Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li huma technicians, bħal ngħidu aħna Science Lab u Technology Technicians, u li jinsabu fi Skala 14 hux possibbli jitilgħu xi skala jew tnejn wara numru ta' snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-materja hi regolata mill-Ftehim 'Classification, Regrading and Assimilation of the Technical Class'.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li waslu għandi mingħand numru ta' studenti u ġenituri dwar għalliema ta' dixxendenza Ingliża li tgħallem ġewwa l-MCAST studenti ta' l-IT ġewwa ċentru ta' l-EC f'Paceville fejn qed jingħad li tgħajjar lill-istudenti tant li rrappurtawha lil counsellors u li tgħid diskors dispreġjattiv fil-konfront tal-pajjiż u anke kontra l-MLP?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra jew talba li l-avukati tal-MEPA għamlu lill-Ombudsman sabiex dan jagħti parir dwar ir-rapport ta' l-awditur tal-MEPA stess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli jew le li persuna ddum tistenna madwar sentejn biex issirilha operazzjoni tal-cruciate? Jista' isir xi ħaġa urġenti minħabba li l-mobilita' ta' dawn il-persuni tkun ristretta ħafna?
Jistax jgħid ukoll kemm hemm persuni jistennew għal din it-tip ta' operazzjoni u minn liema bliet u rħula ġejjin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24202 qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbnew is-swali ta' l-iskola Primarja ta' Marasxlokk u tal-Junior Lyceum ta' Sta. Luċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tender biex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk tinsab għand il-Kumitat tal-Kuntratti biex tiġi pubblikata. Ix-xogħol jibda wara l-ħruġ tal-Letter of Acceptance. Rigward il-Junior Lyceum ta’ Sta. Lucia qiegħed isir renewal tal-pjanti biex jiġu approvati mill-MEPA u bdew jinħadmu l-Bill of Quantities sabiex tiġi pubblikata t-tender għall-bini tas-sala.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24011, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-oġġezzjoni tiegħu sabiex dan il-pjan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23654 u 24013, jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jingħad li l-aħħar li ġiet emendata din il-lista tal-protokoll kien f'Mejju, 1997 meta fil-lista hemm titli li ma kenux jeżistu sa dak iż-żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nikkonferma dak li rrispondejt f’mistoqsija parlamentari numru 23654 inżid ngħid li minn dak iż-żmien ’l hawn saru biss addenti kif ukoll aġġornament kontinwu ta’ l-informazzjoni personali ta’ l-individwi.
Jista' l-Ministru jinvestiga numru ta' rapporti li wasluli dwar l-iskola Primarja B taż-Żurrieq, fejn qed jingħad li xi facilitators qed igħaddu ħafna żmien barra mill-klassi minflok mat-tfal li għandhom bżonnijiet speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda lment dwar ir-rapporti imsemmija fil-Mistoqsija ma waslu la lill-Kap ta' l-iskola u lanqas lill-uffiċċju tal-Ko-Ordinaturi tal-Kulleġġ San Benedittu. Mill-investigazzjoni informat li ma jirrizultax li r-rapporti msemmija fil-Mistoqsija huma ġustifikati.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Psikologi edukattivi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23894, il-Ministru llum jikkonferma li hemm tlett psikologi edukattivi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid dawn fejn qed jaħdmu u x'inhu t-titlu proprju tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm huwa meħtieġ li jkun il-compliment ta' psikologi sabiex jaqdu l-ħteġijiet tat-tfal kollha? X'qed isir ħalli jintlaħaq il-compliment meħtieġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-prezent hemm tlett Psikologi Edukattivi li jipprovdu servizz fi ħdan is-Servizzi Psikoloġiċi għall-iskejjel. Fejn tinħass il-ħtieġa jiġu kuntrattati s-servizzi ta' Psikologi privati. Id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni għandha vakanzi għall-Psikologi Edukattivi li jaħdmu fuq bazi ta' ħin bħala uffiċjali pubbliċi fis-servizz ġenerali kif jiġri fil-qasam tas-settur tas-saħħa u oqsma oħra. L-istudenti u l-iskejjel ma jistgħux jinqdew tajjeb b'servizz ta' psikoloġija li jieqaf fil-vaganzi u hekk kif tieqaf l-iskola. Id-Divizjoni tibqa' tagħmel l-almu tagħha biex tikseb is-servizzi meħtieġa u biex timla l-vakanzi li għandha bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal fid-dekasteru kollu tiegħu ġie sospiż jew imkeċċi minħabba frodi u/jew serq fl-2006 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena? X'kienu l-akkużi f'kull każ? X'passi ulterjuri ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirrizultax li xi impjegat fid-dekasteru msemmi ġie sospiz jew imkeċċi għar-raġuni msemmija fil-Mistoqsija. Jekk l-Onor. Membru jeħtieġ verifika fuq xi impjegat partikolari jgħaddi l-isem tal-persuna b'mod konfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi li għandhom il-permess jidħlu fil-belt ta' l-Mdina? X'inhuma r-raġunijiet għal dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandhiex din l-informazzjoni peress illi hi ma toħroġx dawn il-permessi.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistqosija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent fejn qed isir xogħol ta' toroq? F'kull każ, meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta huwa mistenni li jitlestew? Kemm hija l-ispiża għal kull biċċa xogħol li qed issir fil-preżent?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni f'Wied il-Għajn li huma single, inkluż ġenitur singlu, separat jew divorzjat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita' li taqa' taht id-dekasteru tieghi ma jzomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi ghal persuni li qed jircievu xi beneficcju socjali mhallsa taht l-Att dwar is-Sigurta' Socjali, ninsab infurmata li din l-istatistika qed tingabar u Twegiba tinghata f'xi Seduta ohra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Minuti tal-laqgħa tal-bord tal-MEPA tal-21 ta' Diċembru, 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-minuti relattivi għall-parti pubblika tal-laqgħa tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tal-21 ta' Diċembru 2006. Kopja ta' dawn il-minuti ngħatat ukoll lil min kien talab kopja tagħhom u dan anki in vista tal-parir mogħti mill-Ombudsman.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li għamel l-awditur tal-MEPA dwar il-proċess ta' l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Miniex f’pożizzjoni li npoġġi fuq il-mejda tal-kamra dan l-abboz ta’ rapport għaliex dan mhuwiex wieħed finali. Kif informa diġà l-awditur lill-complainant, l-Ombudsman indikalu li ma jkunx korrett li jiffinalizza rapport ġaladarba każ għadu pendenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell. L-awditur aċċetta l-parir ta’ l-Ombudsman u għalhekk ma kompliex jipproċessa r-rapport.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23998 u jgħid meta triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Ħaż-Żabbar se tingħata isem minħabba li ilha żmien twil li ġie suġġerit isem għaliha li aktarx huwa Triq Dun Gwann Debono?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamenti Nru 23998 bi żvista kont għidt li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Peress li l-iStreet Naming Committee m’huwiex responsabbilita tal-Ministeru tiegħi, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pixxini li huma miftuħa għall-pubbliku? Min huwa s-sid f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għandux it-taghrif meħtieġ. Ir-responsabilita' ta' reġistrazzjoni ta' pixxini miftuħa għall-pubbliku ma jaqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24004 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' peress li sar ħafna tibdil fin-numru ta' bibien f'diversi bliet u rħula, tista' tgħid meta huwa maħsub li joħroġ id-direttorju tat-telefon il-ġdid?