Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx xi taħriġ sportiv organizzat għal kulħadd mill-Kunsill Malti għall-Isport? Jekk iva, f'liema dixxiplini? Kif inhu mqassam il-programm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport fil-preżent qed jaħdem programmi ta' sport
ma’ l-iskejjel kollha u mal-Kunsill Lokali. Matul din is-sena sar ukoll program mal-Kunsill Lokali Kerċem, l-iskola primarja ta' Kerċem, Attard FC Youth Nursery u l-iskola primarja t'Attard. Hemm programmi oħra ta'
Sports for All
maħsuba ġewwa Għawdex flimkien mal-
Gozo Youth FA
u mal-Ministeru ta' Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni mill-irħula tal-Fgura, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn li għandhom il-karta r-roża?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta Socjali ma jzommx statistika dwar in-numru ta' persuni eligibbli ghall-Karta r-Roza izda dwar in-numru ta' familji eligibbli.
Ninsab infurmata wkill li n-numru ta' familji li kienu eligibbli ghall-Karta r-Roza sa Dicembru 2006 mill-lokalitajiet tal-Fgura, Zabbar u Wied il-Ghajn kien 108, 442 u 124 rispettivament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'deċiżjoni ttieħdet dwar l-użu ta' tagħmir magħruf bħala palm print fid-depot tal-pulizija wara li kien hemm ansjeta' li dan jista' jintuża b'mod kriminali minn min ikun irid iqarraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettal ta' fingerprint fis-sistema tal-fingerprint reader installata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija huwa maħżun f'forma ta' ritratt diġitali u mhux bħala impronta fiżika. Dan, għalhekk, ma jippermettix li t-tagħrif maħżun fis-sistema jkun jista' jintuża b'xi mod kriminali minn xi ħadd li jkun irid iqarraq kif semma l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant m'hemm ebda deċiżjoni x'tittieħed.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23781 u jgħid kemm applikaw studenti biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm huma mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-uffiċċju tal-MATSEC għadu qed jaġġorna u jikkompila t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23782 u jgħid fl-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra, kemm-il student se joqgħod għas-suġġetti kollha offruti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23787 u jgħid:
1. Kemm skejjel (a) primarji (b) sekondarji huma mmexxija minn aġent kap?
2. Kemm mill-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji li huma mmexxija minn aġent kap għandhom popolazzjoni studenteska ta' 500 jew aktar?
3. Kemm hemm postijiet vakanti ta' assistant kap fl-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji?
4. Kemm hemm postijiet vakanti ta' uffiċjal edukattiv (a) għal-livell primarju skond is-suġġetti u (b) għal-livell sekondarju għal kull suġġett?
5. Kemm postijiet ta' uffiċjal edukattiv għal-livell (a) primarju u (b) sekondarju ġew vakati (i) wara rtirar bl-eta' (ii) wara promozzjoni (iii) wara riżenja f'dawn l-aħħar ħames snin sas-6 ta' Frar 2007?
6. Kemm attwalment għandu jkun il-komplement ta' uffiċjali edukattivi għat-taqsima primarja u għal dik sekondarja?
7. Kemm hemm supply teachers impjegati fit-taqsima (a) primarja (b) sekondarja sa Diċembru 2006?
8. Kemm minn dawn huma gradwati imma mhux B.Educ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk swimming pools li jkunu miftuħa għall-pubbliku jiġux spezzjonati minn uffiċjali tas-saħħa biex ikun żgurat li l-kwalita' ta' l-ilma huwa tajjeb u li jkun hemm l-indafa? Kemm saru spezzjonijiet fl-2006 u f'liema pixxini? Kemm saru spezzjonijiet fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena u f'liema pixxini? Kien hemm każi fejn kien hemm infrazzjoni tar-regolamenti jew tal-liġi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24122, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bil-pubblikazzjoni ta' A.L.129 ta' l-2005 - Regolamenti ta' l-2005 dwar Swimming Pools, il-persuna responsabbli għandha diversi obbligi nkluż dawk ta' monitoraġġ fuq il-kwalita' ta' l-ilma.
Minn Ġunju ta' l-2006, it-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika , ġiet mogħtija l-funzjoni biex tniedi programm ta' audits tal-pixxini rreġistrati ma' l-Awtorita' tas-Saħħa peress li r-reġistrazzjoni tal-pixxini huwa obbligu taħt dawn ir-regolamenti. Minn Ġunju ta' l-2006 sa llum, saru dawn it-tip ta' audits f'120 pixxina. Tmienja minnhom saru matul din is-sena 2007. Waqt dawn l-audits, l-uffiċjali min din it-taqsima jduru mal-kumpless kollu biex jiċċekjaw illi l-provedimenti kollha tar-regolamenti qed jiġu osservati.
F'każ ta' nuqqasijiet, il-persuna responsabbli tiġi pprovduta b'avviż ta' tneħħija maħruġ taħt l-Artiklu 12 ta' Att dwar is-Saħħa Publika biex jikkonforma ruħu skond il-provediment ta' l-A.L.129 ta' l-2005 u f'każ li jonqos li jirregola ruħu ma' dan l-avviż, isir garanzija skond it-termini ta' l-Artiklu 13, ta' l-Att Nru. XIII ta' 2003. Min dawn il-garanziji s'issa ħarġu 8 u ttieħdet azzjoni legali kontra numru ta' stabilimenti fejn naqsu li jirregolaw ruħhom ma' dawn ir-regolamenti.
Skond diskors riċenti li qed jagħmel il-Prim Ministru, jista' jekk jogħġbu jagħti breakdown tal-figura ta' Lm500 miljun investiment fiex kienet tikkonsisti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istatistika maħruġa mill-NSO fit-2 ta' Frar 2007.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W296, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema jekk l-eżami tal-prattika xorta waħda jsir hawn Malta f'xi laboratorju naturalment bi ħlas li jiġi stabbilit mill-awtoritajiet Maltin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-MATSEC ma jistax jgħid x'inhi l-problema li qed isibu dawk l-istituzzjonijiet li normalment jagħtu servizz ta' laboratorju lill-bordijiet barranin ta' l-eżamijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23214, jista' l-Ministru jgħid dawk il-libreriji li m'humiex online meta se jidħlu f'din is-sistema? Jista' jgħid ukoll fil-preżent liema huma dawn il-libreriji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 17 il-librerija li m'humiex fuq sistema kompjuterizzata. Dawn huma tal-Qrendi, Lija, Marsaxlokk, Marsascala, Kalkara, Kirkop, Marsa, Safi, St Andrews, St Julians, Sta Venera, Isla, Tarxien, Fgura, Valletta. Bħala Libreriji Reġjonali insibu wkoll tar-Rabat u tal-Birgu.
Informat ukoll li fil-preżent id-Dipartiment tal-Libreriji ma jistax jagħti data meta dawn il-libreriji se jkunu 'online'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li issa se jieħdu l-istipendju wara li dawn ma kienux ingħataw l-istess stipendju fil-bidu ta' din is-sena skolastika, meta proprju bdew l-istudji tagħhom ġewwa l-MCAST? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' studenti li mhux se jieħdu l-istipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija rilevanti tad-DOI pubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu applikaw artisti biex jagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom għal-logo il-ġdid tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Min kienu dawn l-artisti? Jista' jgħid ukoll kif ġie deċiż li jintgħażel il-persuna li ntagħżlet għal-logo il-ġdid? Kemm se jitħallas għal dan il-logo?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għas-sejħa pubblika li xandar għal proposti għall-logo ġdid , il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti irċieva 28-il sottomissjoni minn 28 artist differenti. Ma naħsibx li jkun etiku li jingħataw l-ismijiet ta' dawn l-artisti.
Il-Kunsill evalwa bir-reqqa s-sottomissjonijiet kollha u kkonkluda li l-ebda waħda ma kienet tesprimi l-missjoni tal-Kunsill, ċioe li jippromwovi l-Kultura u l-Arti Maltija sew f’Malta kif ukoll barra xtutna. Għalhekk, il-Kunsill iddeċida li jikkommissjona artist/diżinjatur. Ġie miftiehem li l-ħlas tal-kummissjoni ikun ta’ Lm500.
Manoel Island — Russu li korra gravi fi ground tal-football
Question
Bħala Ministru responsabbli mill-isport, jista' jingħad x'passi ttieħdu dwar l-inċident li seħħ ftit ġimgħat ilu meta ċittadin Russu weġġa' gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqu f'Manoel Island? Min hu responsabbli mill-istess ground? Hemm uffiċjali li jżuru grounds biex jaraw li l-lasti fil-grounds kollha tal-football huma skond ir-regolamenti u fejn hemm lasti li jiċċaqalqu jkunu mwaħħlin ma' l-art? Dan il-ground għandu aċċess għall-pubbliku mingħajr ebda sigurta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Hija responsabbilita' ta' l-Għaqdiet Sportivi biex jizguraw illi kwalunkwe attrezzatura ma tkunx ta' periklu għal persuni li juzaw il-post.
Informat ukoll li l-grawnd imsemmi jintuza minn Gzira Utd FC u n-nursery tagħhom. Il-grawnd kien jinzamm magħluq biex jiġi uzat mill-klabb biss, izda sofra diversi attakki ta' vandalizmu fil-fence u b'hekk jinsab miftuħ.
Pulizija — Ċittadin Malti li daħħal splussiv mill-Bulgarija
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-każ li kien qed jiġi nvestigat mill-pulizija meta s-sajf li għadda ċittadin Malti kien daħħal splussiv mill-Bulgarija? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija? Saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Bulgari? Tressaq xi ħadd il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar il-każ fejn persuna kienet instabet li kellha xi materjal pirotekniku fil-valiġġa mal-wasla tagħha fuq titjira mill-Bulgarija, mistenni li tkun konkluża dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'Diċembru 2006 u f'Jannar sa l-20 ta' Frar kemm inqabdu tfal taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment? Liema kienu l-bars, discos, etc. u f'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu? Kien hemm sidien li kienu riċedivi? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed issir distinzjoni jew le fejn ikun hemm bars li huma non-alcoholic?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Diċembru 2006 u l-20 ta' Frar 2007, il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 9 persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment, 1 minnhom reċediv, wara li kienu nstabu 10 persuni taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment ġewwa Ħal Luqa, Wied il-Għajn, San Ġiljan, u r-Rabat Għawdex.
Infurmat ukoll illi r-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment ma jagħmlux distinzzjoni bejn postijiet ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol jew le.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja r-regolamenti tad-divertiment? Meta mistenni li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kumitat avvanza ħafna fix-xogħol tiegħu u ltaqa' diversi drabi.
Malli jkolli r-Rapport, inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjan li qed timxi fuqu l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada fejn jidħlu xogħlijiet ta' bini, manutenzjoni jew ta' xort'oħra fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux il-kaz li f'dan l-istadju jitpoġġa d-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti jew case studies li ġew preżentati lil persuni minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea marbut mas-sistema tal-kulleġġi u dak li qed jiġi propost mill-gvern fil-qasam ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapporti li għandhom x'jaqsmu mas-suġġett imsemmi fil-Mistoqsija huma diġa pubbliċi u poġġuti fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23579, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2006 il-Kunsill Malti Għall-iSport ikkommetta li jagħti l-għajnuna lil dawn l-assoċazzjonijiet biex jagħmlu testijiet kontra doping :
- Malta Triathlon Assoc. - Lm 284.73
- Malta Football Assoc. - Lm3,507.97
- Malta Dancesport Assoc. - Lm 150.00
- Malta Tennis Assoc. - Lm1,000.00
- Malta Weightlifting Assoc. - Lm 570.00
Total - Lm5,512,70