B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25193, jista' l-Ministru jgħid jekk Ryanair issa ħallistx MT tax lill-Avjazzjoni Ċivili? Kemm tħallas u sakemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kumpanija Ryanair bagħtet il-pagament tagħha tad-departure tax fis-26 t'April 2007. L-ammont kien ta' Lm176,080 u kien ikopri il-perjodu minn Ottubru 2006 sa Marzu 2007.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fil-kapaċita' tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi jistax jaċċetta u jibdel flus antiki ngħidu aħna tat-tielet serje u li għadda ż-żmien li jistgħu jissarfu għax għaddew l-għaxar snin minħabba li jidher li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dan ma jistax jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta karti tal-flus ma jibqgħux valuta legali skond is-subartikolu (4) ta’ l-artikolu 42 ta’ l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta, u għalhekk ma jibqgħux jiġu nklużi fil-passiv kurrenti tal-Bank skond is-subartikolu (6) ta’ l-istess artikolu 42, ma jkunux jistgħu jiġu mifdija. Dan jidher li hu l-każ tal-karti tal-flus imsemmija fil-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant u għaldaqstant skond il-liġi il-Ministru tal-Finanzi ma jistax jawtorizza l-bdil ta’ dawn il-karti.
Issa li dalwaqt jibdew il-vaganzi tas-sajf fl-iskejjel statali jista' l-Ministru jelenka x-xogħlijiet li hemm ippjanata fid-diversi skejjel? Dawn kollha se jinħarġu offerti għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol fl-iskejjel hu kontinwu u jsir skond il-proċeduri finanzjarji tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xogħlijiet ta' bini u/jew estensjonijiet ta' skejjel? Liema huma dawn l-iskejjel? Meta saret kull applikazzjoni u għal liema xogtħol eżattament saret?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorita' għandha quddiemha 35 applikazzjoni pendenti għal xogħlijiet ta' bini u/jew estensjonijiet ta' skejjel. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji li talab l-Onorevoli Interpellant.
Niġbed l-attenzzjoni li din l-informazzjoni inġabret billi saret tfittxija fis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità għall-applikazzjonijet pendenti li fil-proposta tagħhom teżisti xi waħda minn dawn ll-kliem: s
chool, skola, skejjel
jew
classroom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li huma gradwati fil-liġi? Jista' jgħid x'rank għandhom? Hemm membri oħra tal-Korp li bħalissa qed jattendu kors simili fl-Universita' ta' Malta? Hemm xi pulizija li qed jattendu korsijiet li ma jwasslux għal gradwazzjoni bħala avukat jew prokuratur legali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tliet Supretendenti, tliet Spetturi u ħames Surġenti fil-Korp tal-Pulizija li huma gradwati b'dottorat fil-liġi. Infurmat ukoll illi m'hemmx membri tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa qed jattendu kors simili fl-Universita' ta' Malta, filwaqt li hemm xi membri oħra tal-Korp li qed jattendu courses oħra fuq bażi personali part time.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' studenti li spiċċaw l-istudji tagħhom fil-Form 5 fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisa u dawk indipendneti? Kemm huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li hu kalkulat li ser jispiċċaw din is-sena fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hu:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1681 1754 3435
Skejjel tal-Knisja 814 712 1562
Skejjel Indipendenti 258 243 501
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li għandhom persuni li qed jagħmlu xogħol ta' security guards jew inkella xogħol li jkunu mal-bieb jew mal-gate ta' barra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull skola l-impjegati fil-kategorija tal-minor staff jagħmlu xogħol ta' supervizjoni mal-bieb jew mal-gate ta' barra f'ħinijiet differenti skond il-bzonn kif jidderieġu l-Kapijiet ta' l-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ewwel ġebla tal-kumpless sportiv li se jinbena f'Ħal Kirkop inqalgħet proprju ftit jiem wara ċ-ċerimonja tat-tqegħid u tat-tberik? Jista' jgħid ukoll għalfejn inqala' l-passaġġ li kien għadu kif sar u li kien iwassal għall-istess ġebla li ġiet maqlugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li ma’ nqalgħet l-ebda ġebla jew passaġġ fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-eżami avvanzat tal-Chemistry f'paper 2 li sar ftit tal-jiem ilu, il-periodic chart l-ewwel tqassmet u wara reġa' ttieħed l-istess booklet fejn bis-saħħa t'hekk naqset l-għażla ta' l-istudenti għax mistoqsija minnhom tinħadem biha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ezami ta' Paper II tal-Chemistry fil-livell avvanzat li sar fid-9 ta' Mejju 2007 l-ebda mistoqsija ma kienet titlob lill-kandidati juru x'jafu dwar il-Periodic Table. Kull informazzjoni li kellhom bzonn biex jinħadmu l-mistoqsijiet kienet inkluza fil-karta ta' l-ezami. Għalhekk l-kandidati la kellhom bzonn kopja tal-Periodic Table u lanqas ma kienu zvantaġġjati fil-għazla tal-mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-koordinatur rispettiv tagħhom? Jista' jgħid ukoll kull kulleġġ x'riżorsi għandhom bħal ngħidu aħna counsellors, social workers, youth workers, psikologi etc? X'riżorsi oħra hemm speċjalment fl-uffiċċju tal-koordinatur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn 10 Kulleġġi, f’din it-tieni fażi ta’ proġett pilota hemm 7 li qegħdin jiffunzjonaw. Lista tal-Kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-kooridinatur rispettiv tagħhom ser titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. L-evoluzzjoni ta’ skejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi qed isir mingħajr skossi u l-karatteristiċi u r-riżorsi qed jiġu ntroddotti b’galbu u għaqal li jagħmel il-ġid lill-istudent mingħajr ma jiddisturba r-ritmu sod ta’ l-iskola. F’dan il-mument is-servizz psiko-soċjali għadhom ċentralizzati. ‘L quddiem hemm il-ħsieb li kull Kulleġġ ikollu tim multidixxiplinarju biex nagħqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Kulleġġi. Kull Koordinatur għandu appoġġ klerikali u qegħdin ukoll nimplimentaw fuq proġett pilota r-rwol ta’ Precincts Officer. Fix-xhur li ġejjin se joħorgu l-applikazzjonijiet għall-Principali, College Administrators u College Precincts Officers u diversi rwoli oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti, inklużi youth workers.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm tfal f'kull klassi fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux il-kaz li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari 25963, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji f'Malta u f'Għawdex skola skola? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra din l-informazzjoni? Jista' jgħid ukoll jekk id-Diviżjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema u dan skond is-suġġett li qed jgħallmu? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie ppubblikat l-aħħar direttorju kulturali? Jista' ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illli skond ir-records li għandu l-Kunsill Malti ghall-Kultura u l-Arti l-aħħar direttorju kulturali ġie ppublikat f’Ottubru 1999.
Il-Kunsill Malti ghall-Kultura u l-Arti qiegħed fil-proċess li joħroġ direttorju kulturali ġdid ta’ l-artisti kollha ta’ kwalunkwe ġenere ta’ l-arti. Dan ser ikun imqassam f’ġeneri ta’ l-arti. Fil-verżjoni
on-line
ser ikun possibbli li jsiru
links
ma' kwalunkwe organizzazzjoni li tkun tixtieq tagħmel dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru testijiet bil-breathalyser mill-1 ta' Jannar 2007 sal-15 ta' Mejju 2007? Kemm irriżultaw pożittivi? Kemm mis-sewwieqa kienu taħt il-21 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Mejju 2007, kien hemm 56 sewwieqa ta' vetturi, 5 minnhom taħt il-21 sena, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn, 38 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 18 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Dawn is-56 testijiet ma jinkludux il-ħafna testijiet preliminari li kienu negattivi u li ma tinżammx statistika dwarhom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25749, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li nfurmaw lill-Bord li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija fl-ewwel erba' xhur tas-sena? Kemm saru korsijiet fl-istess żmien u kemm kien hemm studenti f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn is-sitt skejjel li jgħallmu l-Ingliz bħala lingwa barranija, fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2007, infurmaw li saru korsijiet tat-TEFL għall-għalliema prospettivi: Bell International (Malta) Centre; European Centre (Malta); EF International School of English; Inlingua School of Languages; Institute of English Language Studies u Skylark - Mediterrenean School of English. Saru sitt korsijiet li fihom kien hemm 167 student.
Informat ukoll li b'kollox bejn l-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' April 2007, 167 student attendew għal dawn is-sitt korsijiet.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 25744 u 24803 u jagħti dettalji dwar l-assenteiżmu fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi primarji u sekondarji? Jista' jagħti wkoll informazzjoni f'liema skejjel kien hemm persentaġġ għoli ta' assenteiżmu? X'passi konkreti qed jittieħdu fil-konfront ta' studenti li qed ikunu assenti b'mod regolari?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25745 u 24672 u jgħid min huwa responsabbli minn din it-triq imsemmija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ewwel parti cioe’ Triq l-Isqof Buhagiar hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali filwaqt li l-parti ta’ ġewwa hija responsabilita’ tal-Malta Industrial Parks.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' f'kull Adult Training Centre separatament? Kemm hemm applikazzjonijiet ta' persuni mill-iskejjel speċjali sabiex persuni b'diżabilita' jibdew jattendu f'xi wieħed minn dawn iċ-ċentri? Kemm hemm ukoll applikazzjonijiet li ġejjin minn persuni b'diżabilita' li joqogħdu d-dar u allura ma jattendu fl-ebda skola speċjali? Kemm hemm postijiet fl-ATC's għall-persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll n-numru ta’ applikazzjonijiet biex jattendu ċ-Ċentri minn persuni fi skejjel speċjali u minn persuni li ma jattendu ebda skola hu 25 u 54 rispettivament.
Preżentement hemm 3 postijiet vakanti fiċ-Ċentri li mistennija jiġu mimlija f’qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-programm li kien sar fuq il-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel sekondarji li għalihom kien hemm fondi ġejjin mill-ERDF? Jista' jgħid ukoll jekk tlestiex l-audit tal-laboratorji f'Diċembru 2006 u Jannar 2007? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm tal-fondi Ewropej 2007-2013 li jista' jkopri l-laboratorji għad iridu jsiru s-sottomessjonijiet tal-proposti la darba toħroġ is-sejħa. Bi preparazzjoni għat-tfassil tal-proġett imsemmi sar Gap Analyse mid-Dipartiment tal-Kurrikulu, liema eżerċizzju hu intern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn refuġjati f'Malta bħalissa mqassmin f'irġiel u nisa? Kemm minnhom huma taħt is-16-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar ta' l-2002 sa llum, in-numru ta' immigranti li ngħataw status ta' refuġjat huwa ta' 192. Minn dawn 93 huma rġiel, 49 nisa u 50 tfal taħt it-tmintax-il sena.