Jista' l-Ministru jgħid min huma l-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Karnival 2007? Minn dawn il-parteċipanti, jista' jgħid jekk hux kollha ngħataw post jew maħżen fejn jibnu l-karrijiet tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-postijiet jew imħażen fejn l-imsemmija parteċipanti qed jużaw? Jista' jgħid ukoll minn min qed titħallas il-kera, fejn dan huwa l-każ, u min qed iħallas għad-dawl u l-ilma?
Jista' jgħid jekk kienx hemm ċirkostanzi fejn persuni li xtaqu jipparteċipaw ma ġewx aċċettati għax ma kellhomx fejn jaħdmu jew inkella ġew aċċettati li jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss tal-Karnival minkejja li m'għandhomx post jew maħżen fejn jaħdmu? Hemm xi mħażen jew postijiet li ġew trasferiti taħt il-kunsill Malti għall-kultura u l-arti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W317.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22929 u jgħid kemm tħallsu flus lill-iskejjel tal-Knisja għas-snin 2005 u 2006 separatament? Kemm kienet is-somma vvotata fil-budget għal kull sena u jekk kienx hemm xi varjazzjoni? Jekk fl-affermattiv, ta' kemm kienet f'kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu u kemm kien il-ħlas f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena 2005, l-ammont li tħallas lill-iskejjel tal-Knisja kien ta' Lm11.5 miljuni. L-ammont li tħallas tul is-sena 2006 kien ta' Lm12.75 miljuni.
Is-somma vvutata fil-budget għall-2005 kienet ta' Lm 11.5 miljuni, u s-somma vvutata fil-budget 2006 kienet ta' 11.75 miljuni. Minn dan joħroġ li fil-2006 kien hemm varjazzjoni (zieda) ta' miljun lira. Din iz-zieda kienet ġiet approvata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Informat ukoll li l-ħalasijiet lill-iskejjel tal-Knisja isiru kull xahrejn b'mod proporzjonali għall-ammont ivvutat kull sena, jiġifieri 1/6 kull xahrejn ta' l-ammont approvat kull sena. Kien hemm zmien preċedenti meta l-ħlasijiet kienu jsiru kull xahar, u l-ammont kien ikun ta' 1/12 tas-somma approvata għas-sena finanzjarja partikolari.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22825, jista' l-Ministru jgħid min kienu t-13-il persuna l-oħra li applikaw għall-post ta' CEO tas-Segretarjat tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhix il-prattika li jsiru magħrufa pubblikament ismijiet ta' applikanti li ma jkunux intagħzlu għall-post li għalih ikunu applikaw.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22816 u jgħid fl-ewwel term tas-sena skolastika kemm kien hemm assenteiżmu fl-iskejjel tal-knisja u f'dawk indipendenti separatament? Ittieħdu passi bil-qorti kontra xi ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-ewwel term skolastiku 2006-2007 kienu saru 4 rapporti u 2 każi minnhom ittieħdu passi bil-qorti. Dawn iż-żewġ każi kienu it-tnejn fi skejjel tal-Knisja.
It-tagħrif mitlub dwar l-assentieiżmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni dwar Diċembru għadu qed jinġabar.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22815 u jgħid fl-ewwel term tas-sena skolastika kemm kien l-assenteiżmu fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi skejjel primarji u sekondarji? Jista' jgħid ukoll kontra kemm-il ġenitur ittieħdu passi bil-Qorti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel term skolastiku 2006-2007 kienu ittieħdu 137 każ il-qorti minn skejjel Primarji u 733 minn skejjel Sekondarji. L-ammont ta' assenteiżmu għall-perjodu mitlub qed jiġi kompilat.
Tista' l-Ministru tinvestiga ftit il-każ ta' pensjoni ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separtament, minħabba li jidher li l-pensjoni tagħha hija baxxa u għaldaqstant għandu jiġi ċċekkjat jekk mhux qed jieħu tajjeb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Min qed jagħmel ix-xogħol u kemm ġej jiswa u x'xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għal offerti f'kull każ? Meta huwa maħsub li l-pixxina terġa' tiftaħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fil-Pixxina Nazzjonali għaddej għalkemm ix-xogħol fuq il-kolonni għadu ma bediex.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' min qed jagħmel ix-xogħol, ix-xogħol li qiegħed jagħmel kemm ġie jiswa, u n-numru ta' sejħa għall-offerti f'kull kaz. Il-Pixxina ser tiftaħ fil-5 ta' Frar 2007.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus minn Jannar tas-sena 2005 sa l-14 ta' Jannar 2007 mill-kunsill Malti għall-isport għall-billboards? X'kien l-iskop ta' dawn il-billboards?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport nefaq is-somma ta' Lm890.90 f'billboards minn Jannar tas-sena 2005 sa' l-14 ta' Jannar 2007. Dawn il-billboards saru biex jippromwovu il-programmi li jiġu organizzati mill-Kunsill Malti għall-iSport, fosthom SkolaSport u Summer on the Move.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi lmenti lill-pulizija dwar dawk li attendew parties ta' lejliet l-Ewwel tas-Sena minħabba l-kaos u konfużjoni speċjalment dwar sigurta' eċċ.? Jekk iva, x'kienu l-ilmenti u għal liema avveniment kienu qed jirriferu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, sa fejn huwa magħruf, l-uniku lment kien minn nies li attendew l-attivita' li saret ġewwa l-Birgu, fis-sens illi damu ħafna barra fil-kju u li damu ħafna biex daħlu ġewwa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22675 u jgħid kemm hemm staff akkademiku u staff ieħor fl-universita' li llum għandhom aktar minn 60 sena? Kemm għandhom aktar minn 65 sena? F'liema fakulta' qed jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 23031.
Jista' il-Ministru jgħid minn meta bdiet din is-sena skolastika (2006/07) kien hemm xi kapijiet, assistenti kapijiet jew għalliema li tkeċċew milll-impjieg jew ġew imġiegħla jirriżenjaw? Jekk iva, għaliex?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22676 u jgħid jekk hemmx professuri fl-universita' li minbarra s-salarju għandhom allowances oħra? Jista' jgħid min huma u x'allowances għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Universita' ta' Malta hemm professuri li għandhom allowances oħra barra s-salarju. Din l-allowance hi marbuta ma' kariga/i li jokkupaw fl-Universita'. L-allowances huma marbuta ma' dawn il-karigi li ġejjin:
President of Council
Pro-Rector
Dean
Deputy Dean
Head of Department
Chairperson/Director of Institutes or Centres
Rector's Delegate
Course Co-Ordinator
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-figura globali ta' studenti barranin li attendew xi waħda mill-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin fl-2006? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u mhux mistennija tkun magħrufa qabel numru ta' ġimgħat oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il visa nħarġet mindu daħlet il-visa miftuħa għal dawk li jkunu qed jistudjaw f'pajjiżna? Jista' jelenka n-numru ta' studenti minn kull pajjiż li ngħataw visa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra minn meta bdew joħorġu l-environment permits mill-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar? Taħt liema liġi qed joħorġu dawn u x'inhi l-proċedura li qed tiġi adottata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li environmental permits huma dawk il-permessi li jinħarġu taħt l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent. Dawn il-permessi li qegħdin jinħarġu bħalissa huma prinċiparjament permessi ta’ waste management (LN337/01); permessi ta’ l-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) kif definiti mill-Unjoni Ewropea (LN234/02 u amendi); permessi ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ speċi (LN19/92 u amendi); permessi dwar attivitajiet u offroading, ħitan tas-sejjieħ u siġar (LN257/03 u varji permessi dwar kimiċi ta’ riskju ambjentali (LN varji).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet il-pulizija biex jiġu organizzati attivitajiet (parties) f'lejliet l-Ewwel tas-Sena? Min kienu l-applikanti? Kemm ġew aċċettati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha 9 applikazzjonijiet għall-parties għal nhar l-ewwel tas-sena, li għalihom ukoll inħarġu l-permessi. Dawn kienu kif jidher hawn taħt:
Monte Cristo Vine Vaults, Ħal Farruġ l/o Qormi
Jean Borg Olivier – Dice Ltd.
Caraffa Vaults, Birgu
Dr Mark Bencini LL.D.
St Mary Band Club, Għaxaq
Jesmond Debono
Cottage Gardens, Żurrieq
Tanya Bartolo
T G I Friday, Sliema
Luc Adams Schembri
National Park, Ta’ Qali
David Parascandolo – Leon Productions
Malta Fairs and Conventions, Ta’ Qali
George F Said
Melita Bar & Restaurant, Ħal Balzan
Adrian Gomez Blanco
Independence Sqr, St Georges Sqr & Republic Str, Victoria - Gozo
Robert Tabone - Victoria Local Council
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ammonti ta' flus għall-ispiża kapitali u għall-ispiża rikorrenti (material and supplies u maintenance) li qed jingħataw lill-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji kollha ta' l-Istat, settur b'settur u għal kull skola separatament għal din is-sena 2007? Kemm kienu dawn l-ammonti ta' flus mogħtija lill-iskejjel ta' l-Istat, settur b'settur u sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2006?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed izid li minbarra dawn il-fondi l-iskejjel ta' l-Istat jibbenefikaw minn investiment kbir finanzjarju li jitwettaq sew mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Biex tingħata stampa sħiħa x'sar f'kull skola u x'jiswa jinħtieġ aktar xogħol ta' ġbir ta' informazzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid qabel ma l-pulizija toħroġ permess biex jiġu organizzati parties f'postijiet pubbliċi jsiru spezzjonijiet biex jiġi żgurat li hemm biżżejjed sigurta' u faċilitajiet sanitarji fost affarijiet oħra? Dawn saru mal-postijiet kollha fejn saru applikazzjonijiet għall-parties f'lejliet l-Ewwel tas-Sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-parties magħmula mal-Pulizija jinkludi li dawn ikunu ikklerjati, fost l-oħrajn, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.