Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari W295 u jgħid jekk huwiex l-każ li għad hemm studenti li qed jiġu aċċettati fl-MCAST, u jagħti l-informazzjoni sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Għas-sena akkademika 2006-2007 it-tagħrif mitlub beda jinżamm fil-formola kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23447 dwar kaz ta' pensjonant, minħabba li fit-Tarzna hemm ħlas l-istess għall-istess grad u xogħol, taħsibx il-Ministru li hemm xi anomalija allura jew inkella xi difett fil-Ftehim Kollettiv li kien ġie ffirmat għall-ħabta ta' l-1999?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Gnien Brejgu li jinsab fi Triq Mikiel Cachia fiz-Zejtun jaqax taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet jew le? Jekk fin-negattiv, f'idejn min qiegħed jew minn min huwa amministrat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn hemm il-ġnien in kwistjoni ġiet esproprjata mingħand il-privat. Fuq parti minnha il-kuntratt għadu ma sarx u għalhekk għadha mhix tal-Gvern. Fuq dan il-ġnien it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma saritilha l-ebda talba għal devoluzzjoni mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Għalhekk jidher li bħal ġonna oħra ta' dan it-tip, dan il-ġnien jaqa' taħt ir-responsabbilita' tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jara li l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separtament, jingħata l-għajnuna li għandu bżonn waqt l-eżamijiet minħabba li ġie suġġerit li għandu bżonn reader u ħin żejjed? Jista' jgħid ukoll jekk għandux applikazzjoni pendenti quddiem l-istatementing board u kemm ilha pendenti minħabba li jidher li ilha aktar minn sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dokumenti u ċ-ċertifikati mediċi meħtieġa għall-iStatementing Board daħlu f'Diċembru 2006. L-appuntament mal-Bord huwa għal Marzu ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li applikaw biex joqogħdu għal kull suġġett li jiġi offrut fl-eżamijiet tas-SEC li se jsiru fi ftit xhur oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22667, jista' l-Ministru jgħid meta se jintgħażlu l-persuni li jiffurmaw il-kunsill ta' l-għalliema? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mit-13-il każ pendenti ħalli ma jdumux aktar jistennew?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed jittieħdu passi biex l-organizazzjonijiet stabbiliti fil-liġi jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-kunsill.
Dwar il-każi pendenti qed tiġi verifikata l-pożizzjoni ta' kull każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-programmi sportivi kważi spiċċaw għal kollox mill-istazzjoni tax-xandir nazzjonali tal-PBS? Jista' jgħid x'sar mill-preżentaturi u kummentaturi sportivi li kienu jaħdmu mal-PBS, kemm dawk full-time kif ukoll part-time?
Response (GATT, AUSTIN)
L-iskeda tax-xandir tal-PBS issir skond il-politika nazzjonali dwar ix-xandir li l-gvern ippublika fl-2003. Il-Board Editorjali tal-PBS, li hu Board awtonomu f'materji li għandhom x'jaqsmu ma l-obbligi tas-servizz pubbliku tal-PBS, perjodikament jirraporta dwar kemm il-PBS jissodisfa jew le l-obbligi tiegħu.
Ma jirriżultax illi kif jgħid l-Onor. Interpellant "l-programmi sportivi kważi spiċċaw għal kollox." Il-PBS juża diversi ġurnalisti sportivi u qatt ma kellu kummentaturi sportivi full time.
L-ġurnalisti li qed jieħdu sehem fl-iskedi kurrenti ġew magħżula wara sejħa pubblika għall-programmi sportivi.
Jista' l-Ministru jgħid l-awtoritajiet lokali liema siti storiċi pproponew sabiex ikunu parti mill-għeġubijiet tad-dinja moderna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-programm imsejjah The New 7 Wonders of the World, immexxi minn-New 7 Wonders Foundation li hija ibbażata f’Zurich fl-Isvizzera. Wieħed għandu jinnota id-dimensjoni kummerċjali fl-attivita` ta’ din il-Fondazzjoni, li tiġbor il-flus mingħand min jivvota sabiex jintaghzlu is-7 siti li ser jiġu inklużi. Ta’ min jinnota wkoll li din l-attivita` mihiex imnediha mill-UNESCO, u mihiex marbuta mal-Lista ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO, li fiha Malta għanda iskritti il-Belt Valletta, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, u t-Tempji Megalitiċi.
Ta’ min jinnota li n-nominazzjonijiet għal din l-inizjattiva setgħu isiru mill-pubbliku, mhux permezz ta’ proposti minn xi Gvern jew Awtorita`. Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għalaq aktar minn sena ilu. Minn mal-200 sit li kienu nominati, l-organizzaturi diga` għazlu 21 sit, li l-għażla fosthom għas-7 finalisti ser issir permess ta’ votazzjoni mill-pubbliku.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23145, jista' l-Ministru jgħid jekk it-totali msemmija humiex biss għal teachers jew inkella hemm inklużi persuni oħra li qed igħallmu? F'kull każ, jista' jgħid kemm hemm persuni oħra li qed igħallmu u x'inhi n-nomenklatura tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li fit-terminoloġija 'teachers' hemm inkluzi l-'instructors'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal ftuħ ta' skejjel ġodda minn Kindergarten sas-Sixth Form? F'kull każ, min hu l-applikant? F'liema lokalita' hemm il-ħsieb li jinfetħu? Kemm-il student se jiddaħlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm applikazzjoni waħda biss għal ftuħ ta'skola ġdida. L-applikant huwa is-Sur Joe Farruġia. Il-lokalita' ppjanta hija l-Kappara u ser tilqa' 25 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fl-2005 minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex ikun żgurat li l-iskejjel għandhom il-faċilitajiet li titlob il-liġi bħalma huma biżżejjed spazju għar-rikreazzjoni, numru ta' toilets u li ma jkunx hemm aktar minn numru previst ta' studenti f'kull klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Operat izuru l-iskejjel skond il-ħtieġa, imma mill-anqas darbtejn kull sena. Informat ukoll li fl-2005 saru 27 zjara mill-uffiċjali tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni fl-iskejjel mhux statali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm huma mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba dwar studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola għadha qed tkun ipproċessata. Informazzjoni tingħata iktar 'l quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru fi ftit xhur oħra? Kemm huma subien u kemm bniet? Kemm ġejjin mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC f'Mejju 2007 huwa 7,906, li minnhom 3,594 huma subien u 4,312 huma bniet.
Informat ukoll hekk :
Tip ta' Skola Numru ta' Studenti
Statali 2,753
Tal-Knisja 1,543
Indipendenti 422
Post-sekondarji 924
Studenti privati 2,264.
Jista' l-Ministru jgħid min jista' jikkontesta u jivvota fl-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi, b'mod partikolari fejn iridu jiġu eletti l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-iskejjel li se jkollhom faċilita' ta' childcare? Meta se jibdew jintużaw dawn il-faċilitajiet u kif ġew magħżula l-iskejjel? Min se jieħu ħsieb imexxi dawn iċ-ċentri u għal min se jkunu miftuħa? Tista' tgħid ukoll jekk hux se jintalab xi ħlas għal min juża dawn il-faċilitajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif diġa ħabbart, il-pjanijiet biex jinfetħu childcare centres fi skejjel statali għadhom qed isiru. Għalhekk, f'dan l-istadju, hu prematur li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta' dak li huwa magħruf bħala l-Magħluq ġewwa Wied il-Għajn jaqax taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru/dipartiment/i tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' isir ċertu xogħol ta' manutenzjoni bħall-irranġar tas-sistema ta' l-ilma u li jingħata dehra aħjar għax fil-preżent jidher fi stat ta' telqa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sit tal-Magħluq huma responsabbiltà tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Ħaddiema tal-ministeru qegħdin jevalwaw ix-xogħlijiet li hemm bżonn li jsiru fuq is-sit.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jiżdied l-istaff complement tal-ħaddiema ta' l-immigrazzjoni ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm ħaddiema fil-preżent u kemm se jkun wara din iż-żieda?
Jista' jgħid ukoll kemm hemm pulizija li qed jaqdu d-doveri tagħhom fl-ajruport u x'inhi n-natura tax-xogħol tagħhom? Jikkonferma li anke n-numru ta' pulizija se jiżdied?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s'issa mhux maħsub li ser ikun hemm żieda fin-numru ta' Immigration Officers fl-ajruport internazzjonali ta' Malta. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, għal raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li huwa prudenti li tingħata informazzjoni dwar kif il-pulizija tikkordina l-ħidma ta' sigurta' f'dan il-post.