Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pixxini miftuħa għall-pubbliku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24126 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pixxini li huma miftuħa għall-pubbliku? Min huwa s-sid f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li lista ta' swimming pools reġistrati tinsab għall-informazzjoni tal-pubbliku fuq il-paġna elettronika tat-taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (www.health.gov.mt/dph/ehuhome.htm) skond provvedimenti ta' A.L. 129 ta' l-2005. Fir-rigward għad-dettalji tas-sid ta' kull swimming pool reġistrata, ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni tinġabar mid-Dipartiment skond l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, 2001 u l-Att dwar is-Saħħa Pubblika għall-użu amministrattiv fl-interess tas-Saħħa Pubblika u għalhekk dan id-Dipartiment iħoss li ma jistax jirreferi tali informazzjoni.

Swimming pools — Ispezzjoni ta' ilma

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24122, jista' l-Ministru jgħid lil min ħarġu dawn il-garanziji? Kontra min ittieħdu passi legali? X'kienu l-akkużi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li nħarġu 8 garanziji sond l-Artiklu 13, ta' l-Att dwar is-Saħħa Pubblika fir-rigward ta' provedimenti tal-A.L.129 ta' l-2005 lis-segwenti stabbilimenti: 1. Sunny Coast Resort Club, Qawra 2. Coastline Hotel, Sliema 3. Santa Maria Hotel, St Paul's Bay 4. San Anton Hotel, Sliema 5. Park Hotel, Sliema 6. Preluna Hotel & Towers, Sliema 7. Ramla Bay Resort, Marfa 8. The Riviera Resort & Spa, Marfa Il-garanziji kontra s-Santa Maria Hotel u San Anton Hotel ġew magħluqa peress li x-xogħolijiet li kellhom isiru saru fiż-żmien miftiehem. Il-garanziji l-oħra għadhom fil-perjodu miftiehem biex ix-xogħlijiet jitwettqu. Dwar swimming pools infetħu tliet kawżi kontra persuni u stabbilimenti differenti. L-akkużi kienu s-segwenti: - Chapter 10 Art 121 (1) - L.N. 129 of 2005 Reg.3 (1) (a), Reg. 5 (1) (a), (b) & (c), Reg 8 (2) (a), Reg 8 (4) (d) & Reg 9 (a). - Art 18 (1) of the Public Health Act Liema kawżi għadhom subjuduiċe.

Eżamijiet tas-SEC u MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ħallsu l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC u SEC separatament li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Kien hemm min ma ħallasx dak li kien dovut?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Sec - Mejju 2007 MATSEC Mejju 2007 Total Ħlasijiet Lm317,615 Lm163,736 Lm481,351 Eżenzjonijiet Lm 456 Lm 41 Lm 497.

Avukati tal-MEPA — Ittra Mibgħuta lill-Ombudsman

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W322 il-każ li qed nirreferi għalih huwa l-impjant ta' Riċiklaġġ ġewwa Sant'Antnin li jinsab ġewwa Wied il-Għajn, jista' issa l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-talba li l-avukati tal-MEPA għamlu lill-Ombudsman sabiex jingħataw parir dwar ir-rapport ta' l-awditur tal-MEPA stess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ittra li qed jitlob tifforma parti integrali mill-proċess ta’ l-investigazzjoni ta' l-Awditur ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bir-riferenza tiegħu Compl 01/06. Wara talba mill-uffiċċju legali ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), l-opinjoni ta’ l-Ombudsman lill-Awditur ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet tgħid li: " it would not be correct on your part to announce your conclusions on issues that are the subject of or intrinsically related to matters that have still to be determined by the Planning Appeals Board or to in any way influence the conclusions of the Appeals Board when the appeal is in progress. Prudence dictates that you do not finalise your report ." Kif ikkomunikat mill-istess Awditur tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), hu aċċetta dan il-parir u għalhekk din l-investigazzjoni qatt ma ġiet konkluża. Fid-dawl ta' dan, ma nħossx li għandi npoġġi din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

Maltapost — Ktejjeb tal-Kodiċi Postali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24005 u jgħid issa li l-Maltapost biddlet il-kodiċi postali tal-pajjiż kollu, meta se joħroġ ktejjeb biex jagħti l-kodiċi postali l-ġodda u dan biex ma jkunx hemm taħwid u dewmien fit-tqassim tal-posta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Direttorju tat-telefon ġdid

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24004 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, peress li sar ħafna tibdil fin-numru ta' bibien f'diversi bliet u rħula, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħroġ id-direttorju tat-telefon il-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li direttorju tat-telefon huwa ntiż biex jipprovdi nformazzjoni dwar in-numri tat-telefon u mhux in-numri ta' bibien f'diversi bliet u rhula. Fil-fatt diversi abbonati li jawtoriżżaw lill-Maltacom li tippubblika n-numru tat-telefon tagħhom fuq direttorji tagħha, jeżerċitaw ukoll id-dritt li bħala ndirizz jidher biss il-belt jew rahal fejn huma joqgħodu. Il-Maltacom preżentement qegħda tikkunsidra bis-serjeta jekk tippubblikax fiż-żmien li ġej direttorju ġdid jew update ta' dak ezistenti. Sadattant, il-Maltacom tfakkar li tipprovdi servizz bla ħlas ta' direttorju online b' informazzjoni aġġornata li jista' jinstab f' http://www.maltacom.com/edirnew/modules/edirmain.asp . Barra minnhekk, il-Maltacom tipprovdi wkoll servizz bi ħlas ta' directory enquiries li wieħed jista' juża billi jċempel in-numru 1182.

Rapport ta' l-esperti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24006, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tlestewx ir-rapporti ta' l-esperti? Jekk le, jeżisti terminu ta' żmien dwar kemm għandhom idumu l-esperti biex jagħmlu r-rapporti tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rapporti ta' l-esperti nominati mill-Maġistrat Inkwerenti dwar l-inkjesta Maġisterjali li tirrigwarda persuna ta' nazzjonalita' Ġeorġjana li fil-25 ta' Jannar 2007 weġgħet gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqha fil-ground ta' Manoel Island u li kien fil-periklu tal-mewt, għadhom ma humiex lesti.

Kindergarten Assistants — Diploma Course

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir diploma course fl-Universita' ta' Malta għall-kindergarten assistants?

Response (GALEA, LOUIS)

Minn data li għad trid tiġi stabbilita l-kwalifika minima biex persuna tkun eleġibbli taħdem bħala Kindergarten Assistant ser tkun Diploma fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Meta din id-data tiġi stabbilita l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla jiġu informati biex ikunu jistgħu ifasslu u jorganizzaw il-korsijiet meħtieġa. Naturalment jingħata zmien bizzejjed biex il-korsijiet meħtieġa ikunu saru u jkun hemm l-ewwel grupp ta' gradwati.

Skejjel — Ilmenti dwar student

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu mġieba diffiċli ma jibqax itellef lit-tfal l-oħra u dan wara li rċevejt numru ta' lmenti minn ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fl-istess klassi? Jista' jara wkoll, permezz ta' persuni nkarigati apposta, li dan l-istess tifel jiġi riferut lill-Aġenzija Appoġġ jew lil xi social worker?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel konċernat għandu servizz ta' one to one facilitator full-time. Għalhekk kull meta jkun hemm bżonn il-facilitator joħroġ lit-tifel mill-klassi. Peress li t-tifel hu każ diffiċli ġie riferut lill-iSchool Psychological Services. Informat ukoll li dan il-każ ġie riferut lill-Welfare Section tad-Diviżjoni wkoll għal aktar għajnuna lit-tifel kif ukoll lill-familja tiegħu.

Floriana — Sala Robert Sammut

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab ir-refurbishment tas-Sala Robert Sammut fil-Floriana? Meta beda dan ix-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol fuq is-Sala Robert Samut tlesta sentejn ilu. Inbeda mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u tkompla mill-FTS fl-2002. Ix-xogħol ġie jiswa Lm360,000 u sar permezz ta' tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separtament, għandhiex applikazzjoni għal housing alternattiv jew le? Jekk fl-affermattiv huwa possibbli li tinstabilha dar żgħira bil-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-persuna ndikata m'għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Universita' ta' Malta — Sistema ta' rtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-Universita' ta' Malta tiġi ntrodotta sistema ta' irtirar ta' 65 sena għall-istaff akkademiku wkoll meta wieħed iqis li hemm ħafna li huma 'l fuq sew minn 65 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ta' irtirar għal staff akkademiku issa trid tiġi rikonsidrata fid-dawl tal-provvedimenti l-ġodda adottati mill-Parlament dwar il-pensjoni tas-Sigurta Soċjali kif ukoll fid-dawl ta' eventwali proposti għal tibdil fil-liġi li tirregola l-Universita'.

Malta University Services — Bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-bord li jmexxi l-Malta University Services? Jista' jgħid ukoll jekk dawn jitħallsux jew għandhomx xi allowances? Jekk iva, x'inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jindika fejn u meta se jitqiegħdu traffic lights f'din is-sena finanzjarja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din is-sena huwa ppjanat li jkunu nstallati pelican lights f’dawn il-lokalitajiet. Il-prijorita’ hija kif indikat fil-lista. Qormi Road - Qormi Triq 79 - Birgu Dun Karm Bypass c/w Ganu Street - Birkirkara Triq Fortunato Mizzi – Rabat Għawdex Marfa Road - Mellieħa Marfa Road - Ċirkewwa Triq il-Kottonera - Birgu/Bormla Tower Road - Sliema Naxxar Road - San Ġwann Naxxar Road - Birkirkara ( close to BOV ) Sir Paul Boffa Avenue - Raħal Ġdid Vjal it-28 ta’ April - Raħal Ġdid Qormi Road - Marsa/Ħamrun Vjal ir-Rihan - San Ġwann Triq San Bastjan - Qormi ( between the junctions with Triq Correa and Triq l-Armier) Mdina Road - Qormi ( adjacent to Triq iċ-Ċawsli and the public footway to the nearby school and sports field ) Triq A Cachia Zammit - Żejtun Pelican crossing quddiem Burmarrad Commercials - Burmarrad Zebra crossing ser tiġi mibdula f’pelican crossing in Rue d’Argens - Gżira Pelican crossing f’Gudja Bypass - Gudja.

ADT — Cameras tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-cameras tat-traffiku humiex kollha bil-permess ta' l-awtorita' dwar it-trasport? Jista' jgħid ukoll għalfejn saru applikazzjonijiet biex jitwaħħlu aktar cameras? Min għamel kull applikazzjoni u meta saret?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-ispeed cameras li hawn stallati huma kollha bl-awtorizzazzjoni ta’ l-ADT. Dawn jinsabu fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi; Triq Reġjonali, San Ġiljan; Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ; Triq in-Nutar Żarb, Ħ’Attard; Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u fi Triq Sant’Andrija, Pembroke. Jien infurmat ukoll li hemm dawn it-talbiet pendenti: 1. talba li saret mill-Kumitat Konġunt Grupp Ġ, li jinkorpora l-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Għaxaq, il-Gudja, Marsaxlokk, Paola, Santa Luċia, Ħal Tarxien u ż-Żejtun, biex joperaw speed camera mobbli f’diversi toroq fil-konfini msemmija; 2. applikazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għat-twaħħil ta’ speed camera fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi; 3. talba mill-Kumitat Konġunt taż-Żurrieq, li jinkorpora l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq, biex joperaw speed camera mobbli f’diversi toroq fil-konfini ta’ Ħal Luqa, Birżebbuġa u Ħal Kirkop; 4. talba minn Guard and Warden Service House Ltd għall-istallar ta’ speed cameras barra l-mini ta’ Sta Venera; 5. talba mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-istallazzjoni ta’ speed camera fi Triq il-Kbira, il-Mellieħa; 6. talba mill-Kunsill Lokali tar-Rabat għall-istallazzjoni ta’ speed camera fi Triq Ġorġ Borg Olivier; 7. talba mill-Kumitat Konġunt ta’ Birkirkara, magħmul minn Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Ħad-Dingli, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imtarfa, l-Imdina, ir-Rabat u Sta Venera, għall-użu ta’ speed camera mobbli f’diversi toroq fil-konfini ta’ dawn il-Kunsilli Lokali; u 8. talba mill-Kumitat Konġunt Grupp Ħ, li jikkonsisti mill-Kunsilli Lokali tal-Gżira, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, tas-Sliema, is-Swieqi u Ta’ Xbiex, għal speed camera mobbli biex tintuża f’diversi toroq fil-konfini msemmija. Jien infurmat li f’dawn it-talbiet ma ngħatatx ir-raġuni li għaliha tkun qed issir l-applikazzjoni.

Xemxija — Camera tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta camera tat-traffiku titneħħa minn postha, bħal fil-każ tat-telgħa tax-Xemxija, għaliex ma titneħħiex it-tabella li turi li hemm camera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li skond ftehim li hemm bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Awtorità dwar it-Trasport, li hi l-awtorità regolatorja għat-traffiku stradali, il-kameras li jirrekordjaw il-veloċità tal-vetturi jiġu stallati mill-Kunsilli Lokali bl-awtorizzazzjoni biss ta’ l-ADT. It-tabelli marbuta ma’ tali kamera jsiru jew jitneħħew wkoll mill-Kunsilli. Jien infurmat ukoll li m'hemm xejn ħażin li tabella bħal dik imsemmija mill-Onor Interpellant titpoġġa fi triq mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm ukoll kamera bil-ħsieb li tittrażżan il-veloċità eċċessiva mill-vetturi u dan fl-interess kemm tas-sewwieq u l-passiġġieri li jista’ jkollu miegħu u kulmin juża t-triq. Il-preżenza ta’ tali tabella żgur li tnaqqas il-periklu mit-triq. Tajjeb li jingħad li f’ħafna pajjiżi jsiru ħafna tabelli ta’ din ix-xorta f’ħafna toroq mingħajr ma jsiru l-kameras u dan fi sforz li jitnaqqas il-periklu li joħloq is-sewqan eċċessiv. Għalkemm jista’ jagħti l-każ li jkun hemm min jgħid li tabelli bħal dawn jindraw, hu fatt magħruf li jkun hemm ukoll okkażjonijiet fejn fil-viċinanzi ta’ dawn it-tabelli jkun qed isir sorverjal skond il-liġi mill-forzi ta’ l-ordni bl-użu ta’ speed cameras mobbli.

Zjarat fl-iskejjel

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23926 dwar żjarat fl-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-affarijiet li nstabu ħżiena fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn iż-żjarat saru bl-iskop li jkunu ta' għajnuna fl-identifikazzjoni ta' affarijiet jew sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu periklu sew għall-istudenti u l-għalliema. Dawn iż-żjarat jieħdu forma ta' 'Risk Assessment', li wara jiġi diskuss mal-kapijiet ta' l-iskejjel biex jiġu identifikati metodi kif dawn jiġu mtejjba.

Hal Kirkop — Kumpless sportiv

Question

B'riferenza għall-aħbar li se jinbena kumpless sportiv f'Hal Kirkop, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol u kemm se jiġi jiswa? Min se jagħmel dan ix-xogħol u x'inhuma l-faċilitajiet li se jkun fih dan il-kumpless? Meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol fuq dan il-kumpless?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fuq il-kumpless sportiv f’Ħal Kirkop beda. Ix-xogħol se jiġi jiswa madwar Lm530,000.00 u l-kuntrattur li rebaħ it-tender tal-kostruzzjoni wara proċess tal-kumitat tal-kuntratti huwa ‘Elbros Construction’. Informat ukoll li l-Kumpless ta' Ħal Kirkop ser ikun multi-sports usage u mhux marbut ma' xi sport partikolari. Il-post ser ikollu fih first aid room , fitness centre u uffiċini għall-amministrazzjoni.

Għaqdiet Filantropiċi — Taxxa fuq l-income

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk għaqdiet filantropiċi humiex suġġetti li jħallsu t-taxxa fuq l-income, l-15% fuq kontijiet bankarji u xi taxxi oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għaqdiet filantropiċi ma jħallsux income tax jekk ikunu ġew eżentati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-artikolu 12(1)(e) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Din l-eżenzjoni tapplika wkoll għal interessi li jista’ jkollhom minn kontijiet bankarji. Fil-każ ta’ għaqdiet li ma għandhomx din l-eżenzjoni, it-taxxa titħallas bir-rati stabbiliti għal persuna oħra sa massimu ta’ 30%, u jistgħu jħallsu bil-15% fuq kontijiet bankarji.

Marsa Sports Complex — Xogħol ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-faċilita' sportiva tal-Marsa li issa ilu li beda jinbena mhux ħażin? Meta huwa maħsub li dan jinfetaħ u għal xiex se jservi dan il-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS kompla fuq l-ewwel fażi tax-xogħol tal-Car Park ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Fil-fatt ix-xogħol strutturali tal-carpark tlesta u anke d-dawl intern ta’ l-istess car park. Ix-xogħol tad-dawl intern apparti l-fittings tlesta fl-2006. Il-KMS sejjer din is-sena joħrog t-tender għal finishes tal-car park.