Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #317 Sitting 476 2006-12-11 Written · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Karnival 2007

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Karnival 2007? Minn dawn il-parteċipanti, jista' jgħid jekk hux kollha ngħataw post jew maħżen fejn jibnu l-karrijiet tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-postijiet jew imħażen fejn l-imsemmija parteċipanti qed jużaw? Jista' jgħid ukoll minn min qed titħallas il-kera, fejn dan huwa l-każ u min qed iħallas għad-dawl u l-ilma? Jista' jgħid jekk kienx hemm ċirkostanzi fejn persuni li xtaqu jipparteċipaw ma ġewx aċċettati għax ma kellhomx fejn jaħdmu jew inkella ġew aċċettati li jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss tal-Karnival minkejja li m'għandhomx post jew maħżen fejn jaħdmu? Hemm xi mħażen jew postijiet li ġew trasferiti taħt il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-parteċipanti kollha għajr wieħed għandhom post fejn jibnu l-karrijiet tagħhom. Wieħed mill-parteċipanti rtira l-applikazzjoni tiegħu. Uħud mill-postijiet li l-parteċipanti juzaw huma propjeta tal-Gvern u mikrija f’isem il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Għal dawn il-Kunsill iħallas ukoll il-konsum tad- dawl u l-ilma. Hemm numru ta’ postijiet oħra li qed jintuzaw mill-parteċipanti tal-karnival u sa issa għadhom qed jiġu wżati għall-iskop tal-ħidma tal-karnival. Minħabba l-proġett Park & Ride l-imħazen f’Horns Works Ditch li kienu jintuzaw minn xi parteċipanti tal-karnival, twaqqgħu. Bħala alternattiva l-awtoritajiet temporanjament offrew l-Ex Water Services Corporation Workshops f’Portes de Bombes Floriana biex jakkomodaw lill-parteċipanti in kwistjoni. Minn dawn il-parteċipanti s-Sur Lorry Coleiro biss applika biex jagħmel Hilarous Company. L-applikazzjoni tiegħu ma ġietx aċċettata mill-Kumitat Karnival 2007. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-kamra lista tal-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fil-Karnival 2007.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla — Kap Eżekuttiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta deher l-ewwel darba l-avviż fil-gazzetta tal-gvern għall-post ta' uffiċjal kap eżekuttiv għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-avviz għall-applikazzjonijiet għall-post ta' Uffiċjal Kap Ezekuttiv għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla deher fil-Gazzetta tal-Gvern fil-ħarġa numru 18,001 ta' l-24 ta' Novembru 2006.

Tarxien — Skola Maria Goretti

Question

Jista' il-Ministru jara li t-triq li twassal għall-iskola sekondarja Maria Goretti ġewwa Ħal Tarxien tiġi rranġata minħabba l-istat ħażin li tinsab fih u dan b'detriment għall-istess studenti li jattendu din l-iskola sekondarja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-toroq li jintużaw mill-privates ta’ l-iskola, Triq J Burlo, u Triq C Saliba ġew asfaltati mill-Gvern Ċentrali. Skond il-pjan lokali ta’ Nofsinhar ta’ Malta l-pjazza Agatha Barbara m’hiex skemata bħala triq.

NSO — Illitteriżmu fl-iskejjel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19975 dwar l-illitteriżmu li saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju dwar l-illitteriżmu f'pajjiżna? Kemm hu stmat li hawn nies illitterati? Kemm minnhom huma ta' l-eta' ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll x'inhi t-tifsira uffiċjali ta' persuna illitterata f'pajjiżna? Jista' jipprovdi l-informazzjoni dwar bliet u rħula separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari numru 20393.

Junior College — Għajnuna mill-Universita'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22172 u jgħid mis-sena 2003 sal-lum, separatament, kemm ġiet mogħtija għajnuna addizzjonali barra l-allokazzjoni annwali fil-budget tal-gvern, lill-Junior College mill-Universita' ta' Malta u/jew mill-gvern ċentrali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Sena Nefqa rikorrenti Allokazzjoni Għajnuna mill- totali anwali fil-budget Universita' ta' Malta Lm Lm Lm 2003 2,112,133 2,000,000 112,133 2004 2,159,795 2,050,000 109,795 2005 2,194,489 2,275,000 Nil 2006* 1,748,556 2,300,000 Nil *Il-figura fil-kolonna tan-nefqa rikorrenti totali għas-sena 2006, , tirrappreżenta l-infiq li ser isir sas-16 ta' Novembru 2006.
Leg 10 PQ #22512 Sitting 476 2006-12-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Villaġġ tal-Karnival

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21825 u jgħid x'ġie deċiż mill-kumitat tal-kabinett dwar il-villaġġ tal-karnival?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Misotqsija Parlamentari Nru 21927.

ADT — Avviż Legali 155

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22176, jaf il-Ministru li l-Avviż Legali 155 ta' l-2006 ġab biss bidla fl-isem tad-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta? Allura għaliex il-Ministru qed jgħid li d-direttur il-ġdid ta' dan id-direttorat inħatar skond dan l-avviż legali meta l-istess avviż legali ma jistabbilixxi l-ebda proċedura dwar l-ingaġġ ta' impjegati jew uffiċjali? Għaldaqstant jista' il-Ministru jinformana dwar xi proċedura ntużat biex kien ingaġġat dan l-uffiċjal u jgħid ukoll x'salarju, allowances u perks oħra għandu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttur tad-Direttorat għall-Infrastruttura tan-Network ġie maħtur skond Sezzjoni 5, Paragrafu 7 tal-Att dwar it-Trasport ta’ Malta. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 21139.

Skejjel — Każi ta' Tehid ta' Droga

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi każi ta' pussess jew tehid ta' droga li ġew irrapportati fl-iskejjel ta' l-Istat, fl-iskejjel tal-knisja u f'dawk indipendenti, separatament, fl-ewwel term skolastiku s'issa? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma ġie rapportat l-ebda kaz ta' pussess jew teħid ta' droga ġewwa l-iskejjel imsemmija mill-Onor. Membru. Informat ukoll li l-awtoritajiet huma informati li 30 student fi skejjel ta' l-Istat u 6 studenti fi skejjel tal-Knisja allegatament jabbuzaw mid-droga. Informat ukoll li f'dawn il-każijiet issir ħidma mis-Substance Abuse Policy Team (SAPT) fi ħdan is-Safe Schools Programme (Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni) flimkien mal-Guidance Team u l-amministrazzjoni ta' l-istess skejjel. Fil-każijiet kollha l-carers ta' l-istudenti involuti ġew informati u offruti assistenza kemm mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll minn servizzi speċjalizzati speċjalment sedqa.

Tfal li qed jirċievu servizz ta' fostering

Question

Tista' il-Minsitru tgħid kemm minn 152 tifel u tifla li llum qed jirċievu s-servizz tal-fostering qed jiġu fostered minn familji li mhumiex il-qraba tagħhom? Kemm kien hemm tfal fostered mill-qraba tagħhom li qabel ma ġew fostered kienu qed jgħixu f'dar residenzjali? Kemm hemm impjegati jaħdmu fuq dan is-servizz u x'inhi l-ispiża biex jingħata dan is-servizz kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hawn total ta' 154 tifel u tifla li qed jiġu fostered. Minn dan in-numru, 80 qed jiġu fostered minn familji li m'humiex il-qraba tat-tfal. Mill-74 'l-oħra li qed jiġu fostered minn qrabathom, 24 kienu jgħixu f'xi dar residenzjali għat-tfal. Ninsab infurmata wkoll li n-numru ta' ħaddiema fil-Fostering Unit ta' l-Aġenzija Appoġġ hu ta' għaxra, sebgħa full-time u tlieta part-time. Matul l-2005, l-ispiza għal dan is-servizz laħħqet it-total ta' Lm180,200, li kienet tinkludi s-somma ta' Lm115,452 mħallsa bħala benefiċċju ta' Child in Care Benefit lill-foster families. Sa Ottubru ta' din is-sena, l-ispiża kienet ta' Lm153,900, li tinkludi Lm99,120 bħala Child in Care Benefit.

Skejjel Privati — Tagħlim ta' l-IT

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-gvern laħaq ma' erba' skejjel privati fil-qasam ta' l-IT sabiex jgħallmu studenti li applikaw għall-kors ta' l-IT fl-MCAST u ma ġewx magħżula fl-ewwel intake? Liema huma dawn l-iskejjel u kemm se jieħdu studenti kull wieħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Industrija, Investiment u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni. Informat ukoll li l-MCAST qed isegwi l-programmi ta' taħriġ li qed joffru l-istituzzjonijiet privati biex jizgura l-kwalita' tal-korsijiet.

Adult Training Centres

Question

Billi l-Ministru qalet li t-transizzjoni ta' l-ATC's ilha li saret, tista' tgħid jekk l-impjegati kollha ta' l-ATC's ġewx informati formalment mill-Fondazzjoni u mill-Ministeru li issa ġew trasferiti magħha? Tista' tgħid ukoll x'konsultazzjoni saret mill-Fondazzjoni mal-ġenituri tal-persuni b'diżabilita' li jattendu l-ATC's?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-proċess ta' tranżizzjoni tal-ATCs għal mal-Fundazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali intemm, dan il-proċess għadu ma ġiex formalment konkluż billi fadal xi punti minuri x'jiġu kjarifikati qabel ma l-ħaddiema jiġu nfurmati formalment dwar id-deployment tagħhom mal-istess Fundazzjoni. Tajjeb li nirrimarka li, f'dan l-istadju, hadd mill-ħaddiema impjegati mas-Servizz Pubbliku li jaħdmu fl-ATCs m'huma se jiġu trasferiti mal-Fundazzjoni. Ninsab nfurmata li l-ġenituri tal-persuni b'diżabilita' kienu nfurmati dwar dan it-trasferiment tal-ATCs għal mal-Fundazzjoni u s-suġġerimenti li huma għamlu ġew ikkunsidrati.

Uffiċjali Edukattivi — Xjenza/PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena 2006 u s-sena 2005 kemm ħarġu applikazzjonijiet għall-uffiċjali edukattivi u f'liema suġġetti? B'mod partikolari meta ħarġu sejħiet għal suġġetti marbuta max-xjenza u l-PSD? Kemm applikaw f'kull każ u x'inhi r-raġuni li ħadd ma ġie magħżul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-2005 ħarġet applikazzjoni għal Uffiċjali Edukattivi fis-suġġetti kif jidher mill-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li fl-2006 ma ħarġet l-ebda applikazzjoni. Informat li applikazzjoni għal Uffiċjali Edukattivi tal-PSD ma ħarġitx fl-2005 billi dan il-post ma kienx vakanti. Il-Post ta' Uffiċjali Edukattivi fix-Xjenza ma nteliex fl-2005 billi ma applika ħadd. Il-post hu mimli minn persuna fuq bazi ta' aġent.

Għalliema tal-PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema livell qed jiġi mgħallem is-suġġett tal-PSD? Kemm qed isiru lezzjonijiet fil-ġimgħa f'kull livell fejn qed jiġi mgħallem? F'liema skejjel jiġi mgħallem dan is-suġġett? Jista' jgħid x'inhu l-futur ta' dan is-suġġett? Hemm vakanzi għal aktar għalliema tal-PSD?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PSD qed jiġi mgħallem fl-iskejjel kollha ta' l-Istat kemm fil-livell primarju u kif ukoll fil-livell sekondarju. In-numru ta' lezzjonijiet huma dawn: Primarja (Yrs 4 - 6): lezzjoni waħda fil-ġimgħa Sekondarja: Form 1 u 2 zewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa 3 sa 5 lezzjoni waħda fil-ġimgħa Il-ħiliet li qed jiġu mgħallma f'dan is-suġġett ser jibqgħu jiġu mgħallma. Informat ukoll li fil-prezent m'hemmx vakanzi għal aktar għalliema tal-PSD.

Paceville — Postijiet ta' Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel 11-il xahar tas-sena kemm-il persuna nqabdet tpejjep fi stabilimenti ta' divertiment f'Paceville? Peress li kelli lmenti minn diversi persuni li qed jitħalla jsir tipjip f'diversi postijiet, jista' jara li l-pulizija tagħmel aktar sorveljanza dwar dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 500 persuna talli pejpu f'postijiet pubbliċi ġewwa Paċeville. Kif wieħed jista' jara l-Pulizija qed tinforza r-regolamenti ta' kontra tipjip f'dawn il-postijiet bis-sħiħ.

Għaqdiet sportivi — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il għaqda sportiva talbet għajnuna finanzjarja matul din is-sena? Kemm intalab minn kull għaqda? Kemm-il talba ġiet aċċettata u kemm ġiet rifjutata? X'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena finanzjarja li għaddiet, il-KMS irċieva talbiet għal għajnuna mingħand 83 entitajiet għad-diversi skemi t’assistenza. Kien hemm total ta’ 27 talba għal skemi differenti li ma ġewx milqugħa minħabba lil-assistenza tkun ingħatat lill-KOM għall-parteċipazzjoni internazzjonali jew minħabba li t-talba ma tkunx skond il-kriterji ta' l-iskema. Informazzjoni dwar it-talbiet milqugħa skond l-iskema maħruġa mill-Kunsill Malti għall-iSport fis-sena 2005 għall-użu 2006 ingħatat f’ Mistoqsija Parlamentari 22054.

Tipjip fejn mhux permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li s'issa matul din is-sena nqabdu jpejpu separatament fil-karozzi tal-linja, fis-cinema u swali tat-teatri, fi stabilimenti tad-divertiment, bħal bars, eċċ. u fi sptarijiet? Kontra kemm-il sid ittieħdu passi bil-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 725 persuna talli pejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit. Dawn kienu 722 ġewwa bars/restaurants; 2 fl-isptar u 1 f'uffiċċju pubbliku. Matul l-istess żmien il-Pulizija ukoll ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 50 persuna responsabbli minn stabbilimenti talli ppermettew li jsir it-tipjip.

PBS — Kummentarji ta' partiti tal-football

Question

Bħala Ministru responsabbli mix-xandir pubbliku l-PBS, jista' jgħid jekk ġiex mitlub biex jintervjeni dwar in-nuqqas ta' ftehim bejn l-MFA u l-PBS u stazzjonijiet televiżivi oħra dwar xandir/kummentarji ta' partiti tal-football? Ma jħoss li għandu jsir xi ħaġa biex din il-kwestjoni tiġi riżolta u l-pubbliku sportiv ikollu l-programmi li jixraqlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ħadd ma talabni biex nintervjeni fil-kwistjoni kummerċjali li għandu ma’ l-MFA. Inqis li din hi kwistjoni purament kummerċjali u bħala tali ma nħossx li l-Gvern għandu jidħol fil-materja. Naturalment il-PBS għandu l-istrutturi kollha – inkluż Bord Editorjali awtonomu – minbarra l-istrutturi kostituzzjonali – l-Awtortà tax-Xandir – biex f’każ li jkun hemm ksur ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Imwiet kawża tat-tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kien hemm imwiet li direttament jew indirettament kienu minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-imwiet matul ix-xhur ta' Jannar sa Ottubru ta' din is-sena li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 282 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn hemm 213 raġel u 69 mara.

Home-Start

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta beda s-servizz tal-Home-Start? Kemm hemm familji/individwi li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz? Kemm hemm voluntiera li qed jgħinu regolarment kull ġimgħa lil dawn il-familji? Minn liema lokalitajiet ġejjin il-ġenituri li qed jirċievu dan is-servizz importanti? Hemm waiting list għal dan is-servizz? Jistgħu familji minn lokalitajiet kollha japplikaw biex jirċievu dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett "Homestart" ġie inawgurat uffiċjalment fl-4 t'April 2006 u beda jipprovdi s-servizzi tiegħu minn dakinhar. Bħalissa hemm mas-sitt familji li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett. Fil-preżent hemm sitt voluntiera li qed jagħtu dan is-servizz lill-familji li joqgħodu Haż-Żabbar, il-Birgu, l-Isla u Bormla. Għalkemm dan is-servizz hu intenzjonat għall-familji li joqgħodu l-Kottonera, l-Kalkara u Ħaż-Żabbar, fil-preżent hemm familja minn Ħal Tarxien li qed tingħata dan is-servizz minnħabba l-bżonnijiet partikolari tagħha. Ninsab ukoll infurmata li fil-preżent dan is-servizz m'għandux waiting list.

Għaqdiet sportivi — Għotjiet mill-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jelenka dawk l-għaqdiet sportivi li bbenefikaw minn għotjiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm ħadet kull għaqda? Kif ġew deċiżi dawn l-għotjiet u x'kienu l-għanijiet li dawn il-fondi se jiġu wżati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’korrezzjoni għar-risposta zbaljata li dehret fis-Seduta 465PM, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.