Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25716 u jgħid xi ftehim jew kuntratt hemm bejn Where's Everybody ( u kumpanniji sussidjarji jew assoċjati) u l-Maltasong Board, dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-music video, ic-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo? Jista' jippreżenta kopja tal-kuntratti kollha li saru bejn iż-żewġ naħat? Kemm intalbu jħallsu l-kumpannija Where's Everybody għad-drittijiet tal-kanzunetta Vertigo, li skond il-liġi huma proprjeta' tal-Maltasong Board biex ikunu jistgħu jużawha fil-programmi tagħhom? Jista' jgħid għaliex kumpaniji u ħwienet li talbu li jbiegħu c-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo ma ngħatawx permess mill-Where's Everybody biex jagħmlu dan? Għaliex il-kanzunetta Vertigo qed tinbiegħ biss minn żewġ kumpaniji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 26243, jista' l-Ministru jgħid liema rakkmandazzjonijiet fir-rapport tal-MATSEC twettqu s'issa u liema huma l-oħrajn li huwa maħsub li jitwettqu? Jista' jgħid minn meta se jitwettqu?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inzid mat-tweġiba diġa' mogħtija għall-Mistoqsija ċitata.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26244, jista' l-Ministru jgħid meta tlesta r-rapport dwar is-servizz tal-Guidance and Counselling u meta wasal għandu?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inzid mat-tweġiba diġa' mogħtija għall-Mistoqsija ċitata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pensjoni tal-Public Accounts tiżdiedx jew tibqa' kif tkun? Jista' jgħid ukoll jekk il-gvern hux qed jikkonsidra li jagħti xi żieda għal din il-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern — Pagi tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li bosta ministeri u dipartimenti tal-gvern ma ngħatawx flus biżżejjed biex ikopru l-pagi tal-ħaddiema? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull talba fejn jidħlu l-pagi ta' kull ministeru u dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fil-bidu ta’ kull sena jkollu pprovduti l-fondi neċessarji għall-impjegati tiegħu kollha.
Il-policy tal-Gvern hi li, ħlief fejn hu indispensabbli, ma jżidx in-numru globali fi ħdan is-Servizz Ċivili. Għal dan il-għan, twaqqaf, twaqqaf ir-Recruitment and Redoployment Advisory Group fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi biex l-esiġenzi tas-Servizz jiġu moqdija b’mod li jingħata l-aħjar valur tal-fondi wżati. B’hekk, matul is-sena, mhux talli mpjegati li m’humiex bżonjużi f’post, jiġu trasferiti f’post ieħor, iżda wkoll impjegati li jirtiraw jiġu sostitiwiti b’oħrajn fi gradi differenti fl-istess post jew f’post differenti.
Min-naħa tiegħu, il-Vot tat-Teżor, bħala Vot Ċentrali, jinkludi l-fondi neċessarji għal dawn l-eventwalitajiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' ċirkulari li ntbagħtet lill-iskejjel dwar talbiet minn membri parlamentari speċjalment fejn jidħlu preżentazzjonijiet? Jista' jgħid ukoll din iċ-ċirkulari sa liema livell edukattiv trid tiġi applikata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa ma nħarġet l-ebda ċirkulari. Iżda qed tiġi abbozzata policy biex f'dan l-istadju Membri Parlamentari u Membri Kandidati għall-elezzjoni ta' membri fil-Kamra tad-Deputati u f'Kunsilli Lokali ma jibqgħux jiġu mistiedna għal preżentazzjonijiet f'attivitajiet edukattivi fl-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26247, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm biss ftit skejjel li nfurmaw lill-bord li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin meta organizzaw korsijiet tat-TEFL? Jaf li hemm ħafna aktar skejjel li b'mod regolari jorganizzaw dawn il-korsijiet? X'passi se jieħu issa u fil-konfront ta' min?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li safejn ġie nformat il-Bord li jissorvelja t-Tagħlim ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija, kienu s-sitt skejjel imsemmija fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 26247, li għamlu korsijiet fl-ewwel erba' xhur tal-2007. Jekk jirrizulta li kien hemm xi skola jew skejjel għamlu xi korsijiet tat-TEFL għall-għalliema prospettivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Bord, dan il-Bord izomm id-dritt li ma jgħarafx dik il-kwalifika.
Jista' l-ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26249, 25744 u 24803 u jagħti dettalji dwar l-assenteiżmu fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi primarji u sekondarji? Jista' jagħti wkoll informazzjoni f'liema skejjel kien hemm persentaġġ għoli ta' assenteiżmu? X'passi konkreti qed jittieħdu fil-konfront ta' studenti li qed ikunu assenti b'mod regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal li ma jattendux skola u ma jkunux koperti minn ċertifikat mediku jew inkella ma jagħtux raġuni valida għaliex mhux qed jattendu skola ikunu meqjusa assenti. F’każijiet fejn l-istudent ikollu xi appuntament mediku l-iskola tiġi informata u dak l-istudent jiġi skużat. F’dawn il-każijiet u f’każijiet ta’ mard li jinqala matul s-sena u li jkun kopert minn ċertifikat mediku, wieħed ma jistax issejjaħ lil dawn l-istudenti bħala assenti mingħajr raġuni valida. Fit-tabella, li qed ngħaddi lill-Onor. Interpellant, skola b’skola, kemm fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju hemm n-numru ta’ tfal li jkun assenti mill-iskola minghajr ċertifikat jew li ma jigux skużati għall-raġuni valida. F’dawn il-każijiet it-taqsima ta’ ħaddiema soċjali fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tidħol f’kull każ u tiehu l-azzjoni li jkun hemm bżonn. Din l-azzjoni tista’ tvarja skond il-każ minn appoġġ għall-familja u saħansitra ċitazzjonijiet mill-qrati tagħna.
Fis-settur primarju, fit-tieni term ta’ din is-sena skolastika, l-għola numru ta’ assenteizmu kien f’Jannar fl-iskola tal-Belt Valletta fejn f’kull ġurnata ta’ skola kienu assenti mingħajr ċertifikat jew skuzati medja ta’ 3 studenti minn popolazzjoni ta’ 172. Fix-xahar ta’ Frar, fl-istess skola kienu assenti medja ta’ 4 studenti minn popolazzjoni ta’ 173. U fix-xahar ta’ Marzu, l-iskola ta’ Bormla kellha medja ta’ 3 it-tfal assenti minn popolazzjoni ta’ 203.
Fis-settur sekondarju, fix-xahar ta’ Jannar, f’kull gurnata skolastika, l-iskola ta’ Fra Diego Bonanno, Marsa, medja ta’ madwar 4 studenti assenti minn popolazzjoni ta’ 140. Fix-xahar ta’ Frar, l-iskola ta’ Lorenzo Manche, Floriana kellha medja ta’ 4 studenti assenti kull ġurnata ta’ l-iskola minn popolazzjoni ta’ 185 u fix-xahar ta’ Marzu, l-iskola ta’ Erin Seraccino Inglott, Bormla kellha medja ta’ 4 studenti assenti kull ġurnata ta’ l-iskola minn popolazzjoni ta’ 440.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw pjanti u/jew siġar lill-iskejjel ta' l-istat biex jinżergħu fl-iskejjel fis-sena skolastika li dalwaqt tintemm? Lil liema skejjel ingħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi dejjem enfasizza l-importanza tat-taħwil ta’ siġar u pjanti indiġeni. Il-lum il-ġurnata kważi kull skola fejn hemm ftit ħamrija u spazju adegwat hemm imħawla xi siġra ta’ l-għargħar, widnet il-bahar, żnuber, ballut, ta’ Ġuda u ħafna oħrajn. Dan biex l-istudenti jitgħallmu jidentifikaw u jifhmu l-importanza tas-siġar Maltin.
Siġar lill-iskejjel mhux nagħtu biss iżda nirċievu ukoll! L-iSchool Arbor Committee huwa kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u rappreżentanti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieġ. Ta’ kull sena norganizzaw diversi laqgħat u mixjiet biex ngħallmu kif tinġabar iż-żerriegħa u kif tinżera’ u kif issir il-manutenzjoni. Lill-iskejjel intuhom iż-żerriegħa ta’ siġar Maltin u dawn jikkompetu bejniethom min ikabbar l-aktar siġar u jingħataw premjijiet, trofej u kotba. Din is-sena l-ammont ta’ siġar indiġeni li rċevejna mill-iskejjel kien ta’ 2169, bejn ballut, għargħar, żnuber, ġummar u ħarrub.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti bil-miktub permezz ta' e-mail, jew ittra, jew b'xi mod ieħor dwar żbalji u/jew ineżattezzi fil-karti ta' l-eżamijiet tas-SEC fil-livell ordinarju? F'liema suġġetti u x'kienu l-ilmenti? X'deċiżjonijiet ittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena fil-Livell tas-SEC kien hemm ilmenti dwar ineżattezzi f'Paper II A tal-Matematika, f'Paper I tal-Kimika, fil-karti tal-Fiżika u f'Paper I ta' l-Istorja.
Informat ukoll li rriżulta li ma kienx hemm bażi għall-ilmenti li saru dwar l-eżamijiet tal-Matematika, Kimika u Fiżika. Fil-każ ta' l-Istorja kien hemm żball f'mistoqsija ta' żewġ marki f'waħda mis-sezzjonijiet. F'dan il-każ ġie deċiż li l-kandidati li għażlu dik is-sezzjoni ma jitilfux marki minħabba din il-mistoqsija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19833, jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-proċeduri? Jista' jgħid ukoll kemm huwa l-livell ta' decibals (ħsejjes) li huwa aċċettabbli skond normi Ewropej u skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li Hompesch Steel qiegħed fil-proċess li jagħlaq l-iskrepjard u l-art tinbidel minflok f`żona industrijali. F`dan ir-rigward sar studju fuq il-livelli ta` ħsejjes preżenti. Ir-riżultati juru li l-livell ta` ħoss kien bejn 73.9 dBA u 74.7 dBA. L-ogħla livelli ġew imkejla viċin iż-żona residenzjali. Skond l-Environmental Impact Statement (EIS) huwa ċar li l-livelli eżistenti ta` ħoss għandom impatt negattiv fuq l-ambjent u jkun ta` benefiċċju li kieku s-sit jinbidel f`wieħed fejn l-attivitajiet industrijali ġodda jkunu ta’ tip li fihom il-ħsejjes jistgħu jiġu kkontrollati.
Il-proċeduri min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huma li ingħata permess
outline
(PA7031/99) biex jitneħħa l-operat eżistenti ta’ Hompesch Steel u minfloku isir żvilupp industrijali ħolistiku. Il-livelli ta’ ħoss (
debels
) iridu jkunu aċċettabbli skond linji gwida ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li huma bbażati fuq dawk tal-World Health Organisation (WHO). Dawn jispeċifikaw li bil-lejl il-livell ta` ħoss fil-kmamar tas-sodda m`għandux jaqbeż il-55 dBA. Peress li għadu mhux magħruf x`tip ta’ industriji partikulari ser ikun hemm fuq is sit, il-livelli ta` ħoss ta’ l-iżvilupp propost ma jistgħux ikunu stmati f’dan l-istadju.
Il-
policy
rilevanti għal dan is-sit hija SMCM 08 fil-Pjan Lokali ta’ Nofsinhar ta’ Malta u l-mappa rilevanti hija ZN 3.
Issa li daħlet sistema ġdida għad-dħul ta' vetturi fil-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid x'sar jew x'ser isir speċifikament beix titjieb is-sistema tas-servizz pubbliku għal dawk li jridu jmorru l-Belt kapitali u ma jużawx il-vetturi tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li ġew introdotti 2 rotot express bejn il-Mosta u l-Belt Valletta u ż-Żurrieq u l-Belt Valletta li bejniethom jagħmlu 12 il-vjaġġ filgħodu u 12 il-vjaġġ filgħaxija. L-ADT qiegħda tistudja l-possibilita' li fil-ġimgħat li ġejjin ikunu introdotti rotot oħra express li jaqdu lokalitajiet oħra fejn ikun indikat li hemm domanda sabiex dawn is-servizzi jkunu sostenibbli.
Jidher ukoll li kien hemm żieda zgħira fuq diversi rotot oħra li jindika li għalkemm id-domanda għas-servizz żdiedet b’ammont zgħir, l-iskedi preżenti qed jakkomodaw tajjeb għal din iż-żieda
Jista' l-Ministru jgħid kemm f'din is-sena skolastika sewa lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni l-kuntratt tat-trasport tat-fal ta' l-iskola? Kemm tħallas minnu s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena skolastika 2006/2007, il-kuntratt tat-trasport tat-tfal ta' -iskola huwa stmat li ser jiġi jiswa lid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kif ġej:
Trasport tat-tfal fl-iskejjel Primarji u Sekondarji:
Ammont stmat: Lm1,529,014
Ammont imħallas s'issa: Lm 656,655
Trasport tat-tfal bi bzonnijet speċjali:
Ammont stmat: Lm 165,945
Ammont imħallas s'issa: Lm 143,868
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien hemm passiġġieri li wżaw it-trasport pubbliku fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kif jikkompara ma' l-istess żmien tas-sena li għaddiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li fl-ewwel 4 xhur tas-sena 2006 kien hemm 8903,889 passiġġieri. Fl-istess perjodu tas-sena 2007, inġarrew 9652,985 passiġġier. Dan ifisser differenza ta’ 749,096.
Wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni li f’Marzu tat-2006 kien hemm azzjoni industrijali li jfisser li bejn wieħed u ieħor kien hemm telf ta’ 210,000 passiġġier. Għaldaqstant, jidher li hemm żieda approssimativa ta’ 539,096 mis-sena 2006 meta tqabbel iż-żewġ perjodi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw airlines hekk imsejħa low cost biex joperaw id-diversi rottot li offra l-gvern? Kemm ġew aċċettati? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-airlines applikaw għal xi rotta f'din l-aħħar sena li ma kenitx offruta mill-gvern? Jekk kien hemm, liema kienu u x'deċiżjoni ttieħdet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-ewwel sejħa żewġ linji ta' l-ajru low cost applikaw biex joperaw xi uħud mir-rotot li offra l-Gvern. Il-Gvern aċċetta l-offerti taż-zewg airlines iżda waħda minnhom iddeċidiet li la l-airline l-oħra ser topera hi ma toperax. Għat-tieni sejħa, ma kienx hemm applikazzjonijiet. Fit-tielet sejħa airline waħda applikat għal xi rotot u l-offerti kienu aċċettati. Wieħed ma jistax japplika għal xi ħaġa li għaliħa ma hemmx sejħa għall-offerti. Low cost airlines oħrajn ukoll qed joperaw lejn u minn Malta.
Jekk l-Onor qed jitlob informazzjoni dwar liema rotot xi linji ta' l-ajru wrew interess fihom, din hija informazzjoni ta' natura kummerċjalment sensittiva u ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa minn Heritage Malta ħalli t-tempji ta' Hal Saflieni ġewwa Hal Tarxien jiġu spjegati aħjar permezz ta' materjal divers u tabelli fuq il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa mgħammar kemm b’tabelli fuq il-post kif ukoll introduzjoni awdjo-viziva f’ħames lingwi. Fil-preżent, Heritage Malta qed tintroduċi Audio-guides fl-istess ħames lingwi, jiġifieri Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż. Fil-futur qarib, ser ikun introdott ukoll il-Ġappuniż, u aktar lingwi ser ikomplu jiżdiedu minn żmien għal żmien, sabiex dejjem nilħqu il-bżonnijiet ta' swieq ġodda fil-qasam tat-turiżmu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-master plan ta' l-MCAST u jispjega kif ser isir ix-xogħol? Meta huwa maħsub li jinbeda dan ix-xogħol u meta ser jispiċċa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx fondi mill-Unjoni Ewropea u jekk iva kemm? Jista' jgħid x'ser jiġri mill-Junior Lyceum ta' San Gużepp u fejn ser jiġu trasferiti l-istudenti u l-għalliema ta' l-istess liċeo?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 26521, Seduta 534.
Minħabba li l-Ministru għoġbu jagħti t-Tnejn 4 ta' Ġunju 2007 vaganza lill-iskejjel kollha u allura mhux se jkun hemm ħaddiema fl-iskejjel, jista' jgħid jekk l-iskrivani part-time hux se jibbenefikaw ukoll minn dan billi jitħallsu ta' din l-istess ġurnata minħabba li mhux possibbli għalihom li jattendu l-iskola għax m'hu se jkun hemm ħadd? Jista' jara li ma ssir l-ebda diskriminazzjoni ma' ħadd f'dan ir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-vaganza ma kienetx waħda pubblika, ġew applikati l-kriterji li jgħoddu għall-vaganzi ta' l-iskejjel.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hux possibbli li fi Triq San Piju X fiz-Zejtun isir xi ħaġa mill-Enemalta minħabba li kull meta jinxtgħelu xi magni li jaħdmu bihom id-dawl jitbaxxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta ser tinvestiga dan il-kaz u jittieħdu l-passi necessarji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri fil-Kummissjoni Dwar l-Impjiegi nominati mill-Prim Ministru u mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni mill-bidu tagħha sal-lum separatament għal kull Kummissjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi minn meta ġiet iffurmata għall-ewwel darba fl-1 ta’ Settembru 1979 ’l hawn.