Jista’ l-Ministru jikkonferma li sar ir-rilaxx ta’ l-art mill-MIDI lill-gvern li tinsab ġewwa Manoel Island sabiex jinbena ground tal-football kif ukoll clubhouse li se jkunu għall-użu esklussiv tal-Gżira United FC u n-nursery ta’ l-istess club? Meta huwa maħsub li jibda’ x-xogħol fuq dan il-proġett? Jikkonferma li flimkien ma’ dan il-proġett hemm ukoll il-premises tar-Royal Malta Youth Club? Jekk iva, meta se jibda’ x-xogħol fuq dawn il-premises ħalli immedjatament wara jkun jista’ jibda dak tal-ground tal-football u l-clubhouse? Japprezza li fil-preżent il-club tal-football tal-Gzira United ma jistax jagħmel titjib u tiswijiet fil-ground preżenti, fosthom ta’ bini kkundannat, u għalhekk il-proġett huwa ta’ natura urġenti?
B'riferenza għal mistosija parlamentari 28284, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-istatistika ta' l-ICT ta' dawn l-aħħar tlett snin u jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li għad m'hemmx riżultat ta' l-eżamijiet li l-istudenti qagħdu għalihom f'Lulju? Meta ser joħroġ ir-rizultat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-sena 2004 u s-sena 2006 saru dawn l-ezamijiet ta' l-ECDL:
2004 (Lulju) 1552 studenti x 7 modules 10864 testijiet
2005 (Lulju) 937 student x 3 modules 2811 testijiet
(Novembru) 1037 student x 7 modules 7259 testijiet
2006 (Lulju) 1592 student x 7 modules 11144 testijiet
(Novembru) 1295 student x 7 modules 3885 testijiet
1029 student x 2 modules 2058 testijiet
TOTAL 38021 testijiet
B'referenza għall-ezamijiet ta' Lulju 2007 b'kollox kien hemm total ta' 9213 ezami u issa kollha huma kkoreġuti. Ir-rizultat huwa ppjanat li joħroġ għall-aħħar ta' Novembru.
Informat li għas-sessjonijiet li jmiss, li huma ppjanati għal Lulju li ġej, qed jittieħdu passi biex tibda titħaddem l-'automated testing system' li fost vantaġġi li tħaddan din is-sistema hija li l-kandidati kollha jkunu jafu kif marru ftit tal-ħin wara li jispiċċa l-ezami.
Jista' l-Ministru jgħid xi skala ta' salarji se jkollhom il-Precincts Officers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-iskala ta' salarji li se jkollhom il-Precincts Officers.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28557, peress li kien il-gvern stess li tkellem dwar prezzijiet li kienu għolja wisq u li allura dawk konċernati kienu qed jabbużaw, jaħsibx il-Prim Ministru li din hija rtirata minn dak li kien intqal u allura skuża biex ma jittieħdu l-ebda passi kontra min kien qed jieħu flus aktar milli kien imissu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hu żgur jaf li l-prezzijiet tal-prodotti mpurtati li bihom jinbiegħu f’pajjiżna jiddependi minn ħafna fatturi fosthom il-prezz li bihom jinxtraw mingħand il-manifatturi barranin.
Il-Gvern deherlu li l-prezzijiet ta’ ċertu mediċini fis-suq tagħna kienu għoljin u għalhekk waqqaf Kumitat tal-Mediċini bl-għan li tinstab sistema li biha il-prezzijiet jitbaxxew fejn ikun hemm bżonn. Din is-sistema qed tagħti l-frott tagħha billi fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-importaturi lokali qegħdin jagħmlu pressjoni fuq il-manifatturi barranin biex ibaxxulhom il-prezzijiet tal-mediċini mpurtati minnhom għal dak il-medju li bih jinbiegħu f’pajjiżi oħra Ewropej.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-ewwel sena tal-Junior College qed issir lezzjoni waħda biss tat-Technical Design minflokk it-tlett lezzjonijiet li suppost isiru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux il-gruppi kkollha ta' l-Intermediate Engineering Drawing and Graphical Communication fil-Junior College qegħdin jingħataw lezzjoni waħda. Fil-kaz tal-gruppi li sal-lum kienu qed jingħataw lezzjoni waħda fil-ġimgħa, dan jirrizulta li l-lecturer li ntagħzlet waqt interviews li saru f'Settembru, ħtieġilha taħdem in-notice fejn kienet impjegata qabel. Jirrizulta li m'illum l-istudenti kollha qegħdin jingħataw il-lezzjonijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid l-artijiet li kienu maħsuba biex ikunu parti mill-Freeport ġewwa Bengħajsa, Kalafrana limiti ta' Birzebbugia u issa l-Freeport u l-gvern jidhrilhom li m'għadx hemm il-bżonn aktar tagħhom, meta se jiġu rilaxxati u mgħoddija lura lill-persuni konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-artijiet li qed jirreferi għalihom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21801, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-VAT? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-għaqdiet jew persuni? Jista' jgħid kemm kien l-effett finanzjarju wara kważi sena jew inkella l-istima li kienet saret?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onoreveli Interpellant li applikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-VAT għall-qasam kulturali kien hemm ħdax. L-għaqdiet u persuni li għamlu t-talbiet fuq imsemmija mid-data tad-diskors tal-Budget għall-2007, huma dawn:
1. Educational Theatre Productions – żewġ applikazzjonijiet;
2. Fondazzjoni Patrimonju Malti;
3. Fondazzjoni Wirt Artna;
4. Gen Verde;
5. St Agatha’s Historical complex;
6. Danish Ballet;
7. Soċjetà Filarmonika Sliema;
8. Drama Troupes;
9. The Gozo Cathedral;
10. Din l-Art Ħelwa.
L-impatt negattiv ma jistax jiġi kkwantifikat għaliex is-soċjetajiet ma jibgħatux denunzji dwar dan id-dħul.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28211, jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija hija responsabbli mit-tindif fil-pixxina nazzjonali? Meta ngħata l-kuntratt? Kemm kien hemm kumpaniji li tefgħu l-offerti? Kemm tiswa l-offerta li ngħatat għal din is-sena sħiħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumpanija responsabbli hija 'Gafa' Saveway Ltd'. Il-kuntratt ingħata fit-28 ta' Marzu 2007. Għal dan it-tender intefgħu offerti minn 5 kumpaniji. Ir-rata ta' kull siegħa hija Lm 1.97 cents, 8 mils.
Jista' l-Ministrujgħid meta se jibda l-course part-time ta' l-IT li jismu Flash (beginners and advanced)? Jista' jgħid jekk hemmx xi courses oħra part-time li għadhom ma bdewx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni ħareġ l-applikazzjoni għall-courses kollha fil-15 ta' Ottubru 2007. Dawn il-courses ilhom jiġu organizzati dan l-aħħar 9 snin. L-għalliema kollha ta' l-istat u ta' l-iskejjel kollha privati jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz b'mod volontarju. Il-course Flash for Beginners jagħmel parti mil-lista sħiħa tal-courses provduti mid-Dipartiment. L-għalliema jistgħu japplikaw online fuq http://skola.gov.mt/courses/default.shtml. Għal aktar dettalji u informazzjoni dwar dawn il-courses jistgħu jidħlu fuq il-link provdut.
Informat ukoll li għal din is-sena il-courses se jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' Novembru, bil-kundizzjoni li jkun hemm numru sostanzjali ta' applikazzjonijiet għall-courses partikolari.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux xi transfers ta' għalliema mid-Dipartiment għal ġo l-iskejjel u dawn it-transfers ġew imwaqqfa u mibdula biex tiġi aġevolata xi qariba tal-Ministru li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid liema proċedura ntużat f'dawn it-transfers u jekk din il-proċedura hijiex skond in-norma li tintuża s-soltu, jiġifieri by seniority hekk kif maqbul ma' l-MUT?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-posting ta' l-għalliem konċernat sar biss biex jiġu aġevolati l-istudenti konċernati.
Jikkonferma l-Ministru li fit-30 ta' Ottubru 2007, grupp ta' studenti mill-iskola primarja Guze Bonnici ta' tas-Sliema għamlu żjara edukattiva fil-palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu fejn kien għaddej xi xogħol ta' żebgħa u kien hemm inċident fejn iż-żebgħa xterdet fuq it-tfal? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ma waqafx f'dak il-ħin li bdiet iż-żjara? X'kumpens ser jieħdu l-ġenituri li se jkollhom jixtru ħwejjeġ ġodda, inkluż l-uniformijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-30 ta' Ottubru, 2007, grupp ta' studenti għamlu zjara edukattiva fil-Palazz ta' l-Inkwizitur ġewwa l-Birgu. Din iz-zjara kienet ibbukkjata minn jiem qabel u l-iskola ma kellha l-ebda informazzjoni li kien għaddej xi xogħol ta' zebgħa fuq il-post. Informat li numru ta' tfal iċċapsu biz-zebgħa u informat li l-uniformijiet, basktijiet u zraben li ċċappsu kienu ser jiġu kompensati jew bi flus jew bl-istess oġġetti fuq imsemmija. Saret lista bl-ismijiet tat-tfal u kull oġġett li ċċappas, biex dan jitwettaq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn mindu beda s-servizz ta' Childnet kemm-il rapport ressqu l-Aġenzija Appoġġ lill-Pulizija rigward abbużi fuq l-internet? X'passi ttieħdu mill-pulizija dwar dawn ir-rapporti? Kemm kien hemm persuni li tressqu quddiem il-Qorti minħabba dan ir-reat gravi u x'sentenzi ngħataw mill-ġudikatura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena il-Pulizija rċeviet 29 rapport mill-Aġenzija Appoġġ dwar rapporti li kienu waslu għandha permezz tal-hotline (179) fuq allegati abbużi ta' tfal fuq l-internet. Wara li dawn ir-rapporti kollha ġew investigati mill-Pulizija, ma rriżultax li kien hemm lok għall proċeduri kriminali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W426 u jgħid min huma l-persuni li ġew magħżula biex ikunu ż-żewġ Direturi Ġenerali? Kemm applikaw nies u min kienu? Minn min kie magħmul il-board ta' l-għażla? Jista' jgħid kemm se jkun il-ħlas u l-benefiċċji tagħhom bħala Diretturi Ġenerali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess għall-ħatra ta' Direttur Ġenerali fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DSE) u ta' Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) għadu mhux konkluz u għaldaqstant it-tagħrif rilevanti jingħata fi stadju ulterjuri.
Għall-kariga ta' DSE applikaw disa’ persuni, waqt li għad-DKSE, applikaw tmienja. Qed nagħti l-ismijiet ta’ l-applikanti billi npoġġi l-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Board ta’ l-Għażla kien magħmul minn dawn il-persuni:
- Is-Sur Frans Borg, Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol bħala Chairperson ;
- Is-Sur Joe Ebejer, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, Membru ;
- Is-Sur Paul Attard, President tal-Board tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST, Membru ;
- Dr Valerie Sollars, Dekan tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta, Membru u
- Is-Sur Joe Tong, Direttur għas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Kommunikazzjoni, Membru, bħala rappreżentant tal-Management and Personnel Office.
Il-ħlas u l-benefiċċji ta’ dawn iż-żewġ karigi ikunu magħrufa darba jsiru l-kuntratti ta' ingaġġ relattiv.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W427 u jgħid jekk l-istudenti intalbux iħallsu għal ġagaga u n-nuċċali li jintuża waqt is-suġġetti tax-xjenza fl-iskejjel sekondarji u fil-Junior Lyceums?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel l-istudenti ma ntalbu jixtru xejn. F'ċerti skejjel oħra l-istudenti ntalbu jixtru l-ġagaga jew in-nuċċali biex kulħadd ikollu waħda personali minħabba iġene.
Peress li rċevejt ilmenti minn ġenituri li wliedhom imorru l-iskola primarja ta' Lija/Balzan dwar il-fatt li l-iskola tiftaħ biss fit-8.20 ta' filgħodu biex jiddaħħlu t-fal, jista' l-Ministru jara li l-iskola tinfetaħ aktar kmieni biex it-tfal ma jibqgħux barra fi triq pubblika bil-perikli kollha li hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex waqt il-ħinijiet ta' dħul u ħruġ mit-tfal mill-iskola primarja Lija/Balzan fi Triq Robert Mifsud Bonnici xorta jitħallew igħaddu karozzi tal-linja minkejja li din it-triq suppost tkun magħluqa għat-traffiku u jkun hemm warden preżenti? Jista'jgħid ukoll għaliex vetturi tal-ġenituri jitħallew jipparkjaw quddiem l-iskola u ġieli anke double parking u dan ukoll huwa ta' periklu għat-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li qed ikun hemm preżenza ta' Gwardjan Lokali mgħejjun mill-Pulizija tad-distrett u tat-Traffiku fil-post imsemmi fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola. L'imsemmija karozzi tal-linja huma privates u mini-buses li jitħallew quddiem l-iskola sabiex it-tfal ma jitħallewx jiġru fit-triq biex isibu t-trasport. It-traffiku ġeneralment huwa osservat li jkun taħt kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saru spezzjonijiet fl-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u tal-privat f'din is-sena skolastika biex jiġi zgurat li mit-tuck shops/canteensta' l-iskejjel qed jinbiegħu biss ikel u xorb li jgħin is-saħħa tat-tfal? F'kemm-il skola sar dawn l-ispezzjonijiet? Instabu xi rregolaritajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Healthy Eating Lifestyle Plan (HELP) ġiet introdotta din is-sena u skond il-pjan imfassal fiha, l-iskejjel iridu jibdew jikkonformaw magħha minn Jannar 2008.