejjel ta' l-Istat huma kif indikati hawn taħt: - fil-Primarja Lm67 kull term - fis-Sekondarja Lm80 kull term - fil-Post-Sekondarja Lm94 kull term.
Leg 10 PQ #22180 Sitting 467 2006-11-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Wirt Kulturali Reliġjuż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21906, jista' il-Ministru jgħid, minkejja l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba msemmija, jekk hemmx btajjel li huma mmirati prinċipalment għal gruppi ta' turisti li huma interessati biex jaraw il-wirt reliġjuż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi hemm numru ta' cruise liners li jorganizzaw vjaġġi fil-Mediterran imsejħa On the footsteps of Saint Paul. Bosta minn dawn il-vjaġġi jinkludu portijiet u siti li żar San Pawl. Malta tinsab fuq l-itinerarju ta' numru minn dawn il-vjaġġi. Il-pellegrini li jżuru Malta ħafna drabi jmorru jaraw u jitolbu San Pawl il-Baħar faċċata tal-gżejjer ta' San Pawl, iżuru wkoll il-katakombi ta' San Pawl ġewwa r-Rabat kif ukoll numru ta' knejjes fosthom il-Kon-Katidral ta' San Ġwann u l-knisja tal-Mosta. Jeżistu ukoll numru ta' operaturi barranin speċjalment Taljani u Franċiżi li joperaw lejn Malta b'tema kulturali. Fost dawn ta' min isemmi l-Opera Romana Pellegrinaggi (Vatikan), Brevivet (Milan), Rusconi Viaggi (Lecco), Terre Entiere La Prochure u Notre Dame du Salut (Pariġi). Dawn l-operaturi għandhom rappreżentanti hawn Malta li joffrulhom btajjel immirati lejn il-wirt reliġjuż.
Leg 10 PQ #22181 Sitting 467 2006-11-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mużewijiet fil-Parroċċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21907, jista' il-Ministru jgħid għalkemm huwa minnu li l-mużewijiet fil-parroċċi huma tal-Knisja, jaħsibx li Heritage Malta għandha tagħmel arranġamenti għal żjajjar mit-turisti? Jaqbel il-Ministru li patrimonju hekk rikk li jagħmel unur lil pajjiżna m'għandux jibqa' imsakkar u kważi qatt ma jkunu miftuħa għall-pubbliku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Heritage Malta tista taċċetta u tħajjar viżitaturi lokali u minn barra għas-siti tagħha biss. Minkejja dan, naqblu bi sħiħ li hemm patrimonju hekk rikk fil- mużewijiet fil-parroċċi.