Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Nazzjonali taz-Zgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jew mill-Ministeru jew mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ dwar xi twettaq mill-politika nazzjonali taż-żgħażagħ li kellna f'dawn l-aħħar tlett snin u li skadiet fil-bidu ta' din is-sena? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din l-analiżi fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk din l-analiżi għadha ma saritx jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din issir? Jista' jgħid meta ser tiġi updated il-politika taż-żgħażagħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed titwettaq f'kull ħidma tal-Gvern fid-diversi oqsma.

Regolamenti tad-divertiment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li jkun lest ir-rapport tal-kumitat li twaqqaf apposta biex jistudja u jirrikmanda tibdil fir-regolamenti tad-divertiment wara l-mewta traġika ta' tfajla lejliet l-ewwel tas-sena ta' sentejn ilu? Kemm-il darba ltaqa' s'issa dan il-kumitat?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li jiena tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 24010.

Cameras tat-traffiku — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet globalment permezz tal-cameras tat-traffiku minħabba sewqan eċċessiv? Jista' jelenka kemm ħarġu ċitazzjonijiet min kull camera tat-traffiku fl-istess żmien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni miżmuma mill-ADT hija amalgamata f’distretti kif muri hawn taħt: Distrett Nru ta’ ċitazzjonijiet (minn Ġunju 2005 sa Marzu 2007) Sliema 31,574 Qormi 12,695 North 3,503 B’Kara 358 Total 48,130 Id-distrett ta’ Sliema jikkonsisti f’żewġ cameras ġo Regional Road (li bħalissa qed tiffunzjona waħda biss ħabba x-xogholijiet li qed isiru fuq il-pont) u camera oħra ġo Pembroke. Fid-distrett ta’ Ħal Qormi hemm 4 cameras ; 2 ġo Mriehel By-Pass u 2 ġo Ħaż Żebbuġ. In- North District jinkludi camera waħda li qabel kienet installata ġox-Xemxija u llum-il ġurnata qeda nsallata ġo Burmarrad. Id-distrett ta’ B’Kara jinkludi biss camera waħda li hemm ġo Ħ’Attard.

Wardens — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħlu flus minn ċitazzjonijiet mogħtija minn wardens għall-ksur tar-regolamenti tat-traffiku fis-sena sħiħa 2006? Jista' jgħid kemm daħħlu flus s'issa fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kemm għal 2006 u kemm fl-ewwel erba' xhur tas-sena kien id-dħul minħabba sewqan eċċessiv wara li nġibdu ritratti bil-cameras tat-traffiku?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jinqasmu l-flus li jinġabru minn ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens jew minn dawk mogħtija wara ritratti meħuda mill-camera tat-traffiku minħabba sewqan eċċessiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Għalliema part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix tariffa minima nazzjonali dwar kemm għandhom jitħallsu għalliema li jaħdmu part-time kemm ma' l-Istat, mal-Knisja u mal-iskejjel indipendenti? Din it-tariffa hija għall-iskejjel kollha inkluż dawk li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin, l-ħjata, hairdressing, etc?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja hi regolata mill-Ordni tal-Kunsill tal-Pagi għall-Iskejjel Privati li jirregola l-Pagi u li hija applikabbli għall-teachers part-time li huma mpjegati fl-iskejjel kollha, barra minn dawk l-iskejjel imwaqqfin u mmexxijin mill-Gvern Malti jew l-Universita’ ta’ Malta.

Ilmenti minn ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm kien hemm ilmenti minn ġenituri kontra għalliema fl-iskejjel tal-Istat? Jista' jgħid dwar x'hiex kienu l-ilmenti? Kemm minn dawn l-ilmenti kienu ppruvati u x'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena kien hemm ilment wieħed anonimu bil-miktub dwar għalliema fl-Iskejjel ta' l-Istat. Dan il-każ kien ġie riżolt xhur qabel ma sar l-istess ilment.
Leg 10 PQ #25716 Sitting 521 2007-05-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

CD u DVD ta' Vertigo

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim jew kuntratt hemm bejn Where's Everybody ( u kumpanniji sussidjarji jew assoċjati) u l-Maltasong Board, dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-music video, ic-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo? Jista' jippreżenta kopja tal-kuntratti kollha li saru bejn iż-żewġ naħat? Kemm intalbu jħallsu l-kumpannija Where's Everybody għad-drittijiet tal-kanzunetta Vertigo, li skond il-liġi huma proprjeta' tal-Maltasong Board biex ikunu jistgħu jużawha fil-programmi tagħhom? Jista' jgħid għaliex kumpaniji u ħwienet li talbu li jbiegħu c-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo ma ngħatawx permess mill-Where's Everybody biex jagħmlu dan? Għaliex il-kanzunetta Vertigo qed tinbiegħ biss minn żewġ kumpaniji?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24674, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-kors ta' spetturi? Dawn kollha huma diġa' membri tal-Korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għal aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija, li għalqet fit-13 ta' April 2007, kien hemm 63 applikazzjoni. Kien hemm 38 applikazzjoni minn membri tal-Korp u 25 applikazzjoni minn persuni li m'humiex membri tal-Korp tal-Pulizija.

Għalliema ta' l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant biex jgħallmu biss fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Jekk ikunu għamlu l-kors tat-TEFL huwa biżżejjed biex jgħallmu f'dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li b'kollox hemm 2,251 il-għalliem li għandhom permess sabiex jgħallmu biss fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin. Barra li jtemmu l-kors tat-TEFL, għalliema prospettivi irid ikollhom mill-anqas 18-il sena, ikollhom kondotta nadifa u jkollhom jew ċertifikat f'Livell Avvanzat fl-Ingliz maħruġ minn istituzzjoni rikonoxxuta inkella kwalifika komparabbli.

Kors tat-TEFL

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jiġi organizzat kors tat-TEFL għall-għalliema prospettivi, d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tiġix infurmata? Isir xi ċċekkjar fuq kif qed jiġu organizzati u jekk min imexxi l-kors huwiex ikkwalifikat li jagħmel dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord li jissorvelja l-iskejjel ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija, ikun infurmat b'kull kors tat-TEFL għall-għalliema prospettivi. Dan il-Bord kien ħareġ sett ta' guidelines li dwarhom l-iskejjel liċenzjati huma mgħarrfa. Qabel skola tibda xi kors, tgħarraf bil-miktub l-kontenut tal-kors u min ikun sejjer imexxieħ. Barra minn hekk l-iskola konċernata tinforma l-Bord bl-ismijiet tal-parteċipanti fil-kors u tagħti l-ismijiet u d-dettalji oħra tal-kandidati kollha li jirnexxilhom itemmu l-kors b'suċċess.

Junior Lyceum/skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat li qed jieħu ħsieb jistudja l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum u fl-iskejjel tal-Knisja? Meta huwa maħsub li joħroġ ir-rapport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol qiegħed fi stadju avvanzat.

Marsa — Sports complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol huwa ppjanat li jsir fuq il-bini amministrattiv ta' l-isports fil-Marsa? Jista' jgħid ukoll jekk id-dawl artifiċjali fl-istadium Micallef St.John hux se jitjieb biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti fil-għaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Tagħlim dwar l-ikel u x-xorb

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24464, jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm-il darba saru laqgħat/seminars mill-HESC - Home Economics Seminar Centre - fuq programmi fuq is-saħħa, ikel u nutriment? Meta saru u liema skejjel kienu mistiedna f'kull każ u kemm attendew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Home Economics Seminar Centre (HESC), li jagħmel parti mid-Dipartiment tal-Kurrikulu fi ħdan id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni, jorganizza seminars u laqgħat matul is-sena skolastika kollha. Izomm dawn l-interventi edukattivi kemm fil-post li jinsab fil-kumpless ta' l-iskola Primarja ta' Birkirkara kif ukoll barra l-post, fl-iskejjel u f'ċentri edukattivi u komunitarji. Mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-20 ta' April 2007, il-HESC organizza seminars/laqgħat b'konnessjoni ma' xogħol iffokat fuq is-saħħa, l-ikel u n-nutriment fi 72 skola statali, 14 skejjel mhux statali li fihom ħadu sehem 6177 student u 929 ġenituri.

Uffiċjali tal-promozzjoni tas-saħħa — Taħditiet fl-iskejjel dwar l-ikel u x-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u f'liema skejjel saru taħditiet minn uffiċjali tal-promozzjoni tas-saħħa dwar liema ikel u xorb huwa tajjeb għall-istudenti f'din is-sena skolastika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Din is-sena skolastika bħall-snin oħrajn, saru diversi interventi fl-iskejjel dwar ikel nutrittiv skond id-domanda li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kellu mill-iskejjel. Barra minn hekk, id-Dipartiment ukoll jisħaq li ma jkoprux biss taħdidiet, iżda proġetti sħaħ biex jitwassal il-messaġġ. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa Shape Up, proġett li qed isir fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni u li jindirizza l-obesita' mill-aspetti kollha, inkluż l-aspett soċjali, kulturali u politiku. L-iskejjel li qed jieħdu sehem f'dan il-proġett mhux biss jgħallmu dwar l-ikel u xorb tajjeb għas-saħħa, iżda għażlu biex jaħdmu fuq aspetti ta' saħħa li jikkonċernaw lilhom direttament. Kull skola qed torganiżża ukoll Shape Up Week bħal kumplament tal-pajjiżi, fejn ser isiru attivitajiet ta' sports u ikel bnin li jinvolvi l-ġenituri u l-komunita' fejn tinsab l-iskola. Meta jsiru dawn l-attivitajiet, dejjem isiru ukoll taħdidiet għall-ġenituri tat-tfal minn uffiċjali tad-Dipartiment. Il-Healthy Breakfast ukoll baqa' jsir fl-iskejjel, proġett fejn it-tfal jitgħallmu kif jibdew il-ġurnata b'kolazzjon tajjeb. Hawnhekk ukoll isiru interventi għall-ġenituri, li minbarra taħdidiet, jikkonsistu wkoll minn ideat prattiċi. Taħdidiet bħall dawn isiru f'kull tip ta' skejjel, jiġifieri primarji, sekondarji u post sekondarji, u kemm f'ta' l-istat, tal-knisja u dawk indipendenti f'Malta u f'Għawdex. Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ma jżommx statistika komprensiva kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irtiraw għalliema bl-eta' f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom kienu jgħallmu fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jista' jgħid ukoll kemm se jirtiraw sa l-aħħar ta' Settembru meta tibda sena skolastika oħra? X'suġġetti kienu jgħallmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : In-numru ta' għalliema li rtiraw bl-eta' f'din is-sena skolastika (Settembru 2006 sa 18 ta' April 2007) li kienu jgħallmu fl-iskejjel : Primarji 23 Sekondarji 38 Oħrajn 6 Total 67. In-numru ta' għalliema li rtiraw bl-eta' f'din is-sena skolastika (mid-19 ta' April 2007 sa Settembru 2007) li kienu jgħallmu fl-iskejjel : Primarji 1 Sekondarji 10 Oħrajn 1 Total 12. Informat li dawn l-għalliema kienu jgħallmu bosta suġġetti.
Leg 10 PQ #25036 Sitting 518 2007-04-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri jew ħaddiema tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li għandhom is-servizz ta' mobile? Min huma dawn il-ħaddiema u xi grad għandhom? Jista' jgħid f'kull każ kemm ġew il-kontijiet tagħhom f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li għandhom is-servizz ta' mobile phone huma id-Direttur Eżekuttiv, l-erba’ Arts Executives u persuna oħra li hija responsabbli minn nies tas-sezzjoni tal-ħaddiema f’ Ħal Luqa. Il-kontijiet ta’ l-erba’ mobile phones li huma b’kuntratt huma kif ġej: Xahar Spiża globali Ottubru Lm 632.25 Novembru Lm 479.92 Dicembru Lm 258.79 Jannar Lm 457.25 Frar Lm 571.18 Marzu Lm 590.33 Il-nefqa globali ta’ żewġ mobiles li huma prepaid hija ta’ Lm105.
Leg 10 PQ #25037 Sitting 518 2007-04-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu dejn il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti minħabba li matul is-sena finanzjarja li għaddiet, jiġifieri għas-sena 2006 nefaq aktar flus milli kellu allokati fl-estimi? Jista' jgħid ukoll matul din is-sena kemm għandu flus allokati għall-attivitajiet u kemm ġew minfuqa s'issa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.