Tista' ġentilment l-Ministru tara jekk hux possibbli li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tingħata post alternattiv minħabba li ilhom li applikaw bosta snin u qed igħixu f'post mhux ideali għall-familja tagħha?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25766, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni u fatti konkreti dwar kif il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed titwettaq f'kull ħidma tal-gvern fid-diversi oqsma?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inzid mat-tweġiba oroġinali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux qed jinvestiga dak li qed jiġi allegat fil-gazzetta The Sunday Independent bid-data 27 ta' Mejju li hemm korruzzjoni sħiħa fil-football nurseries inkluż ħlas ta' somma flus lill- coaches biex players żgħażagħ jilgħabu fit-team, issir vjolenza fiżika u anke xiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li billi l-artikolu msemmi fih diversi assunzjonijiet ġeneriċi, il-Pulizija ma hijiex f'pożizzjoni li tibda investigazzjoni fuq dak li hemm.
Tista' l-Ministru titlob lill-Kummissarju tat-Tfal biex tinvestiga dak li ġie allegat dwar każijiet serji ta' abbuż fiżiku u morali fuq it-tfal fil-Football Nurseries kif rrappurtat fis-Sunday Independent tas-27 ta' Mejju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Kummissarju għat-Tfal biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li rrefera għalihom fil-Mistoqsija.
Bħala Ministru responsabbli mill-isport jista' jinvestiga dak li The Sunday Independent tal-Ħadd, 27 ta' Mejju, allegat dwar abbużi fuq it-tfal fil-football nurseries? Jista' jgħid kemm hemm coaches f'dawn in-nurseries li b'xi mod huma mpjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma għandiex informazzjoni dwar għalliema li huma wkoll coaches ta' football nurseries. Pero' tlabt li d-Diviżjoni taħdem mal-Kunsill Malti għall-Sport dwar l-allegazzjoni msemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif qed titħaddem l-visa għall-istudenti u jekk hemmx xi problemi f'dan is-sens? Kemm ingħataw visas ta' l-istudenti minn meta daħlet fis-seħħ din il-visa sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
L-istudenti li japplikaw għal visa għal Malta sabiex jiġu jistudjaw qed jingħataw visa valida sakemm idum il-kors li jkunu qed isegwu. Huma qed jiġu mgħarrfa li għandhom jirraportaw l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Immigrazzjoni kull tlett xhur. Ma jirriżultaliex li hemm xi problemi fis-sistema tal-ħruġ ta' din il-visa.
Ninsab infurmat illi minn meta bdiet din is-sistema sal-15 ta' Mejju 2007 inħarġu 864 visa għall-istudenti.
Nirreferi wkoll għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 24468 u Nru 25951.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel se jsiru u/jew qed isiru xogħlijiet matul dan is-sajf mill-FTS? X'tip ta' xogħol qed isir f'kull skola skond il-każ u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol fl-iskejjel hu kontinwu u jsir skond il-bzonn fir-rispett tar-regolamenti finanzjarji.
Jista' l-Ministru jgħid l-iskema ta' self ma' l-APS Bank mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum kemm flus tħallsu lura lill-istess bank? Kemm huwa l-ammont li ġie konvertit f'loan? Kemm ġew meħuda flus s'issa mill-istess ftehim sabiex jintużaw għal xogħlijiet meħtieġa fl-iskejjel minn meta dan il-ftehim daħal għall-ewwel darba s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-2006 l-hawn tħallsu Lm1,055,129.84 f‘loan repayments’. Fl-2007 l-ammont li ġie konvertit f’loan kien ta’ Lm2,502,606.00. Mill bidu ta’ l-‘agreement’ ma l-APS b’kollox ġew ikkonvertiti Lm10,198,647.00 f’loans. Kien hemm ukoll bilanċ ta’ Lm605,579.33 fl-‘overdraft’ sal-31/03/07.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24364 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura dwar isem ta' triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Haz-Zabbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi isem għat-triq ġdida fi Triq Ħadd in-Nies jew fi Triq Villa Abate ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fit-23 ta' Marzu, 2007 permezz ta' Avviż Nru. 276 f'paġna 3268. Din it-triq issemmiet kif ġej:
Triq Dun Ġwann Debono
Qassis Qalbieni tat-Tieni Gwerra
1912 - 1971
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25023 li saret oriġinarjament lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslu l-konsiderazzjonijiet tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Att dwar l-Isports Kapitolu 455 l-għotja ta' proprjeta' lill-Assoċjazzjonijiet Sportivi taqa' fir-responsabbilita' tal-Kunsill Malti għall-Isport, liema Kunsill qiegħed jiġi avżat li l-post fejn l-istess għaqda trid tibni l-premises tagħha huwa proprjeta' tal-Gvern.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25761 dwar it-tneħħija tas-surcharge jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hux għaddejjin bi proposti ta' policy jew miżuri f'dan is-sens?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti tat-tieni sena tal-B.Com ġewwa l-Universita' ta' Malta qed jintalbu biex jiktbu isimhom u n-numru tal-karta ta' l-identita' fuq il-karta ta' l-eżami u mhux biss l-index number kif suppost isir? X'inhu l-iskop għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema ta' "blind marking" għadha tintuża. Il-parti fejn l-istudent jikteb ismu u n-numru tal-karta ta' l-identita' tinqata' u tinżamm mill-amministrazzjoni wara li tingħata numru li jitniżżel ukoll fuq il-manuskrit li jgħaddi għand l-eżaminaturi. Din is-sistema tintuża fil-Fakultajiet kollha għall-istudenti kollha u mhux tal-B.Comm biss.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija qed jagħtu ċitazzjonijiet lill-impjegati li jaħdmu l-HSBC biss u li jkunu pparkjati fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, normalment fil-parti ċentrali ta' l-imsemmija triq? X'inhi r-raġuni li aktar 'il fuq fejn ikun hemm karozzi pparkjati ħafna u ħafna agħar u fi triq li tidjieq mhux jintgħataw ċitazzjonijiet, fosthom vetturi mhux liċenzjati? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni wkoll li meta kien hemm rapporti fejn anke ngħataw numri ta' vetturi, meta l-pulizija marru fuq il-post minflok għamlu kif għamlu fil-konfront ta' mpjegati tal-bank daħlu ġewwa u talbuhom isuqu l-karozzi ħalli ma jagħtuhomx ċitazzjoni? Jaħsibx li din hija diskriminazzjoni għax kien hemm xi ħadd li għamel rapport u meta persuni oħra għamlu rapporti simili dawn ġew trattati b'mod differenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tat-Taqsima tat-Traffiku li jagħmlu ronda fl-inħawi msemmija jirrapurtaw kull ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinnotaw, bla ebda distinzjoni. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant joġgħbu jagħtini aktar tagħrif dettaljat dwar dan l-ilment, inkun nista' nitlob għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola primarja ta' Hal Kirkop matul din il-ġimgħa li bdiet fl-21 ta' Mejju kien hemm numru ta' tfal li ġew mibgħuta lura lejn id-dar? Jikkonferma li dan sar minħabba li kien hemm numru ta' għalliema li ma kenux preżenti l-iskola minħabba mard u ma nstabux għalliema temporanji oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-21 ta' Mejju 2007, fl-iskola Primarja ta' Ħal Kirkop, ma kienx hemm biżżejjed Kindergarten Assistants minħabba mard. Dakinhar ma kienx hemm biżżejjed assistenti temporanji biex imorru Ħal Kirkop. Għal din ir-raġuni numru ta' tfal tal-Kindergarten kellhom jintbagħtu lura d-dar. Dan ġara fit-21 ta' Mejju biss. L-għada daħlet kindergarten assistant mis-sick leave u t-tfal ġew moqdija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema temporanji u x'suġġetti qed igħallmu? Jista' jgħid jekk dawn jistgħux isiru għalliema permananti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm għalliem wieħed fl-iSkejjel Primarji u ħames għalliema fi Skejjel Sekondarji li jgħallmu Ġografija, Arti, European Studies, Reliġjon u Franċis.
Informat ukoll li dawn l-għalliema jistgħu jsiru permanenti billi jsegwu kors ta' Pedagogija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19113, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-proġett tal-Bieb il-Belt u tat-Teatru Rjal?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 19113.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18246 li saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi talba kemm mill-Ministeru jew mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex il-bini ta' l-isptar Sir Paul Boffa jiġi skedat? Jekk le, hemm xi ħsieb biex dan isir?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma saret l-ebda talba sabiex l-isptar Sir Paul Boffa jiġi skedat. M'hiniex infurmat jekk il-Gvern għandux il-ħsieb biex dan isir.