Jista' l-Ministru jgħid il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separament x'xogħol u xi rwol għandu vis-a-vis l-Kulleġġi? Jista' jgħid din il-persuna kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol u fejn kien qiegħed qabel ġie fix-xogħol li għandu fil-preżent? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed jieħu xi ħlas ieħor minbarra l-paga tiegħu bħal allowances jew ħlasijiet oħra? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid kemm u x'inhuma dawn il-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna msemmija, bħalissa qiegħdha tagħmel ix-xogħol bi prova ta' Precincts Officer fil-Kulleġġ San Benedittu. Din il-persuna ilha tagħmel dan ix-xogħol mis-sena 2006. Din il-persuna hija impjegata mal-kumpanija IPSL Ltd. u hija mislufa lid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni.
Bħalissa qed tiġi diskussa r-remunerazzjoni li għandu jkollhom Precincts Officers tal-Kulleġġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallsu r-Ryanair f'taxxi magħrufa bħala MT tax lid-direttur ta' l-avjazzjoni ċivili mindu bdew joperaw għal u minn Malta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kumpanija Ryanair sal-lum għada m'għamlitx pagamenti tat-taxxa ta' tluq (departure tax) lid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili. Pero d-Dipartiment qiegħed jistenna li l-Kumpanija tgħaddi pagament fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total ta' studenti li se joqogħdu għall-eżamijiet għal Junior Lyceum? Kemm huma subien u bniet? Kemm minnhom ġejjin minn skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-total ta' studenti li ser joqogħdu għall-ezamijiet tal-Junior Lyceum huwa ta' 3,770 (Subien - 2076; Bniet - 1694).
Mill-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti it-total ta' studenti li ser joqogħdu għall-ezamijiet tal-Junior Lyceum huwa ta' 644 (Subien - 398; Bniet - 246).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum fi ftit ġimgħat oħra li mhux se joqogħdu għall-eżami tar-Reliġjon? Kemm huma bniet u kemm subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 65 kandidat b'kollox li mhux ser joqogħdu għall-ezami tar-Reliġjon: 42 tifla u 23 tifel.
Jista' l-Ministru jara li t-tfal li qed jattendu l-iskola primarja tal-Għargħur u li jinsabu fil-ħames sena fil-klassi tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma jintlaqtux b'mod negattiv minħabba li l-istess persuna qed tkun bis-sick leave ta' sikwit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-kaz imsemmi l-għalliema weġġgħet u li l-bzonnijiet tat-tfal ġew garantiti għaliex intbagħtet għalliema Supply li hija gradwata u kwalifikata fl-edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi? Jista' jgħid jekk minn meta saru l-aħħar elezzjonijiet sal-lum ġewx ikkonfermati l-presidenti u jekk ġewx rriplesjati dawk li ma xtaqux ikomplu, kif ukoll dawk li għal raġuni jew oħra ma setgħux ikomplu? Jista' jagħti assigurazzjoni li l-Kunsilli Skolastiċi kollha qed jiffunzjonaw skond il-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi saru fis-26 ta' Jannar 2007.
Ix-xogħol tal-Kunsilli Skolastiċi kollha qed jiġi segwit mit-Taqsima tal-Kunsilli skolastiċi tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex ikun assigurat li kollha qed jiffunzjonaw skond il-liġi.
L-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi (AKS) ukoll issegwi x-xogħol li jsir fi ħdan il-Kunsilli Skolastiċi.
Il-Presidenti konċernati jew ġew jew qed jiġu konfermati jew nominati.
Jista' l-Ministru jgħid minħabba li l-kulleġġi fin-natura tagħhom mhumiex kollha l-istess minħabba l-ambjent li jġibu magħhom l-istudenti, sarx xi provvediment biex ċerti kulleġġi jingħataw xi għajnuna partikolari? Jekk le, hemm il-ħsieb li jsir hekk? X'se tkun din l-għajnuna li se tingħata u lil liema kulleġġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Uħud mill-Kulleġġi diġa' ingħataw appoġġ aktar mis-soltu. Qed jiġu finalizzati mizuri biex kull kulleġġ ikollu l-appoġġ meħtieġ.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni separati fuq ir-relief illum u minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ persuni separati, legalment u
de facto
, li qed jirċievu xi tip ta’ Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali hu 4,436.
Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' ta' eta' kbira li se jiġu trasferiti għall-Adult Training Centres f'Lulju li ġej meta huma jispiċċaw l-iskola? X'tip ta' transizzjoni qed issir biex dawn il-persuni b'diżabilita' jintegraw ruħhom b'mod effiċjenti f'dawn iċ-ċentri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li hemm 25 persuni b’diżabilita li, aktar tard din is-sena, mistennija jiġu trasferiti mill-iskejjel għaċ-Ċentri ta’ Diżabilita’.
Ninsab infurmata wkoll li qed isir assessment ta’ dawn il-persuni bl-iskop li jiġu mgħejjuna fit-transizzjoni u tiġi faċilitata l-integrazzjoni tagħhom fiċ-Ċentri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-istaff full-time u part-time separatament tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? X’ħidma qed titwettaq matul din is-sena skolastika u fejn? Kemm ipparteċipaw studenti u ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li studenti li qed jagħmlu d-diploma in Masonry Heritage Skills fl-MCAST meta jispiċċaw dan il-kors hemmx il-possibilita` li dawn jiġu mpjegati ma’ Heritage Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi kemm is-sena li għaddiet kif ukoll din is-sena Heritage Malta sponsorjat numru ta' apprentisti minn fost l-istudenti li jkunu qed isegwu l-kors tal-MCAST imsemmi mill-Onor interpellant.
Heritage Malta diġa mpjegat persuni li segwew dan il-kors u kemm-il darba tinħass il-ħtieġa bażata fuq ix-xogħol u r-riżorsi għad-diżpożizzjoni ta' din l-aġenzija, Heritage Malta lesta wkoll li żżid l-impjegati f'dan is-settur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ministeru jew id-divizjoni ta’ l-edukazzjoni jingħatawx rendikont tal-budget Special Education li jammonta għal Lm216,000? Jekk fl-affermattiv, jista’ ipoġġi r-rendikonti għat-tlett snin li għaddew fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond ftehim ta' April ta' l-1996 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirrifondi 60% tal-pagi li l-Eden Foundation tħallas fit-tmexxija ta' ċerti programmi tagħha. Skond dan il-ftehim, l-Eden Foundation tibgħat rendikont tal-pagi li tkun ħallset lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li d-Diploma in Journalism Studies mhux ikkonsidrat bħal korsijiet oħra u allura ma jistgħux ikomplu għal degree, anzi jkollhom jibdew mill-ġdid? X’inhi r-raġuni għal dan u għall-fatt li credits u extra credits ma jgħoddux ukoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diploma in Journalism Studies huwa kors ta' studju li kien maħsub u mfassal bi qbil ma' l-Istitut tal-Ġurnalisti u l-Fundazzjoni Tumas Fenech. Il-kors huwa part-time matul il-ġurnata minħabba l-impenji ta' dawn it-tip ta' ħaddiema fuq ix-xogħol u jieħu sentejn.
Il-kwalifiki mitluba biex persuna tagħmel Baċċellerat huma differenti, iżda min jibda l-kors li jwassal għal Baċċellerat fil-Kommunikazzjoni wara li jkun spiċċa l-kors tad-Diploma in Journalism Studies ikun eżentat li jsegwi dawk il-units komuni li jkun segwa b’suċċess fid-Diploma, skond il-provedimenti tar-Regolamenti ta’ l-Universita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-possibilita` li studenti li huma sponsorjati mir-restoration unit tal-works division u li qed jagħmlu Diploma in Masonry Heritage Skills fl-MCAST jiġu mpjegati ma’ l-istess unit wara li jlestu l-kors tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi kull ingaġġ ta’ ħaddiema fis-Settur Pubbliku jsir wara sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista’ l-Prim Ministru jikkonsidra li ċekkijiet ta’ rifużjoni mill-income tax dwar studenti li jattendu skejjel privati u li normalmaent jinħarġu fuq il-missier jibdew joħorġu kemm fuq il-missier kif ukoll fuq l-omm ħalli jkunu jistgħu jissarfu minn xi ħadd minnhom u mhux bilfors mill-missier biss u dan speċjalment fejn iż-żewġ persuni jkunu qed jaħdmu u allura jħallsu t-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25827.
Jista’ l-Prim Ministru jikkonsidra li ċekkijiet ta’ rifużjoni mill-income tax dwar studenti li jattendu skejjel privati u li normalmaent jinħarġu fuq il-missier jibdew joħorġu kemm fuq il-missier kif ukoll fuq l-omm ħalli jkunu jistgħu jissarfu minn xi ħadd minnhom u mhux bilfors mill-missier biss u dan speċjalment fejn iż-żewġ persuni jkunu qed jaħdmu u allura jħallsu t-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24468, jista’ l-Vici Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għal visas fl-istess żmien u kemm minnhom ġew rifjutati mill-pulizija ta' l-immigrazzjoni? Ta’ liema nazzjonalita` kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Settembru ta' l-2006 u Frar ta' l-2007, kien hemm 20,218 talba għal visa minn persuni ta' nazzjonalita' barranija sabiex jiġu Malta, li minnhom 1,564 ġew rifjutati, kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex matul il-lejl m’hemm l-ebda dawl mal-barriers li saru biex jagħlqu parti mir-runway f’ Ta’Qali u li b’hekk huma ta’periklu għal min ma jafx bihom? Jista’ jara li din il-ħaġa tiġi rimedjata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.