Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ta' manutenzjoni sar fl-iskola tal-mużika Johann Straus matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'hiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm ġie jqum skond kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kellha prijoritajiet aktar urġenti mill-iskola msemmija f'dawn il-ħames snin. B'dana kollu hu maħsub li f'din is-sena skolastika jsir ix-xogħol meħtieġ ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni ma' l-UE għal fondi fl-akkademja tal-mużika? Kemm huwa l-budget għal din l-akkademja u min huwa nkarigat minnha? Jista' jgħid x'inhu l-pjan għal din l-istess akkademja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura applika għal fondi strutturali (taħt il-Programm 2007 – 2013) biex bihom ikun jista’ jwettaq il-proġett ta’ ristrutturar ta’ Bighi li jinkludi l-Akkademja tal-Mużika. Dan il-proġett huwa stmat li jiswa mal-ħmistax il-miljun Ewro. Dan jinkludi r-ristrutturar ta’ Bighi u x-xiri ta’ materjal biex tkun tista’ tibda topera l-Akkademja mill-post. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura huwa nkarigat mit-twettiq tal-proġett.
Il-pjan għandu jwassal biex tinħoloq struttura ta’ eċċellenza fit-tagħlim tal-Mużika f’pajjiżna. Sa dan it-tant, aktar kmieni din is-sena l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura diġà nieda dan il-proġett permezz ta’ numru ta’
master classes
li ġew mogħtija minn Maestro Riccardo Muti li ser ikun qed jokkupa l-pożizzjoni ta’ President Onorarju ta’ l-Akkademja. Dawn il-
master classes
huma mistennija li jitkomplew is-sena d-dieħla u għal dan il-għan qed jiġi allokat il-badġit ta’ 233,000 Ewro.
Jista' l-Ministru jgħid kull meta jiġu ppubblikati l-accounts tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-sena finanzjarja tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti tibda mill-1 ta’ Ottubru sa l-aħħar ta’ Settembru. Il-Management Accounts tal-Kunsill jiġu ppreparati kull tliet xhur kif ġej:
Ottubru sa Diċembru
Jannar sa Marzu
April sa Ġunju
Lulju sa Settembru.
Barra minn hekk, il-Kunsill jippubblika kull sena l-
Annual Report and Financial Statements
li tagħhom qed inpoġġi kopji ta’ dawn l-aħħar sentejn fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li ilhom Kindergarten Assistants se jiġu mitluba li jħallsu huma sabiex jagħmlu d-diploma meta kategoriji oħra fil-passat il-kors tagħhom kien sar mingħajr ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhix il-policy normali tal-Gvern li jiffinanzja l-istudju u t-taħriġ ta' studenti maturi.
Jista' l-Ministru jgħid apparti mill-għalliema fis-settur sekondarju, min se jingħata laptop wara li ġie ffirmat il-ftehim ma' l-MUT? Meta se jibdew jitqassmu dawn il-laptops u fuq kemm żmien? Kemm huwa maħsub li se jintefqu flus għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
L-għalliema fis-settur primarju diġa' jingħataw lap top. Il-modalita' hi stabbilita fil-Ftehim.
Jikkonferma l-Ministru li studenti ta' l-ITS m'humiex intitolati għall-ismart card minkejja li jieħdu stipendju? X'inhi r-raġuni għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li jattendu korsijet ta’ l-ESTS (Hospitality Trades) fl-ITS huma ntitolati għall-iSmart Card filwaqt li l-istudenti li jattendu korsijiet oħra full-time fl-ITS jirċievu stipendju pero' mhux intitolati għal smart card.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kellu jsir żmien ilu sabiex jitneħħa arblu tad-dawl li huwa perikoluż u li huwa meħtieġ li jitneħħa sabiex isir xogħol ta' kostruzzjoni fil-post li qed jingħata separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mir-records tal-Enemalta ma' saret l-ebda talba sabiex l-arblu msemmi jitneħħa ħalli jsir xogħol ta' kostruzzjoni fis-sit imsemmija. Il-propjetarju tal-post għandu japplika lil Enemalta Customer Care fuq formola aposta.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena 2007 x'investiment sar fit-taħriġ ta' l-għalliema? X'sar differenti mis-snin ta' qabel jekk kien il-każ? Kemm kienet l-ispiża marbuta mat-taħriġ ta' l-għalliema f'dawn l-aħħar tlett snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2007, it-taħriġ ta' l-għalliema kien jikkonsisti f'dan li ġej :
-Sessjoni Professjonali wara l-ħin ta' l-iskola
-Taħriġ annwali f'Lulju u Settembru (Inset Courses)
-Workshop tal-Kunsill ta' l-Ewropa
-Kors tal-BTEC
-Kors tal-Basic Skills għall-għalliema tal-Form 1
-Malta Writing Programme
-Konferenza tad-Diversita'
-Seminar - Social, Emotional,Behaviour Competence & Difficulties (SEBCD)
-Let me Learn.
Id-Dipartiment tal-Kurrikulum kompla bil-proċess ta' taħriġ u titjib tal-għalliema u nieda għall-ewwel darba l-kors tal-Basic Skills. Saru wkoll konferenzi mill-Universita' ta' Malta, waħda fuq id-Diversita' kif ukoll Seminar li kien iġib l-isem ta' "First European Conference on Social, Emotional, Behaviour Competence & Difficulties", li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għenu biex jitwettqu.
Fl-aħħar tlett snin l-ispejjeż marbuta mat-taħriġ tal-għalliema kienu hekk :-
2005-Lm105,228
2006-Lm105,873
2007-Lm121,906.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu ma jitħallas il-kont tat-telefon tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni? Meta kien l-aħħar kont li ġie mħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar kont tat-telefon li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni ħallset kien fis-17 ta' Settembru 2007 u kien ikopri l-perjodu Ġunju u Lulju 2007.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twaħħlu lifts u f'liema skejjel twaħħlu minn wara l-elezzjoni ta' l-2003 sal-lum? Kemm intnefqu fuq kull lift separtament, min huwa l-kuntrattur li għamel ix-xogħol? Jista' jgħid ukoll kemm hija garanzija fuq kull wieħed u min iħallas għas-servicing tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li rtira matul din is-sena, xorta waħda baqa’ jingħata xogħol wara l-ħin fl-iskola ta' Maria Regina tal-Blata l-Bajda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna konċernata mhux impjegata ma' l-iskola Maria Reġina tal-Blata l-Bajda. Bħal ħafna personnel irtirat ieħor tagħti servizz imħallas bis-siegħa fil-provvediment tal-Klassijiet ta' Filgħaxija għall-Adulti kif isir f'diversi ċentri.
Jista' l-Ministru jgħid meta Malta applikat biex issir membru ta' l-OECD u f'hiex jinsabu l-proċeduri biex dan iseħħ?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Malta applikat biex tidħol membru ta' l-OECD fis-27 ta' Lulju 2005. Il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li ma kienux diġa membri ta' l-OECD fl-2004, kollha applikaw biex jissieħbu.
Hemm indikazzjoni li l-applikazzjonijiet tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jissieħbu fl-OECD li ma kienux diġa membri ta' l-istess organiżżazzjoni fl-2004 ser jieħdu ż-żmien peress li diġa numru ta' pajjiżi membri ta' l-OECD esprimew l-opinjoni li l-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea isiru membri gradwalment u mhux kollha flimkien.
Sadanittant, Malta applikat ukoll biex tiġi kkunsidrata hħala 'Osservatur' fil-Kumitat dwar il-Kompetizzjoni fit-30 t'Awissu 2007.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk ir-rotta li mill-Fgura twassal lill-istudenti fl-iskola Ġuże' D'Amato f'Raħal Ġdid u lura hux qed tmur pjuttost tard jew tard ħafna meta tispiċċa l-iskola biex l-istudenti jmorru lura lejn id-dar? Jekk jirriżulta li huwa hekk, jista' jsir xi ħaġa fl-interess tat-tfal ħalli din is-sitwazzjoni ma tibqax?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola tispiċċa fis-2.15pm u li t-trasport kollu, li jinkludi it-trasport tal-Fgura, jkun telaq sas-2.30pm.
Minħabba li rċevejt numru ta' ilmenti minn numru ta' studenti u ġenituri ta' tfal li qed isegwu kors ta' l-IT fl-MCAST ma' xi waħda mill-kumpanniji li qed jiffru dan l-istess kors f'isem l-MCAST, li għandhom spazju ristrett kif ukoll nuqqas ta' faċilitajiet, jista' l-Ministru jara fiċ-ċirkustanzi x'inhu possibbli li jsir ħalli din is-sitwazzjoni tiġi mtejba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumpaniji li joffru korsijiet fl-IT lil studenti ta' l-MCAST għandhom ftehim ma l-MCAST u mal-Ministeru ta' l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika li jinkludi diversi kondizzjonijiet fosthom fuq l-ispazju u l-faċilitajiet.
Informat ukoll li l-MCAST jara li dawn il-kundizzjonijiet qegħdin jiġu segwiti. L-ilment ta' l-Onor. Membru qed jiġi investigat waqt iz-zjarat li jsiru lil dawn il-kumpaniji.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li NGO waħda biss minn dawk li jaħdmu fil-qasam ta’ persuni b’diżabilita` qed tiġi mgħejjuna mill-istat mill-vot allokat għall-inklużjoni? Hemm ħsieb li NGOs oħra wkoll jingħataw għajnuna mill-istat ġaladarba qed joffru servizz lil studenti b’diżabilita`?
Jista’ l-Ministru jgħid x’ġara mir-rapport tas-Sur Paul Attard u Dr Mark Gauci li kien sar wara l-mewta traġika ta’ student fi skola ġewwa Santa Venera? Jista’ jgħid x’rakkmandazzjonijiet ġew implimentati minnu u meta?
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet ta' missirijiet li telqu mid-dar minħabba li sseparaw (jew għal xi raguni oħra) u huma obbligati li jagħtu manteniment tat-tfal lil ex-mara tagħhom u mhux qegħdin jobdu d-deċiżjoni tal-Qorti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.