Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-ring road ta' Santa Luċija ġiet magħluqa għat-traffiku f'ħinijiet fejn it-traffiku jkun wieħed sostanzjali? Japprezza li din żiedet il-problema tat-traffiku li jkun ġej mit-Triq tal-Barrani? Jaħsibx li jekk ikun hemm postijiet oħra li ssir l-istess ħaġa nispiċċaw bit-traffiku ġġamjat u karozzi li m jistgħux joħorġu mil-lokal tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għal mistoqsija parlamentari, ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku tinforma lil Onor. Interpellant li sar moniteraġġ tas-sistema tat-traffiku fi Triq Tal-Barrani u madwar ir-roundabout ta’ Santa Lucija w sussegwantament inħarget rakkomandaZZjoni lil kunsill lokali ta’ Santa Lucija fid-data 25 ta’ Settembru 2007 sabiex Dawret it-Torri terġa’ tinfetaħ għat-traffiku.
Il-kunsill lokali ta’ Santa Luċija qed joġġeżżjona li tali’ restriżżjonijiet f’Dawret it-Torri jitneħħew kif juri f’ittra datata 28 ta’ Settembru 2007. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-korrespondenza lill-u mill-kunsill Lokali dwar id-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il biċċa art għandha l-kumpannija Malta Industrial Parks ġewwa Ħal Far? Kemm minnhom qed jiġu wżati u kemm le? Xi ħsieb hemm fuq dawk li mhux qed jiġu wżati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Malta Industrial Parks tqis iż-żona industrijali ta’ Hal Far bħala art waħda. Din titqassam skond il-ħtiega ta’ proġetti li jkunu approvati. Isir sforz biex kemm jista’ jkun isir l-aħjar użu u ma jkunx hemm ħela ta’ art meta din tkun allokata. L-art li għadha mhix zviluppata tinżamm għal meta din tkun meħtiega. Meta u sa kemm ikun possibli tintuża propjeta` eżistenti biex ma titteħidtx art verġni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-problemi li kien hemm bejn l-MCAST u l-Malta Maritime Authority speċjalment fejn jidħol l-Istitut Marittimu ġewx solvuti jew le? Jekk le x’inhu jżomm sabiex dawn jiġu solvuti? Jista’ jgħid ukoll x’kienu d-diffikultajiet li ġabet l-MMA f’dawn il-kazi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-problemi li kien hemm bejn l-MCAST u l-Malta Maritime Authority ġew solvuti wara diskussjoni. Id-diffikultajiet kienu relatati ma' aspetti ta' kjarifiċi akkademiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-budget għal din is-sena fejn jidħol it-trasport separatament għas-sezzjoni tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni, l-Operat Primarju u dak Sekondarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni l-ammont ta' flus li ntefaq mill-Budget tat-trasport fil-perjodu minn Jannar sa Settembru, kien kif ġej:
Sezzjoni Servizzi Korporattivi Lm 73,108
(ex-Sezzjoni tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni)
Operat Primarju Lm195,999
Operat Sekondarju Lm849,315
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħadet flus il-Kumpannija Malta Amature Dramatic Company għall-kummiedja Shakesperjana “A Midsummer Nights Dream” li saret fil-Malta Summer Arts Festival ta’ din is-sena? Kemm kien in-numru ta’ seats mibjugha għal kull serata tal-Midsummer Nights Dream? Kemm kien il-qliegħ u t-telf fuq kull serata u globali? Ghaliex din is-sena x-xoghol Shakesperjan ma ġiex imtella’ fil-ġonna ta’ San Anton kif ilu jsir għexiren ta’ snin? Kemm kien hemm biljetti “complimentary” għal dan ix-show? Min ħallas l-ispejjeż ta’ dawl u ħoss għal dan ix-show, il-kumpannija jew il-Kunsill ta' l-Arti u Kultura?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ seats li nbiegħu għal Midsummer Night’s Dream kien kif ġej:
Data tas-serata
Numru ta’
seats
Dħul (LM)
Nru ta’ biljetti
Complimentary
25 ta’ Lulju 2007
376
1,736
138
27 ta’ Lulju 2007
308
1,504
164
28 ta’ Lulju 2007
300
1,443
131
29 ta’ Lulju 2007
476
2,245
142
Id-dħul mill-biljetti kien jammonta għal Lm6,928 u kien kollu għall-Ministeru. Il-Ministeru ħallas is-somma globali ta’ Lm12,000 lill-produtturi għal din il-produzzjoni li b’din is-somma kellhom ikopru l-ispiża tal-produzzjoni.
Il-produzzjoni ma saritx fil-Ġonna ta’ San Anton bħas-soltu fuq rikjesta tal-produtturi stess, li raw il-festival bħala opportunità ideali sabiex jwessgħu l-udjenza kemm Maltija kif ukoll barranija billi l-produzzjoni ssir parti mill-festival.
Id-dawl u l-ħoss tħallas mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u kien komuni għall-attivitajiet kollha. Għal dan inħareġ
tender
.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża biex saret il-Contemporary Art Exhibition u kemm tħallas il-kuratur tagħha? Kemm kien tħallas il-kuratur ta’ l-esebizzjoni ta' l-arti s-sena ta’ qabel?
Jista’ jghid ukoll kemm kienet l-ispiża totali tal-Brazilian Clowns li ħadu sehem fil-Festival tas-Sajf ta’ din is-sena? Kemm kienu l-ħinijiet li għamlu jiġru mat-toroq tal-Belt?
Kemm kienet l-ispiża għall-American 6th Fleet Combo Band u kemm hu kkalkulat li kienet l-udjenza li attendiet? Kemm swiet is-serata The Music of Sousa and Glen Miller u kemm kienet l-attendenza?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-attendenza għall-Caroons, Teatro Proskenian u kemm kienet l-ispiża globali biex saret din is-serata, inkluż il-vjaġġi, l-lukandi u ħlasijiet oħra?
Kemm kienet l-ispiża tal-Puerto Flamenco u kemm kienet l-attendenza?
Kemm kien is-sussidju lil SUPA u kemm swiet is-serata Risk El Riesgo de laq Reina, u kemm kienet l-attendenza?
Kemm kienet l-attendenza għall-kunċert Love is in the Air ?
Kemm kienet l-udjenza għal A Dolls House u kemm kienet l-ispiża għas-serata?
Kemm kienet l-ispiża biex inġabet Malta l-kumpannija teatrali Odin Theatre, inkluz spejjeż marbuta mal-biljetti ta’ l-ajru,
hotels
etc? Kemm kienet l-udjenza għat-tlett serati separati?
X’inhi r-raguni li ma ser ebda Teatru bil-Malti?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-Public Lecture ta’ Eugenio Barba? X’inhi r-raġuni li ma sarx il-Festival tad-Drama? Kemm sewa’ l-kunċert ta’ Enrico Dindo u Pietro De Maria u kemm kienet l-udjenza? Kemm ġiet tiswa s-serata New Adventures of the Baron Munchausen u kemm kienet l-udjenza?
Kemm kellha udjenza s-serata Sayed Darwish u kemm kienet l-ispiża globali?
Kemm kienu l-ispejjeż totali għall-Collectif: Contemporary Dance Performance u kemm kienet l-udjenza?
Kemm ġie jiswa l-Kuncert ta’ Ricardo Muti u kemm kienu s-sussidji? Kemm kienet l-attendenza għal dan il-kunċert u kemm minnhom kienu
complementary tickets
?
Jista’ l-Ministru jgħid xi spejjeż kien hemm għall-kunċert stupend ta’ Gianni Morandi, Claudio Baglioni u Ricardo Cocciante?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern Malti ħareġ madwar Lm 25,000 biex ikopri xi spejjeż tal-produzzjoni fosthom il-vjaġġi, l-lukandi u ikliet ta’ l-artisti, organizzaturi, ġurnalisti u nies involuti fil-produzzjoni. Lm 10,000 minn dawn il-Lm 25,000 ġew mill-Good Causes’ Fund.
Kunċert ta’ dan il-livell normalment iġorr spejjeż li jilħqu il-Lm 150,000 (mingħajr l-
artists’ fees).
F’dan il-kaz il-parti l-kbira mill-ispejjeż ġew imħallsa mill-
Fondazione O’Scia’
grazzi għall-ftehim li għamlet mal-Gvern Taljan.
Nixtieq nirringrazzja lill-
NnG Promotions Limited
għas-sehem tagħhom biex inġieb dan il-kunċert f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel reġistrati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Kemm minnhom huma membri tal-FELTOM? X’kontroll hemm fuq dawk li m'humiex membri ta’ l-għaqda tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 47 skola li għandhom liċenzja sabiex jgħallmu l-Ingliz bħala lingwa barranija. Skond il-website tal-FELTOM, din il-federazzjoni għandha 17 minn dawn l-iskejjel bħala membri tagħha. Il-Bord ma jiddistingwix bejn l-iskejjel liċenzjati li huma membri tal-Feltom u l-oħrajn li m'humiex. Il-Bord izur l-iskejjel kollha liċenzjati u l-annexes tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti bejn Jannar u l-21 ta’ Settembru dwar imġieba ħażina ta’studenti barranin li kienu hawn biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista’ jgħid jekk dawk li lmentaw kienux Maltin jew turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi mill-ewwel tas-sena kurrenti sal-21 ta' Settembru l-Awtorita' tat-Turiżmu rċiviet erbgħatax-ir rapport dwar imġieba ħażina ta' studenti li kienu hawn biex jitgħalmu l-Ingliż.
Sitt rapporti saru minn turisti, sitt oħra minn Maltin u tnejn kienu anonimi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skejjel independenti li nfurmaw lid-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni li għollew il-miżati għas-sena skolastika l-ġdida? Jekk iva, liema kienu u b’kemm f’kull każ? Kemm kienu l-miżati matul is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti fl-Universita` ta’ Malta sabiex jagħmlu PGCE PSD? Kemm ġew magħżula u kif saret l-għażla sakemm ma daħlux l-istudenti kollha li applikaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 28 applikazzjoni għad-dħul fil-kors għall-Postgraduate Certificate in Education għat-tagħlim tal-PSD. Minn dawn wieħed kien ineliġibbli u sitta rtiraw l-applikazzjoni qabel beda l-proċess ta' l-għazla. Sar interview lil 21 applikant, it-Tlieta 4 ta' Settembru u group interview l-Erbgħa 5 ta' Settembru biex jimtlew il-ħmistax il-post disponibbli. L-applikanti kienu assenjati marki għall-kwalifiki li kellhom sa massimu ta' 20 punt u marki għall-assessement tagħhom fl-interview u l-group interview.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi għall-għalliema u f’liema suġġetti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vakanzi ta' għalliema li hemm bħalissa huma 2 fl-ICT, 1 fil-PE, Fizika, Reliġjon u Muzika. In-numru ta' għalliema applikanti kien 393 li bejniethom tefgħu 647 applikazzjonijiet għad-diversi suġġetti.
Tagħrif dwar is-suġġetti li applikaw għalihom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiza fuq l-iskola sekondarja ġdida ta’ Hal Qormi? Jista’ jgħid min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq din l-iskola u kemm kien il-ħlas għal kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi lista ta' tenders li nħarġu mill-FTS fir-rigward ta' bini ta' l-iskola sekondarja l-ġdida ta' Ħal-Qormi. Billi x-xogħol, fil-maġor parti, għadu qiegħed jitkejjel, l-lista tinkludi l-valur ta' xogħol kif ġie awarded.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed isir użu ta’ palm readers f’Heritage Malta? Fejn qegħdin dawn il-palm readers? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi palm readers li wara tneħħew? Jekk iva fejn u għaliex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi mhux qed isir użu ta’ palm readers bħalissa f’Heritage Malta. L-uniku palm reader li sa ftit ilu kien jintuża f’din l-aġenzija kien fil-kumpless li Heritage Malta għandha f’Bighi u li kien intiret minn dak li qabel kien magħruf bħala ċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Dan ma baqax jaħdem biex jiffaċilita s-sistemi amministrattivi ta’ dan il-kumpless fil-qafas tal-bqija tas-sistemi fil-kumpalment ta’ l-aġenzija u biex ma jkunx hemm differenzi bejn ħaddiema u oħra fl-istess aġenzija. Heritage Malta għandha pjani biex jiddaħħlu palm readers fil-postijiet tax-xogħol tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intalbu revision of papers kemm fis-SEC u MATSEC separatament wara l-eżamijiet ta’ Mejju? Jista’ jgħid ukoll f’liema suġġetti? Jista’ jghid jekk ħarġux kollha r-riżultati riveduti? Għaliex ma joħorġux qabel ma jsiru r-resits?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ talbiet għal revision of papers wara l-eżamijiet ta’ Mejju 2007 kienu 1252 mqassmin hekk: 451 għall-eżami tas-SEC, u
għall-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola, 371 talba għal reviżjoni fil-livell Intermedju u 430 fil-livell Avvanzat.
Ir-riżultati riveduti ħarġu kollha u l-biċċa l-kbira ntbagħtu qabel ma saru r-
resits
. Kien hemm sitt suġġetti li r-riżultat rivedut tagħhom ħareġ wara l-aħħar t’Awwissu. Dan ġara għal diversi raġunijet fosthom li xi eżaminaturi ma kienux disponsibbli tul Awwissu kollu biex jirrevedu l-karti u jiktbu rapporti biex jintbagħatu lill-istudenti.
Informazzjoni dwar it-talbiet u f'liema suġġetti saru ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għar-resits tas-SEC u MATSEC separatament? F’liema suggetti? Kemm għaddew? Għaliex ir-riżultati għadhom ma ħarġux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 2400 student li resqu għar-resits fil-livell tas-SEC u 1478 student li resqu għal xi suġġett fil-livell Avvanzat jew Intermedju tal-MATSEC. Ir-riżultati tas-SEC inbagħtu fis-26 ta’ Settembru u r-riżultati tal-MATSEC intbagħtu fit-28 ta’ Settembru.
Tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Vici Prim Ministru jgħid minn mindu ħarġu r-regolamenti l-ġodda dwar bejgħ u konsum ta’xorb liż-żgħażagħ fl-1 ta’ Lulju kemm inqabdu żgħażagħ jixorbu meta kienu taħt l-eta`? F’liema lokalitajiet? X’passi ttieħdu? Kemm kien hemm sidien ta’ ħwienet li nqabdu jbiegħu xorb lil tfal taħt is-16-il sena? Kemm hemm barranin involuti f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta daħal fis-seħħ l-Att III ta' 2007 li jipprojbixxi l-konsum ta' l-alkohol minn persuni taħt l-eta ta' sittax-il sena mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru 2007, ma nqabdux żgħażagħ jixorbu l-alkohol.
Jista’ l-Ministru jgħid x’beħsiebha tagħmel l-Awtorita` tat-Turizmu biex ma jerġax jiġri kif ġara dan is-sajf fejn kien hemm gruppi ta’ studenti barranin li kienu flimkien f’lukanda fejn dawn dejjqu bil-kbir lir-residenti? Jista’ jgħid ukoll x’se jsir biex anke dawk li jiffrekwentaw postijiet ta’ divertiment ma jkomplux jixorbu żżejjed u jdejqu lil ħaddieħor?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor. interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27572.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-awtoritajiet edukattivi u l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż biex titjieb is-sitwazzjoni ta’ l-imġieba ta' l-istudenti barranin specjalment fis-sajf ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull skola liċenzjata sabiex tgħallem l-Ingliz bħala lingwa barranija hija responsabbli għall-imġieba ta' l-istudenti tagħha. Jekk l-istudenti ikunu taħt it-18-il sena, l-iskola liċenzjata tipprovdi supervizjoni anke waqt attivitajiet li jsiru għall-istudenti barra l-iskola. Kull darba li l-Bord irċieva x'ilment dwar l-imġieba ta' xi studenti dan ikkomunika kemm mad-Direttur ta' l-Istudji kif ukoll mal-Kap ta' l-iskola ikkonċernata, liema komunikazzjoni ġiet ikkupjata lill-individwu li jkun qajjem l-ilment. Barra minn hekk din il-komunikazzjoni ġiet ikkupjata lill-Awtorita' tat-Turizmu u lis-Superintendent tal-Pulizija inkarigat mill-lokalita' fejn ikun seħħ l-ilment.