Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Każi ta' Bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti ta' l-MCAST, li ftit taż-żmien ilu kienu anke tressqu l-qorti fuq każ ta' bullying, irritornawx lura lejn l-iskola? X'għajnuna qed jingħataw fil-preżent ħalli ma jirripetux l-iżball li kienu għamlu? Jikkonsidra l-Ministru li f'każi bħal dawn jintbagħtu jagħmlu xogħol volontarju, bħal ngħidu aħna fil-weekends jew festi pubbliċi, fosthom ma' persuni li jkunu għaddejjin minn tbatijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li erbgħa mill-ħames studenti daħlu lura l-Kulleġġ u għandhom diversi appuntamenti mill-Counsellors tal-Kulleġġ. Il-ħames student m'għadux jattendi l-Kulleġġ. Informat ukoll li l-awtoritajiet tal-Kulleġġ ħadu passi drastiċi ma' l-istudenti kollha involuti u ngħataw miri akkademiċi u vokazzjonali għoljin. Il-ġenituri tagħhom kienu involuti direttament u mistennija li jikkollaboraw ma' l-MCAST biex jizguraw li t-tfal tagħhom jirrejalizzaw il-gravita' ta' l-azzjoni li għamlu u li jpattu għaliha. L-awtoritajiet tal-Kulleġġ, bħala professjonisti, ittrattaw l-inċident b'mod effettiv u ser ikomplu jaraw li l-edukazzjoni u l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ involuti jkunu adegwati.
Leg 10 PQ #23372 Sitting 489 2007-01-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal li f'qasir żmien ikun hemm bidla fiċ-chairman tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Kif ġiet magħżula din il-persuna u xi kriterji ntużaw? Kemm se jkun il-ħlas li l-persuna magħżula se tieħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti rriżenja għax ħass li, minħabba x-xogħol tiegħu, ma setax jiddedika l-ħin neċessarju għall-qadi ta’ din il-kariga. Iċ- Chairman il-ġdid intgħażel għax għandu l-kriterji neċessarji sabiex imexxi l-Bord tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Ir-rimunerazzjoni taċ- Chairperson hija ta’ Lm 6,000 fis-sena.

Skejjel — Tagħlim tad-drama

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispjega l-arranġamenti li saru dan l-aħħar dwar it-tagħlim tad-drama fl-iskejjel fejn persuna jew persuni li m'għandhomx il-kwalifiki ta' għalliema qed jitħallew igħallmu dan is-suġġett? Kif intagħżlu dawn il-persuni u kemm hu l-ħlas li qed jingħataw? F'liema skejjel qed isir dan it-tagħlim? Jistax jitqies dan kollu bħala sfiduċja fid-drama unit ta' l-istess diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid ukoll x'sillabu qed jiġi segwit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sena skolastika li għaddiet l-HSBC Cares for Children's Fund sponsorja lid-direttur ta' skola tad-drama privata biex imexxi sessjoni darba fil-ġimgħa mat-tfal tal-ħames sena dwar Teaching English through Drama. L-esperiment kien suċċess u l-HSBC Cares for Children's Fund urew ix-xewqa li jkomplu dan l-esperiment ma' l-istess tfal matul din isena skolastika. L-għalliem/a tal-klassi tkun prezenti waqt il-lezzjoni. Ix-xogħol li qed isir qed jikkumplimenta x-xogħol li jagħmlu l-għalliema tad-drama fl-iskejjel għax qed jgħin lill-istudenti jwessgħu l-għarfien tagħhom tal-lingwa ingliza u jkabbru l-fiduċja fihom infushom ħalli jkunu jistgħu jesprimi ruħhom aħjar. Informat ukoll li l-iskejjel fejn qed isir dan it-tagħlim huma ta' Bormla u l-Birgu, l-għazla ta' dawn il-persuni saret mill-HSBC u l-iskejjel ma ħallsu xejn. Is-sillabu li qed jiġi segwit hu tal-Ingliz skond il-Kurrikulu Nazzjonali b'enfasi fuq il-kreattivita', l-intonazzjoni tal-lingwa Ingliza, tkabbir tal-vokabolarju u s-self-esteem. Wara li tajt din l-informazzjoni naħseb li l-Onor. Membru jaqbel li min issuġġerilu r-raba' mistoqsija huwa zbaljat ħafna u ma jixtieqx il-ġid tat-tfal.

Fgura — Berġa/uffiċċju tas-Sanita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizz qed jingħata mill-berġa tal-Fgura u meta? Kull meta jkun hemm tabib u għalkemm ħin ikun preżenti? Jista' jgħid ukoll kemm ilu magħluq l-uffiċċju tas-Sanita' fl-istess lokalita'? X'inhi r-raġuni li dan jinsab magħluq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tas-Sanita' tal-Fgura ilu magħluq għal madwar sitt snin. Dan ingħalaq flimkien ma' uffiċini oħra tas-Sanita' madwar Malta, meta saret sistema ta' ċentralizzazzjoni sabiex ir-riżorsi jintużaw b'mod aħjar.

Vot 7035 — Sport

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22059, jista' l-Ministru jgħid mill-ammont li kien committed kemm ġew imħallsa skond kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu? Jista' jgħid ukoll x'xogħol sar f'kull item li hemm imniżżel fil-paper laid għat-tweġiba msemmija aktar qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba diġa mogħtija għal PQ22059.

Benefiċċji Soċjali — Romol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm romol (irġiel u nisa) li għandhom anqas minn 60 sena li jgħixu f'Ħaż-Żabbar, Fgura u Wied il-Għajn u li qed jirċievu l-għajnuna soċjali mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tarxien — Pjazza Agatha Barbara

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22509, dan ifisser li l-pjazza Agatha Barbara se tibqa' fl-istat li hi b'detriment għat-tfal li jattendu l-iskola Maria Goretti ġewwa Ħal Tarxien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-pjazza skond il-MEPA hija mmarkata bħala Sport Facilities, għaldaqstant mhux skemata bħala triq.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22539 u jgħid jekk inbidlitx il-policy li tobba li jkunu għadhom kemm iggradwaw iridu jagħmlu sentejn jaħdmu mal-gvern qabel jirċievu l-warrant? Jekk din il-policy ma tbiddlitx, jista' il-Ministru jgħid jekk f'din l-aħħar sena kienx hemm tobba li tħallew jitilqu minkejja li kienu għadhom ma tawx is-sentejn servizz? Jekk kien hemm , min approvalhom il-permess biex jitilqu u abbażi ta' liema proċedura ingħatat din l-awtorizzazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Tobba li jigradwaw mill-Universita' ta' Malta iridu jagħtu sentejn servizz bħala house physicians mal-Gvern qabel jingħataw il-warrant mill-Kunsill Mediku ta' Malta. Tabib jista' jagħżel li ma jagħmel ebda servizz f'Malta, imma li jikseb il-warrant minn pajjiż ieħor. Dan hu possibli f' pajjiżi fejn il-kors mediku Malti huwa rikonoxxut mill-Kunsill Mediku ta' dak il-pajjiż. Il-liġijiet tal-UE dwar il-mobilita' jippermettu li tabib jitlaq immedjatament minn meta jiggradwa, mingħajr ħtieġa ta' awtoriżazzjoni.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu mal-gvern illum? Jista' jagħti breakdown tal-gradi tagħhom u kemm hemm nisa u kemm irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hawn 29,256 persuna mas-Servizz Pubbliku llum – 11,223 huma nisa filwaqt li 18,033 huma rġiel. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ skedi, waħda għan-nisa u oħra għall-irġiel, li juru n-numru ta’ impjegati f’kull grad.

Trejqa li twassal għal Chadwick Lakes

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22540 u jgħid meta ddaħħlet it-trejqa li twassal għaċ-Chadwick Lakes bħala parti mix-xogħlijiet tat-toroq finanzjati mill-Protokoll Taljan? Min iddeċieda li din it-trejqa għandha tinkesa bit-tarmac? Jista' jgħid kemm sewa dan ix-xogħol u kemm kien it-tul ta' tarmac li ngħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq it-triq li tagħti għaċ-Chadwick Lakes waqt il-proġett ta’ toroq tal-Protokoll Taljan kien limitat għall-parti żgħira tat-triq li tmiss mat-triq prinċipali u dan sar minħabba li l-livelli tat-triq prinċipali nbidlu u għalhekk kien neċessarju illi jiġu pparreġġjati l-istess livelli. Dan ix-xogħol ma kienx wieħed ta’ dimensjoni kbira u għalhekk l-ispejjeż konċernati kienu żgħar ħafna. Hija prassi illi meta tiġi rikostruwita triq jiġu anke kostruwiti partijiet żgħar minn toroq illi jinfdu għal ma' l-istess triq u dan minħabba r-raġuni relatati ma’ livelli hekk kif imsemmija fis- suespost . It-tul ta’ din it-tagħqida hija ta’ madwar sittin metru u l-ispejjeż ma jaqbżux Lm3,000.

MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-kumpless ta' skejjel li hemm fin-Naxxar, jiġifieri l-iskola sekondarja, l-ex-opportunity centre u l-MCAST l-art se tinbiegħ lill-privat u tingħata għall-bini? Jekk fin-negattiv, x'se jiġri minn dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Le. Ir-risposta hija fin-negattiv.

Single Mothers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22822 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u jgħid kemm twieldu tfal lil single mothers fl-2006? Kemm minn dawn l-ommijiet kienu għadhom jattendu l-iskola, inkluż is-sixth form? X'kienu l-etajiet ta' dawn li għadhom imorru l-iskola?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bejn l-ewwel ta' Jannar u l-aħħar ta' Ottubru tas-sena 2006 ġew irreġistrati li twieldu 655 tarbija minn ommijiet rapportati bħala single, minn dawn 97 tarbija twieldu lill-ommijiet ta' sittax -il sena jew iżgħar. L-ebda tarbija minn dawk li twieldu lill-ommijiet ta' sittax -il sena jew anqas ma kienu tewmin. Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa ma jiġborx informazzjoni dwar kienux jattendu l-iskola dawn l-ommijiet.

MCAST — Apprendisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk studenti ta' l-MCAST li huma apprendisti u jirċievu ħlas ta' 50c fis-siegħa huwiex ħlas tajjeb u skond ir-regolamenti? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li studenti li huma apprendisti ngħalqitilhom l-ismart card?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti ta' l-MCAST li huma apprentisti ma jitħallsux bis-siegħa iżda maintenance grant u ammont ta' darba fuq l-iSmartcard skond il-każ kif indikat mill-Maintenance Grant Board u l-avviżi legali 165 ta' l-1999 u 372 ta' l-2005.

Libreriji pubbliċi — Self ta' kotba

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar statistika ta' kemm isselfu kotba mil-libreriji pubbliċi tal-lokal, jiġifieri dawk li huma taħt ir-responsabbilta' u mmaniġjati mill-kunsilli lokali? Jista' jgħid ukoll meta dawk il-libreriji pubbliċi li għadhom ma daħlux fis-sistema komputerizzata se jsiru aċċessibbli on line?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa sar 43 ftehim ta' Kooperazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Libreriji u l-Kusilli Lokali rispettivi. Informazzjoni ta' dawn it-43 librerija li turi kemm isselfu kotba minn dawn lil libreriji pubbliċi maqsuma bejn dawk Reġjonali (jiftħu mit-Tnejn sas-Sibt mill-impjegati tad-Dipartiment) u dawk Friegħi (jiftħu xi siegħat fil-ġimgħa) ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — Żgħażagħ mingħajr impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ għandhom ippjanati l-ETC għaż-żgħażagħ bla xogħol li huma fl-eta' ta' bejn is-16-il sena u l-24 sena? X'inhuma l-kwalifiki edukattivi (jew nuqqas tagħhom) ta' dawn iż-żgħażagħ? Kemm minnhom ma jafux jaqraw u jiktbu? Kemm minnhom huma bla sengħa? X'qed isir għal dawn iż-żewġ tipi ta' żgħażagħ mill-ETC?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat l fl-aħħar ta’ Novembru 2006, kien hemm 2,072 żgħażagħ fl-eta’ ta’ bejn is-16-il sena u l-24 sena, jirreġistraw għax-xogħol mal-KXT. Minn dawn, 1,955 huma litterati filwaqt li 117 huma illiterati. Il-kwalifiki edukattivi ta’ dawn iż-żgħażagħ huma kif ġejjin: Livell ta' edukazzjoni Total Working Knowledge / Operator 396 Competent / Skilled Operator 942 'O' Level / City & Guilds 511 Intermediate 18 'A' Level / Engineer by Experience 101 Diploma 71 Graduate / Graduate Engineer 33 Total 2,072 Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħrig toffri diversi inizzjativi w servizzi għaż-żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol, kif inhu elenkat hawn taħt; Job Search Seminar, li huwa seminar ta' nofs ta' nhar li jinghata fiz-zmien hmistax liz- zghazagh kollha li jibdew jirregistraw. F' dan is- seminar jinghataw informazzjoni kif wiehed ifittex ix-xogħol u wkoll dwar is-servizzi li toffri l-Korporazzjoni. Wara dan is- seminar kull zaghzugh u zaghzugha jkollhom appuntament personali ma' employmemt advisor fejn dan/din jigi offrut Personal Action Plan sabiex jigu ggwidati u moghtija aktar informazzjoni fuq il-karriera li jkunu ghazlu. Żgħażagħ li jkunu qed jirreġistraw jiġu offruti numru t' opportunitajiet ta' xogħol li tkun infurmatha bihom il-Korporazzjoni, kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, dawn jigu mgharrfa permezz ta’ ittra, sms, jew e-mail. Kull zaghzugh ikollu wkoll l-opportunita’ li jattendi Job Club fil-lokal tieghu/taghha fejn hawnhekk ghal sitt (6) gimghat shah, darbtejn fil-gimgha jkollhom ic-cans sabiex ma grupp zghazagh bhalhom jaghmlu ezercizzji ta’ tfittxija ghall-impjiegi, jigu wkoll organizzati zjajjar f’xi azjendi w kumpanijji tax-xoghol. Barra minn hekk id-Divizjoni tas-Servizzi tal-Impjiegi torganizza minn zmien ghall-zmien diversi seminars ibbazati fuq tlitt ijiem fejn f' dawn is- seminars wiehed ikun jista’ jidhol iktar fid-dettal dwar il-karriera maghzula taz-zghazagh. Id’ f’id mal-Fondazzjoni ghall-Harsien tas-Servizzi Socjali w l-Appogg, l-KXT toffri wkoll servizz ta’ Social Worker lil numru ta' zghazagh. Apparti minn dan kollu imsemmi hawn fuq, kull sena l- Korporazzjoni toffri l-opportunita lil numru ta' zghazagh sabiex jippartecipaw fi progetti tal- Leonardo jew Youth Programme . Matul il-perjodu li zghazagh jkunu qed jfittxu mpjieg, dawk minnhom li ma jkunu qatt hadmu jew qatt ma ghamlu xoghol fil-preferenza tax-xoghol li jkunu qed ifittxu, jew jkunu ilhom iktar minn 6 xhur jirregistraw, ikunu eligibbli li jippartecipaw fi skemi bhall- Job Experience Scheme jew Active Youth Scheme . Fis-sena finanzjarja li ghaddiet (Ott 2005 – Sett 2006) il' fuq minn 270 zaghzugh/a li hadu sehem f' dawn l- iskemi, l' fuq minn nofshom dahlu fl-impjieg. Fil-granet li gejjin il-Korporazzjoni ser tkompli tkabbar in-numru ta' skemi li ghandha fejn permezz tal- Fondi Strutturali 2007 – 2013 taht il-Fond Socjali Ewropew ser jigu mnhedija skemi ohrajn li joffru ghajnuna finanzjarja ta' nofs il-paga minima ghal numru ta' gimghat lill- employers li jhaddmu zghazagh li jkunu qed jirregistraw. Il-KXT qed tkompli toganizza programmi ta’ tahrig , skemi w inizjattivi li jghinu liz-zghazagh jtejbu l-hiliet taghhom sabiex jsibu mpieg adekwat. Il-programmi li qed jigu organizzati w li hemm ippjanati, jvarjaw minn hiliet bazici li jghamlu tajjeb ghan-nuqqas ta’ kwalifiki edukkattivi fostom programmi fil-kitba u qari, uzu ta’ numri w tahrig fl-uzu tal kompjuters. Programmi ohra huma fil-hiliet teknici , ohrajn relatati mal-ospitalita’ u tahrig f’ xoghol f-ufficju li jghinu lill partecipanti jakkwistaw dawk il-kompetenzi necessarji biex jahdmu f’xi xoghol partikolari. L-iskemi ohra jvarjaw min skemi ta’ Apprendistat u Traineeships . Il- Basic Employment Passport Scheme ., huwa ddisinjat specifikament ghall-zghazagh li jiefqu mill-iskola ezatt kif jghalqu sittax-il sena. L KXT toffri wkoll skemi specjalizzati ghal zghazagh li qattaw parti minn hajjithom f’xi istituzzjoni – Youths in Institutional Care . L-korsjiet qosra li toffri l-ETC huma elenkati fis-sit elettroniku tal-Korporazzjoni: http://www.etc.gov.mt/course/course_list.aspx

Ġarr tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġarr tat-tiġieġ f'Malta u Għawdex isir b 'mod li jkun ferm aħjar? Jaf il-Ministru li jinżlu trakkijiet b'gaġeġ mimlija tiġieġ li jkunu kważi mgħaffġa fuq xulxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta t-tiġieġ jaslu fil-biċċerija tat-tigieg ikun hemm uffiċjali veterinarji li jaċċertaw li l-kundizzjoni ta’ dawn it-tjur tkun rispettata skond il-liġijiet tas-saħħa u l-ħarsien ta’ l-annimali. Il-ġarr tat-tiġieġ huwa responsabbiltà tal-produtturi. Mill-ispezzjonijiet li jsiru meta jaslu fil-biċċeriji privati, in-numru ta’ imwiet fost it-tjur huwa minimu u kkunsidrat normali fit-trasport ta’ tiġieġ. Dan jindika li ma jeżistix stress aktar min-normal fit-trasport tat-tiġieġ.

Skejjel ta' l-Istat — Tuck shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tuck shops fl-iskejjel tal-gvern li huma mmexxija mill-iskola stess u kemm ingħataw b'kuntratt? Jista' jelenka liema huma dawk li ngħataw b'kuntratt u lil min? F'kull każ, saret sejħa għal offerti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' tuck shops fl-iskejjel tal-Gvern li huma mmexxija mill-iskola stess huwa ta' tlettax (13) filwaqt li sittax (16)-il tuck shop ingħataw b'kuntratt. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' skejjel tal-Gvern li t-tuck shop tagħhom ingħata b'kuntratt u l-isem tal-kuntrattur li rebaħ il-kuntratt. F'kull kaz saret sejħa għall-offerti.