Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma r-refuġjati li fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, ingħataw status uffiċjali ta' refuġjati u ġew aċċettati minn pajjiżi oħra? Jista' jgħid liema kienu l-pajjiżi u kemm ġew aċċettati sal-15 Mejju, 2007?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-aħħar ħames snin ingħataw status ta' Refuġjat lil 186 persuni, li sena b'sena kienu hekk:
2002 - 22 persuni
2003 - 53 persuni
2004 - 49 persuni
2005 - 34 persuni
2006 - 28 persuni
Ninsab infurmat ukoll illi l-pajjiżi indikati hawn taħt aċċettaw refuġjati minn Malta kif ġej:
L-Olanda - 19/20 ta' Diċembru 2005
Refuġjati 20 persuna
Protezzjoni Umanitarja 16-il persuna
Il-Ġermanja - 6 ta' Ġunju 2006
Refuġjati 9 persuni
Protezzjoni Umanitarja 11-il persuna
L-iStati Uniti ta' l-Amerka - 24 ta' Jannar 2007
Protezzjoni Umanitarja 23 persuna
Il-Litwanja - 30 ta' Jannar 2007
Applikanti għall-Asil 6 persuni
L-Irlanda - 14 ta' Frar 2007
Refuġjati 10 persuni
B'kollox ġew aċċettati total ta' 95 persuna li minnhom 39 persuna kellhom status ta' Refuġjat f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu skejjel ta' l-Istat f'pajjiżna? F'liema skejjel qed jattendu? Hemm xi tfal li qed jattendu skejjel tal-knisja? Jekk fl-affermattiv, kemm huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 77 tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu fl-iskejjel ta' l-Istat u 4 f'dawk tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar xi proposta jew oħra li kienet saret fir-rapport fuq il-MATSEC? Jekk iva, liema kienu u meta huwa maħsub li jibda jseħħ it-tibdil?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa qed isir xogħol biex jissaħħu l-istrutturi tal-MATSEC bl-iskop li jkunu jistgħu jitwettqu Rakkomandazzjonijiet oħra li hemm fir Rapport imsemmi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jseħħ inċident serju tat-traffiku hijiex regola li s-sewwieqa nvoluti jiġu eżaminati awtomatikament għall-possibilita' li kienu taħt l-effetti ta' droga u/jew alkoħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala proċedura, meta jseħħ inċident serju tat-traffiku u l-Pulizija jkollha suspett raġonevoli li xi sewwieq jew sewwieqa jkunu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol jew droga, isiru t-testijiet kif previst fl-artikoli 15 A sa 15 I ta' l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65).
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li għandhom xogħol part-time barra x-xogħol prinċipali tagħhom? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 19,608 persuni li kellhom xoghol part-time barra x-xoghol prinċipali taghhom. Minn dawn 14,291 kienu irġiel u 5,317 kienu nisa. Kien hemm 3,195 persuna taħt il-25 sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fil-livell primarju skond is-sena li qed jgħallmu fiha skola, skola? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji u jagħti din l-informazzjoni skond is-suġġetti li qed jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :
Sena Primarja
1 128
2 135
3 137
4 143
5 151
6 150
7 18
Nru. ta' għalliema: 862
Fil-livell sekondarju statali hemm 2,015 għalliema għad-diversi suġġetti, filwaqt li fil-livell post-sekondarju hemm 97 għalliema.
Giovanni Curmi Higher Secondary — Apparat tal-laboratorji
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintbagħat l-apparat tal-laboratorji tal-Bioloġija fiż-żewġ laboratorji li jinsabu fil-parti l-ġdida ta' Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar? Jista' jgħid ukoll meta ħarġet it-tender? Meta huwa maħsub li l-apparat ikun f'postu u jibda jintuża mill-istudenti u l-għalliema tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qed issir verifika ta' l-ispecifications ta' l-apparat konċernat bl-iskop li jsiru l-proċeduri meħtieġa ħalli l-laboratorji jkunu funzjonabbli fis-sena skolastika li jmiss.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm familji li qegħdin jiġu megħjuna mis-Servizz tal-Home Start li twaqqaf fl-2005 mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-familji? Hemm xi familji li qegħdin jistennew li jingħataw dan is-servizz importanti? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-familji? Tista' wkoll tgħid kemm kien hemm żgħażagħ li m'għadhomx jgħixu f'xi dar residenzjali jew kienu fostered u bbenefikaw mill-proġett Head Start li kien ukoll twaqqaf fis-sena 2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-servizz tal-HomeStart, li twaqqaf f’April 2006, qed jibbenefikaw minnhu 7 familji u hemm 2 familji oħra li qed jiġu mlaqqa’ mal-volontieri. Is-servizz lil dawn ta’ l-aħħar mistenni jibda f’qasir żmien.
Il-familji li qed jirċievu s-servizz ġejjin mill-catchment area tal-proġett, jiġifieri mill-Fgura, l-Kottonera, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Ninsab infurmata li m’hemm ħadd minn din il-catchment area fuq il-waiting list.
Ninsab infurmata wkoll li n-numru ta’ żgħażagħ li bbenefikaw mill-proġett HeadStart kien ta’ 15.
Billi kważi d-dipartimenti kollha tal-gvern għandhom Quality Service Charter, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Fondazzjoni għas-Sservizzi ta' Ħarsien Soċjali għandhiex Quality Service Charter? Jekk le, għaliex u meta se jkollha l-Fondazzjoni dan il-Quality Service Charter?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għad m’għandiex Quality Service Charter.
Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, f’dawn l-aħħar snin, din il-Fondazzjoni ħadet responsabbiltajiet ġodda u għaddiet minn fażi ta’ ristrutturar u għalhekk ma kienx iż-żmien idoneju li tibda proġett biex ikollha
Quality Service Charter
.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, il-Fondazzjoni bdiet tieħu passi biex tidentifika dawk is-servizzi li ser ikunu ta’ l-ewwel biex ikunu koperti minn
Quality Service Charter
li mistenni jiddaħħal is-sena d-dieħla.
Minħabba li jidher li din it-triq hija waħda mit-toroq li hija ndikata li ser issir, jista' l-Ministru ġentilment igħid meta huwa maħsub li Triq il-Buttuniera ġewwa Wied il-Għajn jsir ix-xogħol tant meħtieġ fiha minħabba l-inkonvenjent li qed igħaddu minnu r-residenti tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser jibni mill-ġdid din it-triq kif ġie ppublikat fil-fuljett sa l-2008. L-ADT qed joħroġ batches ta’ spiss u bħalissa qed isiru 4 toroq ġewwa Marsascala.
Dawn it-toroq ser jitkomplew skond il-prijoritajiet li hemm fil-programm tax-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25197 u jgħid liema xogħol huwa ppjanat li jsir fuq il-bini amministrattiv ta' l-isports fil-Marsa? Jista' jgħid ukoll jekk id-dawl artifiċjali fl-istadium Micallef St.John hux se jitjieb biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti fil-għaxija?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 25828.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li fil-preżent m'għandhomx Kap ta' Skola? Kemm hemm skejjel li fil-preżent huma mmexxija minn Acting Head of School u liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 11 il-Aġent kap qed imexxu l-iskejjel Primarji ta' B'Kara, Baħrija, Mqabba, Naxxar, Paola 'A', Rabat 'B', Tarxien, Għarb, San Lawrenz, Xagħra u Żebbuġ (Għawdex), u hemm 5 Aġent kap li jmexxu l-iskejjel Sekondarji ta' Fortini BSS, Zebbug BSS, Ħandaq BJL, Verdala BJL u Corradino BJL.
Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap? Jista' jelenka liema skejjel għandhom xi Assistent Kap nieqes?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji hemm 8 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Mellieħa, Mġarr, Zejtun 'B', Gzira, Dingli, Paola 'A', Sta. Venera u Victoria.
Informat ukoll li fl-iskejjel Sekondarji hemm 4 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Corradino BJL, Verdala BJL, Giovanni Curmi HSS u Sir M'Ang Refalo Post-Sekondarja.
Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.
Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Kulleġġ San Benedittu u fhiex se jkun jikkonsisti x-xogħol li huwa maħsub li jsir? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jqum u meta huwa ppjanat li jkun lest?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-Kumpless Sportiv ta' ħdejn il-Kulleġġ San Benedittu diġa' beda wara proċess ta' tender pubbliku fejn intgħazel bħala kuntrattur Elbros Ltd u x-xogħol hu stmat Lm 550,000.
Informat ukoll li qed tiġi proċessata t-tender għas-saqaf bi struttura tal-ħadid bi stima ta' Lm180,000. Ikun jonqos it-tender tal-finishing u l-mekkanika elettrika li qed tiġi maħduma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġibdu films/dokumentarji/reklami f'Malta billi ntużaw il-faċilitajiet tal-films li jipprovdi pajjiżna u dan fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Liema kienu u kemm hu stmat li ntefqu flus f'kull wieħed?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies reġistrati ma' l-ETC li llum ix-xogħol prinċipali tagħhom huwa part-time? Kemm hemm nisa u kemm irġiel? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 9,821 irġiel u 14,728 nisa reġistrati ma' l-ETC bħala persuni li x-xogħol prinċipali tagħhom kien part-time u li 7,250 minnhom kienu taħt il-25 sena.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Marsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal din is-sena ser jitkompla x-xogħol ta' kisi u tibjid fuq il-Car Park. Id-dawl artifiċjali fl-istadium Matthew Micallef St. John ġie upgraded mill-Kunsill Malti għall-iSport u jista' jospita avvenimenti filgħaxija, kif fil-fatt diġa' qed jintuza.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24996 u 24463, u jgħid kemm matul din is-sena skolastika saru spezzjonijiet fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti minn uffiċjali tad-dipartiment sabiex jiżguraw li m’hemmx ikel u xorb li jista’ jkun ħażin għas-saħħa ta' l-istudenti minħabba li skond it-tweġiba ntqal li ma sarux rapporti dwar dan? Dan ifisser li d-diviżjoni timxi biss fuq rapporti?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-ħidma msemmija fil-Mistoqsija hija parti mix-xogħol tal-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' l-iskola.