Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pixxina Nazzjonali — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fil-pixxina nazzjonali ġewwa Tal-Qroqq? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa totali fuq xogħlijiet li saru fil-pixxina nazzjonali mill-1 ta' Ottubru, 2006 s'issa u fuq hiex intnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' marittima — Allegazzjoni ta' tixħim

Question

Issa li l-pulizija ressqet żewġ uffiċjali ta' l-Awtorita' Marittima l-qorti fuq allegazzjoni ta' tixħim, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hiex bi ħsiebha tipproċedi kontra dawk il-mijiet li allegatament xaħħmu liż-żewġ uffiċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha f'dan il-każ, għalkemm waslet fi stadju avvanzat ħafna. Diġa' tressqu żewġ uffiċjali pubbliċi l-Qorti akkużati b'korruzzjoni u reati oħra in konnessjoni ma' dan il-każ. Il-Pulizija hi obbligata bil-liġi li tibda proċeduri bil-Qorti kontra kull min jikser il-liġi.

Qorti Kriminali — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti quddiem il-qorti kriminali bħalissa? X'inhuma l-akkużi prinċipali? Jista' jgħid ukoll kemm hemm barranin li qed jistennew biex jgħaddu ġuri u fuq liema akkużi? Dawn ta' l-aħħar huma miżmuma l-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- In-numru ta’ Ġurijiet Pendenti quddiem il-Qorti Kriminali fit-13 ta' Settembru kien ta’ 60. L-akkużi prinċipali huma: (a) Importazzjoni ta’ droga (b) Pussess u traffikar ta’ droga (c) Kultivazzjoni ta’ cannabis (d) Omiċidju volontarju (e) Tentattiv ta’ omiċidju volontarju (f) Serq u ħsara volontarja (g) Ħasil ta’ flus (h) Kxif ta’ sigrieti pubbliċi minn uffiċjali pubbliċi u riċevimenti ta’ xi rigali (i) Traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta (j) Stupru vjolenti (k) Stupru vjolenti fuq minorenni In-numru ta’ barranin li qed jistennew li jgħaddu ġuri huma 12. L-akkużi prinċipali huma : (a) Serq u ħsara volontarja (b) Tentattiv ta’ omiċidju volontarju (c) Pussess u traffikar ta’ droga (d) Traffikar ta’ persuni minn u lejn Malta (e) Stupru vjolenti aggravat (f) Stupru vjolenti fuq minorenni (g) Ħasil ta’ flus In-numru ta’ barranin li bħalissa jinsabu miżmumin il-ħabs u li qed jistennew li jgħaddu ġuri huwa 7.

Skejjel — assenteiżmu

Question

JIsta' l-Ministru jgħid x'kien l-assenteiżmu mill-iskejjel tal-gvern fis-sena skolastika li għadha kemm intemmet mqassma fi skejjel primarji, sekondarji, eċċ.? Jista' jgħid ukoll liema skejjel kellhom lanqas kif ukoll l-aktar każi ta' assenteiżmu? Kontra kemm-il ġenitur ittieħdu passi bil-qorti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Trabi b'unkown father

Question

JIsta' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta' trabi mwielda mingħajr l-isem tal-missier jew unknown father mis-sena 2000 sas-sena 2006 sena b'sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mid-Dipartiment ta' l-Istatistika, in-numru ta' trabi mwielda mingħajr l-isem tal-missier hu kif imsemmi hawn taħt: Sena Numru 2000 238 2001 245 2002 282 2003 306 2004 330 2005 322 2006 371 N.B. L-ammont indikat għas-sena 2006 mhux uffiċjali minħabba li għadu ma ġiex ippublikat fid-Demographic Review.

Air Supplies

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jaħdmu fil-preżent il-ħaddiema li qabel kienu jaħdmu ma' l-Air Supplies? Kemm kienu dawn il-ħaddiema meta l-Air Supplies ġiet magħluqa mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ishma kollha tal-kumpanija Air Supplies & Catering Co Ltd inbiegħu mill-Air Malta lil xerrej privat f’Novembru 2005. Dak iz-zmien, il-kumpanija kellha 62 impjegat fuq il-kotba tagħha.

Sptar Mater Dei — Reklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq reklamar marbut ma' l-Isptar Mater Dei? Fhiex kien jikkonsisti dan ir-reklamar u min ġie mogħti dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk dan ingħatax b'direct order jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #26984 Sitting 553 2007-07-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għalliema temporanji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema temporanji u x'suġġetti qed igħallmu? Tista' tgħid jekk dawn jistgħux isiru għalliema permanenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li hemm għalliem temportanju wieħed li qiegħed jgħallem il-mużika fl-Iskola tal-Mużika t'Għawdex. Għalliema permanenti jiġu mpjegati wara sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Skejjel qrib kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li huma qrib xi kamra tan-nar jew post fejn huwa liċenzjat li jinħadem in-nar? Liema huma dawn l-iskejjel u kemm hemm bogħod bejn il-konfini ta' l-iskola u l-konfini tal-premises tal-post fejn jinħadem in-nar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kap 33 dwar l-Isplussivi jipprovdi għal distanza ta' 183 metru bejn xi kamra tan-nar liċenzjata u xi post abitat jew triq. Informat ukoll li m'hemm l-ebda skola ta' l-Istat f'inqas minn din id-distanza bogħod minn xi kamra tan-nar.

Birżebbuġa Waterpolo Club — Żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jara jekk dak li għaddej fil-premises li ġew mgħoddija mill-parlament b'riżoluzzjoni parlamentari lill-Birżebbuġa Waterpolo Club, fejn huwa maħsub li jsir żvilupp u fejn jidher li hemm affarijiet li mhux ċari kif jidher minn ċerti artikli li dehru fil-ġurnali, huwiex skond il-kuntratt li kien ġie ffirmat wara li għaddiet l-istess riżoluzzjoni? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra nota dwar dak li hemm propost li jsir u kif dan se jsir fid-dawl ta' l-istess kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru l-water polo pitch Club House hu spazju pubbliku kif delineat fil-pjanta relattiva fi Triq il-Bajja s-Sabiħa, B'Buġia, kien ġie mgħoddi b'ċens temporanju għal 49 sena lil B'Buġia Sports Club b'kuntratt pubbliku tal-11 ta' Settembru, 2000, wara diskussjonijiet u approvazzjoni ta' Riżoluzzjoni fil-Parlament. Il-B'Buġia Acquatic & Sports Club hija affiljata regolarment fl-Acquatic Sports Association - Malta. Il-Kunsill Malti għall-iSport ġie konsultat kif titlob il-liġi dwar applikazzjoni lill-MEPA (PA1590/03) biex l-għaqda spotiva konċernata twettaq żvilupp skond pjan intenzjonat biex jirriabilita' u jimmodernizza l-faċilita'. Il-KMS irrisponda li ma jkollux oġġezzjoni sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet tal-kuntratt u tal-MEPA. Qed inkompli nsegwi l-iżviluppi tal-każ.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta sar Prim Ministru kemm spiċċaw persuni mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi jew inkella li kienu nkarigati mill-Isptar Mater Dei? Min kienu dawn il-persuni u x'kariga kellhom? Fejn ġew mibgħuta dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Programmi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programmi ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra l-ESF u l-ERDF, qed tipparteċipa fihom l-Universita' ta' Malta u l-Junior College? Min huwa nkarigat/i min-naħa ta' l-Universita' u min-naħa tal-Junior College biex jamministra dawn il-fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' tieħu sehem fil-programm Erasmus (Lifelong Leraning Programme), u li minnu jibbenefikaw kemm studenti u kif ukoll għalliema ġewwa l-Universita'. Il-fondi jiġu mgħoddija lill-Universita' mill-European Union Programmes Unit (l-EUPU fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Xogħol) li min naħa tagħha tqassam il-fondi ta' l-Erasmus kemm lill-Universita' u lill-MCAST. Fl-Universita', il-programm Erasmus huwa amministrat mill-International and EU Office, skond il-proċeduri u kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u mill-EUPU. It-tqassim ta' fondi (grants) isir mill-International & EU Office bl-approvazzjoni tal-Finance Office fl-Universita' stess, dejjem skond il-proċeduri u kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u mill-EUPU. L-istudenti u għalliema fil-Junior College ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-fondi peress li l-Programm Erasmus huwa ristrett għal Degree/Higher Diploma Awarding Higher Education Institutions.

MCAST — Programmi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programmi ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra l-ESF u l-ERDF, qed jipparteċipa fihom l-MCAST? Min huwa nkarigat/i min-naħa ta' l- MCAST biex jamministra dawn il-fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST jipparteċipaw fil-programm ta' Leonardo da Vinci, Comensius, Erasmus u Grundtvig. Jeżisti mekkaniżmu ċar u trasparenti biex jinkisbu u jiġu amministrati proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-proġetti kollha sottomessi huma approvati mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv u l-fondi huma amministrati mil-Uffiċju ta' Programmi Internazzjonali bi ftehim mad-Dipartiment tal-Finanzi tal-Kulleġġ.

ITS — Programmi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programmi ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra l-ESF u l-ERDF, qed jipparteċipa fihom l-ITS? Min huwa nkarigat/i min-naħa ta' l-ITS biex jamministra dawn il-fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ITS qegħda tipparteċipa f’dawn il-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea :- Structural Funds Programme for Malta 2004-2006 – Community Initiative Interreg IIIA Italia-Malta. Saperi e Sapori Project Prisma Project Leonardo Da Vinci Programme New (No-Borders European Workers) Hospitality – Analysis and Development of a European System of Qualifications and Competences in the Hospitality Sector for Transparency and Recognition without Borders. Comenius Healthy Food for Healthy Youth in a Future Europe Comenius 2 In-service Training The Media Programme: Erasmus Charter Teachers and Students Exchanges with University of Almeria Erasmus Hogesschool – Brussels Higher Hotel Institute – Cyprus University of Applied Sciences Worms - Germany Informat ukoll li min naħa ta’ l-ITS hija l-Amministrazzjoni Taqsima ta’ l-Accounts li tamministra il-fondi.

Higher Secondary — Programmi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programmi ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra l-ESF u l-ERDF, qed jipparteċipa fihom il-Higher Secondary? Min huwa nkarigat/i min-naħa tal-Higher Secondary biex jamministra dawn il-fondi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena il-Giovanni Curmi Higher Secondary School ħadet sehem fi proġetti tal-Comenius u Euroscuola. Informat ukoll li l-għalliema mdaħħlin fil-proġett jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni tal-fondi u jiġu verifikati taħt id-direzzjoni tal-Kap ta' l-iskola.

Adult Training Centres

Question

Tista' l-Ministru tinfurmani meta spiċċaw jaħdmu l-Kap ta' l-Adult Training Centre ta' l-Imtarfa u n-nurse li kienet taħdem fl-ATC ta' Fleur-de-Lys? Nixtieqha tgħidli wkoll meta l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali se timla dawn il-postijiet kruċjali biex jitmexxew aħjar dawn iċ-ċentri tal-persuni b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kap taċ-Centru fl-Imtarfa spiċċa mix-xogħol fit-2 ta' Marzu 2006 u n-nurse fiċ-Ċentru ta' Fleur de Lys spiċċat fl-10 ta' Settembru 2006. Ir-responsabbilta' għat-tmexxija tad-Disability Centres għaddiet taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali f'April li għadda. Ninsab infurmata li preżentement il-Fondazzjoni qed tħares lejn ir-riżorsi umani disponibbli u l-vakanzi f'dawn iċ-Ċentri biex torganizzhom b'mod aktar effiċjenti għall-benefiċċju tal-klijenti.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali — Każi attivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm fil-preżent każijiet attivi taħt idejn l-uffiċjali tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u f'liema servizz qegħdin jingħataw dawn il-każijiet? Tista' l-Ministru tinfurmani wkoll kemm hemm każijiet pendenti f'dawn is-servizzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.