B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24811, jista' l-Ministru jgħid dawk il-persuni li m'għandhomx livell akkademiku li huwa meqjus bħala bażiku u/jew xi sengħa jew oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Mogħti l-parir mill-KXT nitlob l-Onor. Membru jkun iktar preċiż fil-Mistoqsija tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W332, filwaqt li nassigura lill-Ministru li fehem parti mill-mistoqsija oriġinali b'mod żbaljat, jista' jwieġeb dawk il-partijiet tal-mistoqsija li ma weġibx u jgħid ukoll liema huma dawk is-suġġetti kif ukoll attivitajiet edukattivi oħra minbarra d-drama, li mhux bilfors irid ikollok warrant sabiex persuna jgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
M'għandix tagħrif ieħor x'inzid mat-tweġiba diġa mogħtija għal PQ W332.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25002 u jgħid x’inhi r-raġuni li l-kors li kien qed jingħata fl-MCAST li jissejjaħ Pathways se jitwaqqaf? Kif kien jitħaddem dan il-kors u jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jidħol kors ieħor minfloku? X’alternattivi għandhom studenti li kienu qed jitħajru li jidħlu għal dan il-kors? Kemm kienu l-istudenti li attendew għal dan il-kors minn mindu beda sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-MCAST hemm studenti bi bżonnijiet speċjali li qed isegwu il-programmi ta’ l-MCAST f’diversi Istituti u f’diversi livelli.
Informat li l-kors ta’ sena
Pathway
ġie pruvat fl-MCAST għal studenti li jkollhom diffikulta' intellettwali fit-tagħlim bl-iskop li jagħti xi taħriġ li permezz tiegħu l-istudent ikun jista’ jagħmel xi xogħol. Informat li l-MCAST irrizultalu li l-
Pathway
ma kienx qed jirenxxilu jizviluppa dawk l-elementi baziċi u ta’ taħriġ b’mod li l-parteċipanti jiksbu l-ħiliet meħtieġa għal ħajja ta’ xogħol kemm jista’ jkun indipendenti. L-istudenti kienu jattendu tliet darbiet fil-ġimgħa u fl-aħħar jingħataw ċertifikat ta’ attendenza u mhux ta' kompetenza f'xi linja li jipprovdu d-diversi korsijiet fl-MCAST.
Bħalissa qed isir xogħol biex flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-MCAST u l-ETC jiġi provdut servizz ta’ taħriġ li jiffaċilità kisba ta’ ħiliet minn studenti li minħabba diffikultà fit-tagħlim ma jaslux biex jiksbu l-kwalifiki formali.
Tajjeb jiġi emfasizzat li kull istituzzjoni pubblika ta’ edukazzjoni avvanzata jew ogħla tammetti fil-kors ta’ l-għażla ta’ l-istudent kull student bi bżonn speċjali li juri li jista’ jsegwi bi frott u jikseb il-kwalifiki b’appoġġ partikolari.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25001 u jgħid min huma l-persuni li qed imexxu l-EUPU? Liema huma l-programmi ta’ l-UE li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-unit u min huma l-kordinaturi ta’ kull programm? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm membri ta’ l-istaff fil-preżent u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid matul dawn l-aħħar sentejn kemm kienu l-persuni li kienu jaħdmu ma’ dan il-unit u telqu? X’kienu r-raġunijiet għalfejn telqu dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid jekk fil-preżent jeżistix periklu li jintilfu xi fondi mill-UE minħabba nuqqas ta’ staff?
Jista’ jagħti n-numru ta’ kemm ipparteċipaw persuni fid-diversi programmi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` ta’ l-EUPU separatament mis-sena 2004 sas-sena 2006, sena b’sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru ġew pubblikati Regolamenti li jikkonvertu l-EUPU f'Aġenzija skond il-policy tal-Kummissjoni Ewropea. Bħalissa qed tiġi proċessata applikazzjoni tal-PSC biex jinħatar il-Koordinatur Nazzjonali.
Il-programmi ta’ l-UE li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-Aġenzija huma:
Integrated Lifelong Learning Programm koordinati minn zewġ Programme Managers
Youth in Action Programme koordinat minn Programm Manager
Eurodesk immexxi minn Project Officer
Euro-Med Youth Platform immexxi minn Project Officer
Fil-prezent hemm 10 persuni jaħdmu fl-EUPU u x-xogħol tagħhom hu:
3 Programme Managers
4 Projects Officers
1 Principal
1 Clerk
1 Messaggier
Matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm tmien (8) persuni li kienu jaħdmu ma’ dan il-unit u irrizenjaw biex jieħdu xogħol ma' enti oħra b'kundizzjonijiet aħjar.
Il-Ministeru dejjem jaħdem sabiex jizgura li jintuzaw il-fondi kollha allokati.
Tagħrif dwar il-parteċipazzjoni fid-diversi programmi ta' l-EUPU mis-sena 2004 sas-sena 2006, sena b'sena, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jingħata xi tip ta' rimedju lil dawk l-istudenti li fl-eżami tas-SEC tal-Business Studies li sar fis-26 ta' April, 2007 ma ndunawx li f'paġna 4 ta' l-istess karta ta' l-eżami kien hemm mistoqsija numru 7? X'kienet ir-raġuni li dawk li għamlu jew fasslu l-karta tefgħu din il-mistoqsija fl-aħħar paġna meta jidher li kien hemm biżżejjed spazju f'paġna numru 3?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dawn l-aħħar ħames snin, Paper 1 ta' dan l-eżami dejjem kien fiha 7 jew 8 mistoqsijiet u l-kandidati riedu jweġbuhom kollha.
Informat ukoll li peress li xi kandidati setgħu tqarqu minħabba l-ispazju vojt li kien hemm fl-aħħar ta' paġna 3, wara li jkunu mmarkati l-karti ser tittieħed azzjoni xierqa fl-istadju meta jkunu qed jiġu assenjati l-gradi lill-kandidati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24999 u jghid x’kienet ir-rata ta’ assenteiżmu mhux ġustifikat fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn fis-sena skolastika 2005 / 2006 u matul din is-sena skolastika? Jista’ jgħid jekk itteħditx azzjoni legali skond l-Att dwar l-Edukazzjoni kontra dawk il-ġenituri li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola? Kien hemm każi mistharrġa minn social workers? X’deċizjonijiet ittieħdu mis-social workers sabiex dawn l-abbuzi jieqfu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull xahar l-iskejjel jirrapportaw lil din is-Sezzjoni, Servizz Ħidma Soċjali fl-Iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, dawk il-ġenituri li ma jkunux bagħtu lil uliedhom l-iskola, mingħajr raġuni valida.
Informat ukoll li matul is-sena skolastika 2005-2006, l-iskola Primarja ta' Wied il-Għajn bagħtu 35 rapport ta' assenteiżmu. Minn dawn din is-Sezzjoni ħadet azzjoni legali skond l-Att ta' l-Edukazzjoni, fi 23 każ. Matul is-sena skolastika 2006-2007, kien hemm 2 rapporti ta' assenteiżmu mill-iskola u minnhim ħadd ma ttella l-qorti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24998 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għaliex matul il-lejl m’hemm l-ebda dawl mal-barriers li saru biex jagħlqu parti mir-runway f’ Ta’Qali u li b’hekk huma ta’periklu għal min ma jafx bihom? Jista’ jara li din il-ħaġa tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u ċioe' lill-Ministru għall-affarijiet Rurali u Ambjent.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25008 u jikkonsidra li ċekkijiet ta’ rifużjoni mill-income tax dwar studenti li jattendu skejjel privati u li normalmaent jinħarġu fuq il-missier jibdew joħorġu kemm fuq il-missier kif ukoll fuq l-omm ħalli jkunu jistgħu jissarfu minn xi ħadd minnhom u mhux bilfors mill-missier biss u dan speċjalment fejn iż-żewġ persuni jkunu qed jaħdmu u allura jħallsu t-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Artikolu 49 (1) – Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) jagħmilha ċara li “l-income ta’ koppja miżżewġa, meta ż-żewġ konjuġi jkunu jgħixu flimkien, għandu jkun ikkuntjat f'isem il-konjuġi responsabbli hekk magħżul jew magħżula mill-konjuġi nfushom.” Artikolu 48 (1) – Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa jgħid – “… … … … .. dik il-persuna, (kif deskritta hawn fuq) ikollha l-jedd li l-Kummissarju jirrifondilha l-ammont hekk imħallas b’eċċess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li xi partijiet jew aktar mill-Forti Sant'Iermu jgħaddu għand il-privat? Jekk iva, lil min u x'inhu l-iskop wara dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha quddiema l-ebda talba sabiex partijiet minn Sant'Iermu jgħaddu għand il-privat.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-Forti Sant'Iermu? Hemm il-ħsieb li jkun involut is-settur privat fil-pjani li l-gvern għandu? Jekk iva, min huma dawk li se jkunu nvoluti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Forti Sant'Iermu huwa wieħed mill-proġetti li l-Gvern ħejja pjan ta' azzjoni mhux biss għall-Fort Sant'Iermu iżda kif ukoll għall-inħawi tal-madwar. Il-gvern studja l-possibilitajiet tal-Brief li għandu jiġi rivedut u qed jara l-kumpless bħala sistema waħda minn strateġija integrata għall-arja tal-port kollu.
Minħabba li jidher li din it-triq hija waħda mit-toroq li hija ndikata li ser issir, jista' l-Ministru ġentilment igħid meta huwa maħsub li Triq il-Buttuniera ġewwa Wied il-Għajn jsir ix-xogħol tant meħtieġ fiha minħabba l-inkonvenjent li qed igħaddu minnu r-residenti tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jgħid min kienu l-uffiċjali kollha maħtura mill-gvern sabiex iservu fuq il-kumitat tas-SEA audit fl-2006 fl-eżerċizzju li l-gvern sejjaħ rationalisation of development boundaries? Minn meta ġie maħtur kull membru u sakemm żammew il-kariga u fuq liema kriterji ġew maħtura? Min kien jew min kienet l-uffiċjal tas-SEA audit teamli qatagħha li m'hemmx ħtieġa ta' environment impact assessment f'dan l-eżerċizzju ta' żoni ġodda ta' żvilupp, ċioe' r-rationalisation of development boundaries?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tas-SEA Audit Team maħtura bis-saħħa ta’ l-Iskeda Sitta ta’ l-Avviż Legali Numru 418 ta’ 2005 bl-isem Regolamenti ta’ l-2005 dwar Stima Ambjentali Strateġika kienu Dr Ing. Christopher Ciantar bħala Chairman fil-kapacità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku u l-Av. Simone Borg u s-Sur Jacques Sciberras bħala membri fil-kapacità tagħhom ta’ avukat u soċjo-ekonomista rispettivament. Il-membri ġew appuntati mill-Kabinet nhar is-27 ta’ Ġunju 2006. Il-membri għadhom iservu sal-lum ħlief l-Av. Simone Borg li rriżenjat mill-Bord xi ġimgħat ilu minħabba raġunijiet personali.
Id-deċiżjoni li ż-żoni ta’ żvilupp ma għandhomx jiġu suġġetti għal Stima Ambjentali Strateġika ħadha l-Audit Team skond id-deċiżjoni li ġiet ikkomunikata fil-pubbliku s-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-option ta' l-Għarbi mhux qed tingħata fil-Junior Lyceum Dun Ġużepp Zammit Brighella tal-Hamrun meta kien hemm tlett studenti li għażlu l-Għarbi mill-form 2 għall-form 3 u dan meta fi skejjel oħra anke għal numru inqas ta' studenti jkun hemm għalliem/a disponibbli għax imorru f'dawn l-iskejjel rispettivi? Jista' jgħid ukoll għaliex f'din l-istess skola meta kien hemm promotionfis-suġġetti li jistgħu jiġu magħżula, il-lingwa Għarbija ma ġietx mogħtija l-istess trattament ta' suġġetti oħrajn minkejja li kien hemm min offra li jagħmel dan, u dan fi żmien fejn qed naraw li għandna nuqqas ta' persuni kapaċi fil-lingwa Għarbija meta pajjiżna għandu kuntatti ma' numru ta' pajjiżi Għarab?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta jkun il-każ illi numru żgħir biss ta' studenti jagħżlu suġġett partikolari, l-istudenti jintalbu jagħżlu suġġett ieħor mill-lista ta' opzjonijiet. Kien hemm żewġ studenti biss li għażlu l-Għarbi fil-Liċeo konċernat u dawn ntalbu jagħżlu suġġett ieħor.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25005, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa r-rendikont tal-pagi mogħti lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għas-snin 2005 u 2006 separatament? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx terminu ta' żmien għal dan il-ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont li tħallas mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni skond il-ftehim għas-sena 2005 kien ta' Lm373,707.00 u għas-sena 2006 kien ta' Lm386,566.94. Informat li skond Klawżola 8 tal-ftehim bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Eden Foundation il-ftehim jibqa' fis-seħħ sakemm wieħed mill-partijiet jinforma bil-miktub tlett xhur bil-quddiem li l-ftehim ġie terminat.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ilmenti minn ġenituri
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni rċevitx xi lmenti minn ġenituri dwar għalliema li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti f'din is-sena skolastika? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji relevanti dwar x'kienu l-każi? X'passi ttieħdu jekk l-ilment ġie ppruvat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sezzjoni mhux statali rċeviet ilment wieħed bil-miktub minn għand iċ-Child Safety Service. Uffiċjali tad-Dipartiment talbu rapport mill-kap ta' l-iskola u l-għalliema u dawn ir-rapporti għaddew għand iċ-Child Safety Services.
Jista' l-Ministru bħala Ministru responsabbli mill-isport jipproponi biex jitnaqqas is-surcharge fuq attivitajiet sportivi u dan biex ikompli jinkoraġixxi liż-żgħażagħ tagħna jieħu sehem fl-isport fil-għaxijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Meta jkun il-waqt ngħarraf lill-Kamra u l-pubbliku bi proposti ta' policy jew miżuri li jolqtu d-dekasteru tiegħi.
Tista' l-Ministru tgħid matul l-ewwel erba' xhur tas-sena x'kien in-nurmu ta' nies li talbu l-għajnuna minħabba t-teħid tad-droga mid-Detox? Tista' tagħti l-figuri bejn Jannar u April xahar b'xahar imqassma f'irġiel u nisa? Kemm minn dawn talbu l-għajnuna l-ewwel darba? Kemm kien l-iżgħar u kemm l-akbar klijent?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid min-numru totali ta' dawk li marru jfittxu l-għajnuna mid-Detox kemm kienu barranin u kemm kienu nisa u rġiel? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Tista' tgħid kemm kien l-iżgħar u kemm l-akbar wieħed?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' residenti li hemm illum fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom qed jiskontaw sentenza? Mit-total kemm huma dipendenti fuq id-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-6 ta' Mejju 2007 fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien hemm 387 priġunier. Hemm 283 li qegħdin jiskontaw sentenza.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ma nħossx li għandha tingħata informazzjoni fuq materja li tirrigwarda s-saħħa tal-priġunieri.