Jista' l-Ministru jgħid meta triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Ħaż-Żabbar se tingħata isem minħabba li ilha żmien twil li ġie suġġerit isem għaliha li aktarx huwa Triq Dun Gwann Debono?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-premjijiet għall-Karnival tas-sena 2006? Jista' jgħid ukoll kemm saru l-premijiet għall-Karnival ta' din is-sena 2007? Jista' minbarra l-informazzjoni globali jagħti din l-istess informazzjoni għal kull kategorija li tingħata premju għas-sena 2006 u 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Peress li sar ħafna tibdil fin-numru ta' bibien f'diversi bliet u rħula, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħroġ id-direttorju tat-telefon il-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għall-ħruġ tad-direttorju tat-telefon.
Issa li l-Maltapost biddlet il-kodiċi postali tal-pajjiż kollu, jista' l-Ministru jgħid meta se joħroġ ktejjeb biex jagħti l-kodiċi postali l-ġodda u dan biex ma jkunx hemm taħwid u dewmien fit-tqassim tal-posta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta bil-Maġistrat dwar iċ-ċittadin Russu li weġġa' gravi ftit ġimgħat ilu meta waqgħet lasta tal-football fuqu fil-ground ta' Manoel Island?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records miżmuma fir-Reġistru tal-Qrati ta' Ġurisdizzjoni Kriminali jirriżulta li fil-25 ta' Jannar 2007 infetħet inkjesta Maġisterjali dwar persuna ta' nazzjonalita' Ġeorġjana li weġgħet gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqha fil-ground ta' Manoel Island u kien fil-periklu tal-mewt.
Din l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat ta' l-Għassa u qed tieħu l-korsa normali tagħha fejn fost ħwejjeġ oħra l-esperti nominati mill-Maġistrati qed jippreparaw ir-rapporti tagħhom.
Meta l-Maġistrat Inkwerenti jirċievi r-rapporti ta' l-esperti minnu nominati jkun jista' jgħaddi biex jagħlaq l-inkjesta skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabar ħġieġ , plastic, karti u metall mill-bring-in sites f'Jannar ta' din is-sena? Jista' jgħid liema bliet/irħula għandhom dawn is-siti? Mil-liema post inġabar l-aktar minn dan l-materjal f'Jannar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ materjal miġbur mill-bring-in sites għax-xahar ta’ Jannar 2007 kien hekk:
Ammont (Kili)
Karta
Plastik
Metall (Cans)
Ħġieġ
Jannar 2007
105,968
31,356
17,300
58,360
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista kompleta tal
-bring-in sites
sal-ġurnata tal-lum.
Bħalissa s-sistema ma tippermettix li nkunu nafu liema lokalità tiġbor l-akbar ammont ta’ materjal riċiklabbli. Iżda fil-futur, meta nibdew inħaddmu l-vetturi li ġew mixtrija mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, nkunu nistgħu niġbru informazzjoni fuq kemm inġabar materjal riċiklabbli minn kull
bring-in site
u allura anke minn kull lokalità.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir biex it-tfal fl-iskejjel kemm tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti jidraw jisseperaw l-iskart? X'qed isir mill-Ministeru tiegħek biex jibda jsir is-separazzjoni ta' l-iskart fil-grounds tal-iskejjel stess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-WasteServ (Malta) Ltd qed tibgħat persuni speċjalizzati fis-suġġett biex f’isimha iżuru l-iskejjel u igħaddu informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Dawn iżuru kemm skejjel tal-Gvern, kif ukoll dawk privati u tal-Knisja, sekondarji kif ukoll primarji.
Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, l-WasteServ (Malta) Ltd qed tkompli iżżid il-kontenituri għal skart isseparat fl-iskejjel biex b’hekk ikunu l-istudenti stess li jisseparaw l-iskart fl-iskejjel.
Minn madwar 200 skola li hawn f’Malta u Għawdex, 170 skola digà għandhom dawn il-kontentituri għas-separazzjoni ta’ l-iskart fil-bini tagħhom. Fil-ġimgħat li ġejjin, 27 skola oħra se jingħaqdu f’din l-iskema biex b’hekk ikollna total ta’ 197 skola li jkunu ntroduċew is-sistema ta’ separazzjoni ta’ l-iskart. Dan il-materjal miġbur mill-iskejjel imur kollu għar-riċiklaġġ.
Apparti l-iskejjel tal-Gvern, dawk privati u tal-Knisja, qed nilħqu ukoll istituzzjonijiet edukattvi oħrajn, fosthom il-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST), l-Institute for Tourism Studies (ITS), il-
Home Economics Seminar Centre
, Skejjel għal Tfal bi Bżonnijiet Speċjali, in-
Nature Reserve Educational Centre
u
junior college
.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema tal-kumpannija Waste Serve qed iduru d-djar tan-nies? Jikkonferma li dawn jew uħud minnhom qed igħidu lin-nies fid-djarhom li l-iskart m'hemmx għalfejn jiġi separat fid-dar minħabba li hemm il-bring-in sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’Settembru 2005, il-kumpanija WasteServ (Malta) Ltd bdiet timplimenta proġett ta’ €200,000 mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea (Fond Soċjali Ewropew) li jinvolvi t-taħriġ fit-tnaqqis ta’ skart u r-riċiklaġġ ta’ 20 persuna li kienu qed ifittxu x-xogħol. Dawn il-persuni żaru lill-familji biex jgħinuhom jikkooperaw fuq kwistjonijiet ta’ immaniġġjar ta’ l-iskart, bħalma huma t-tnaqqis ta’ l-iskart, l-użu tajjeb tal-bring-in sitesu s-civic amenity site, u kif ukoll kif isir il-kompost fid-djar.
Dan il-proġett kien immirat li jgħin lir-riżorsa ewlenija ta’ Malta billi jtejjeb il-possibiltajiet ta’ impjieg għall-parteċipanti billi jfornihom b’taħriġ kemm f’komunikazzjoni kif ukoll f’għarfien tekniku dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-vantaġġi ta’ dan il-proġett huma doppji għax l-iskop tiegħu hu li jnaqqas il-livell ta’ żvantaġġ fis-suq tax-xogħol billi jħarreġ lil dawk bla xogħol filwaqt li jeduka u jinforma lill-familji.
Sat-tmiem ta’ l-2006 dawn it-trainees żaru ‘l fuq minn 20, 000 dar. Din is-sena il-proġett qed jitkompla biex jintlaħqu iktar djar (madwar 25,000 dar oħra) u biex dawn jiġu infurmati dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Ir-rappreżentanti jenfasizzaw li, biex jibqa’ isseperat, l-iskart dan għandu jitqiegħed fil-bring-in sites. Dak li jinġabar minn quddiem il-bieb mill-ischammel bħalissa jibqa’ mħallat filwaqt li dak li jintrema b’mod isseparat fil-bring-in sitesimur għar-riċiklaġġ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23778, jista' l-Ministru jgħid kemm saru żjarat fl-2006? F'liema skejjel saru dawn iz-zjarat? X'kienu l-affarijiet negattivi li nstabu? Saret zjara oħra biex dak li kien ħażin ikun żgurat li jiġi rranġat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2006, Uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Operat għamlu 112 żjara fl-iskejjel Statali u 11 f'dawk mhux Statali.
Kien hemm xi każijiet li saret żjara oħra biex ikun żgurat li dak li nstab ħażin jiġi rranġat. F'każijiet oħra il-kuntatti saru bit-telefon jew bl-e-mail, filwaqt li f'każijiet oħra ma kienx hemm għalfejn issir żjara oħra. L-Uffiċjali segwew kull każ skond il-ħtieġa.
L-iskejjel koperti huma il-Primarji u Sekondarji fl-inħawi kollha ta' Malta u Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23625, jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jagħti l-Istat lill-Knisja fl-erbgħa snin li għaddew sas-sena kurrenti għall-iskejjel tagħha? Kemm tħallsu attwalment kull sena flus lill-Knisja? X'inhuma l-pendenzi, jekk jeżistu, fil-ħlasijiet li l-Knisja għandha tirċievi mill-Istat sad-data tal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-flus li tħallsu kull sena lill-Knisja għall-aħħar erba' snin li għaddew huma dawn:
2003 - Lm 9,687,498
2004 - Lm 10,867,260
2005 - Lm 11,500,000
2006 - Lm 12,750,000
Minn żmien għal żmien isiru talbiet għal reviżjonijiet minħabba ċaqlieq fil-popolazzjoni ta' l-istudenti ta' l-iskejjel konċernati u l-għalliema meħtieġa. Dan jiġi verifikat u maż-żmien isiru l-aġjustamenti meħtieġa fil-ħlas dovut.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex il-Pixxina Nazzjonali reġgħet fetħet wara tlett xhur magħluqa meta x-xogħlijiet għadhom mhux lesti kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ippjanat mill-periti għal perjodu ta' Novembru 2006 sa Jannar 2007 fil-maġġoranza tlesta.
Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fuq diversi testijiet fuq l-art tal-main pool wara li ġiet imbattla mill-ilma u xogħol relatat ma' dawn it-testijiet.
Sar xogħol ieħor fuq l-istruttura ta' l-Administration Block u Squash Courts.
Ix-xogħol pendenti li għadu ma bediex kien tiswijiet fuq il-kolonni u travi ta' madwar il-kumpless. Dan ix-xogħol għadu pendenti għaliex it-tender għadu ma ġiex 'awarded' mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq id-diving pool m'għandux x'jaqsam ma' l-operat tal-main pool u sigurta' għal klijenti li juzaw il-kumpless. Dan ix-xogħol kien maħsub li jibda għall-aħħar ta' Marzu izda fil-fatt inbeda fl-ewwel ġimgħa ta' Frar.
Ser jitkompla xogħol ieħor ta' manutenzjoni u upgrading fil-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar l-użu tal-faċilitajiet sportivi tal-Kulleġġ San Benedittu fejn jirrigwarda talbiet mingħand għaqdiet biex isir użu mit-track u faċilitajiet oħra? Minn min saru dawn it-talbiet? Kollha ġew aċċettati? Intalab xi ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f-faċilitajiet sportivi tal-Kulleġġ San Benedittu li jikkonsistu fl-artificial pitch u tartar track qed jiġu uzati minn diversi għaqdiet sportivi bi ħlas wara bookings mal-Kunsill Malti għall-iSport.
L-uzu kien matul il-ġimgħa wara l-ħin ta' l-iskola, fil-weekends u fil-festi.
Fil-perjodu Ġunju 2006 sa Jannar 2007 kien hemm bookings minn:
Kirkop United F.C. Youth Nursery
Mqabba F.C.
Malta Football Association (Referees) training
St. Catherine Band Club
Santa Lucia F.C.
Lija Athletics F.C.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu readers u scribes minn dawk l-istudenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet li ġejjin tal-MATSEC u SEC separtament? X'raġunijiet ingħataw għal dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-istudenti li applikaw għall-ezamijiet tal-MATSEC f'Mejju 2007, it-talbiet għal readers u scribes li daħlu sa issa kienu kif jidhru fit-tabella hawn taħt:
Ezami Readers Scribes
SEC 87 22
Ċertifikat tal-Matrikola 0 3
Ir-raġunijiet li ngħataw fl-applikazzjonijiet għal dawn is-servizzi kienu:
(a) Readers: fejn il-kandidati għandhom livell ta' qari baxx minħabba xi kondizzjoni u li ma jippermettilhomx aċċess għall-karta ta' l-ezami.
(b) Scribes: fejn il-kandidati ma jkunux jistgħu juzaw idejħom biex jiktbu - bħal f'kazi ta' ksur, celebral palsy, u problemi ta' vista.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student li se joqgħod għall-eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC separatament talbu biex jiġu eżentati mill-ħlas dovut għall-eżamijiet? X'raġunijiet ingħataw u kemm ġew aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Livell tas-SEC
Kien hemm 471 talba u 418 ġew aċċettati. Ir-raġunijiet li ngħataw għal dawn it-talbiet kienu (a) 434 talba minn studenti li l-familja tagħhom qed tingħata għajnuna soċjali, (b) 31 talba ta' studenti li l-ġenituri tagħhom jaħdmu l-Universita', (ċ) 3 talbiet ta' studenti li l-ġenituri tagħhom jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Ezamijiet, (d) zewġ talbiet ta' studenti li qegħdin fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, u (e) talba ta' student li huwa refuġjat.
Livell taċ-Ċertifikat tal-Matrikola
Kien hemm 41 talba u kollha ġew aċċettati. Ir-raġunijiet li ngħataw għal dawn it-talbiet kienu (a) 25 talba ta' studenti li l-ġenituri tagħhom jaħdmu l-Universita', u (b) 16-il talba minn studenti li l-familja tagħhom qed tingħata għajnuna soċjali.
Peress li l-Universita' tippubblika l-karti tal-eżamijiet tal-MATSEC u SEC wara li jkunu saru, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jiġux ippublikati wkoll fi ktejjeb it-tweġibiet li jkunu qed jistennew l-eżaminaturi kif isir minn universitajiet barra minn Malta? Tikkonsidra l-Universita' ta' Malta li dan isir fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ezaminaturi tal-MATSEC sew fil-livell tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola jippreparaw marking schemes biex jimmarkaw l-ezamijiet. Dawn jieħdu in konsiderazzjoni mhux biss it-tweġibiet li jkunu qed jistennew l-ezaminaturi izda wkoll tweġibiet tajbin oħra li jagħtu l-istudenti.
Mhux prattiku li dawn il-marking schemes ikunu ppublikati fi ktejjeb, speċjalment meta wieħed jiftakar li hemm zewġ sessjonijiet ta' l-ezami kull sena mhux kif isir minn universitajiet barra minn Malta. Izda minn zmien għall-ieħor il-Bord tal-MATSEC jippublika marking schemes biex juri kif qed ikunu mmarkati l-karti ta' l-ezami.
Minbarra li kull sena l-Bord jippublika rapporti ta' l-ezaminaturi li fihom ikun hemm kummenti dwar mistoqsijiet u tweġibiet partikolari, il-Bord se jikkonsidra s-suġġeriment biex ikunu ppublikati l-marking schemes ta' spiss.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23769 u jgħid min jista' jikkontesta u jivvota fl-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi, b'mod partikolari fejn iridu jiġu eletti l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi jistgħu jikkontestaw u jivvotaw Assistenti Kapijiet, Għalliema, Kindergarten Assistants u Facilitators.
Informat ukoll li fir-rigward tal-ġenituri jista' jikkontesta u jivvota wieħed mill-ġenituri ta' kull student/a li jattendu l-iskola partikolari.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 22930 u 23413 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġew riferuti lill-Prim Ministru, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid min huwa inkarigat mil-lista tal-protokoll? Min japprova l-lista tal-protokoll? Meta ġie emendat l-aħħar il-protokoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Uffiċċju tal-Kabinett huwa nkarigat mil-lista tal-Protokoll. Din tiġi emendata fuq l-approvazzjoni tal-Kabinett. Il-lista ġiet emendata l-aħħar f’Mejju 1997.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Universita' ma taċċettax jew inkella tagħmilha diffiċli ħafna li taċċetta f'ċertu każi persuni li huma fil-grad ta' instructor li jagħmlu post graduate course fil-management?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'każ li l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-Postgraduare Diploma in Education (Administration and Management), bħal kull postgraduate kors ieħor, ir-rekwiżit tad-dħul huwa grad Universitarju jew ekwivalenti. Għal dan il-kors l-applikanti għandhom ikollhom waħda mill-kwalifiki li ġejjin :
- grad fl-edukazzjoni mill-Universita' ta' Malta jew minn universita' rikonoxxuta oħra, flimkien ma' seba' snin esperjenza ta' tagħlim fuq bażi full-time,
- grad u Postgraduate Certificate in Education, it-tnejn miksuba mill-Universita' ta' Malta jew minn universita' rikonoxxuta oħra, flimkien ma' seba' snin esperjenza ta' tagħlim fuq bażi full-time,
- grad u Graduate Teachers' Certificate maħruġ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, flimkien ma' għaxar snin esperjenza ta' tagħlim fuq bażi full-time,
- ċertifikat ta' għalliem mill-Kulleġġi Maltin ta' l-Edukazzjoni, flimkien ma' għaxar snin esperjenza ta' tagħlim fuq bażi full-time.
Informat li kull min għandu dawn il-kwalifiki jkun ammes fil-kors.
Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23234, 20614 u 22472 u jgħid kemm applikaw studenti għall-istituti kollha ta' l-MCAST mis-sena 2002 sa l-aħħar sena skolastika separatament għal kull sena u għal kull istitut? Jista' bl-istess mod jgħid kemm ġew aċċettati minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx kompilata b'mod li tirrifletti bl-eżatt il-pożizzjoni kif mitluba għall-kull sena msemmija (2002-2006). Mill-applikanti ikun hemm min ma jikkwalifikax għall-kors magħżul, min jirrifjuta l-offerta ta' l-MCAST biex jibda l-kors, min jibda l-kors u wara xahar jibdel, min jibdel il-kors fl-MCAST stess u ċirkostanzi oħra. L-MCAST għad m'għandux sistema ta' informatika li żżomm rekord ta' dan kollu u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma nistax nagħtiha.