Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar petizzjoni li saret minn studenti ta' l-MCAST (Part 66 Cat A Aircraft Maintenance Licence) dwar il-kundizzjonijiet tagħhom ta' matul is-sena waqt l-on job training?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li jġibu l-petizzjoni għall-għarfien tiegħi.

Laboratorji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28599, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra t-tagħrif dwar il-laboratorji tax-Xjenza u l-Lingwi li kienet għadha qed tiġi miġbura? Jista' jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa matul is-sena 2007 fuq il-laboratorji l-ġodda li nbnew u liema kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent jinbnew il-laboratorji meħtieġa tal-Bioloġija, Kimika u Fiżika fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew.

MCAST

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28600, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed joġġezzjona li jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-master plan tal-campus l-ġdid ta' l-MCAST? Barra minn hekk, jista' jagħti breakdown dettaljat ta' kif huwa maħsub li jintnefqu l-Lm50 miljun li ssemmew b'rabta ma' dan l-istess proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju ma għandi xejn x'inzid mat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 26521, 28600 u Paper Laid Numru 6871.

Sistema ta' awditjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex ikollha sistema ta' awditjar akkademiku u amministrattiv serju? Jista' jgħid ukoll għalfejn l-evalwazzjoni ta' l-istudenti kienet intemmet ħesrem u għaliex s'issa għad m'hemmx mekkaniżmu kif l-istudenti jesprimu ruħhom dwar it-tagħlim ta' l-akkademiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-ġimgħat li ġejjin, l-Universita' sejra tibdel is-sistema prezenti ta' awditjar tal-programmi akkademiċi tagħha għal waħda bbazata fuq prattiċi moderni simili għal dawk adottati f'universitajiet oħra ewropej. Is-sistema l-ġdida se tinvolvi proċeduri rigoruzi li bihom, fost affarijiet oħra, korsijiet ġodda jiġu verifikati qabel jiġu adottati, filwaqt li korsijiet li diġa' jezistu jiġu evalwati perjodikament. Biex jista' jsir dan, diġa ddaħħlu proċeduri akkademiċi u amministrattivi ġodda bl-għajnuna ta' staff amministrattiv li ġie dedikat apposta għal dan il-għan. Fost il-proċeduri li se jifformaw parti integrali mill-mekkanizmi ta' l-awditjar akkademiku, l-Universita' se terġa tintroduċi l-evalwazzjoni tat-taqsimiet ta' studju. Dan se jsir permezz ta' formoli li se jimtlew mill-istudenti b'sistema on-line. B'hekk xi problemi li setgħu nħolqu fil-passat meta kien sar dan l-ezerċizzju bl-uzu ta' karti li kienu jimtlew manwalment mill-istudenti jiġu evitati. B'din is-sistema l-ġdida, ir-risposti ta' l-istudenti jkunu magħrufa mill-għalliema u mill-amministrazzjoni immedjatament kif l-istudenti jibgħatuhom. Dan ma jfissirx li prezentement l-Universita' ma għandiex sistemi effettivi ta' kontroll tal-kwalita'. Ta' min ifakkar li fit-tul tas-snin l-Universita' dejjem stiednet ezaminaturi barranin biex mhux biss jieħdu sehem fil-proċess ta' l-ezamijiet, imma wkoll jagħtu rapport dwar l-evalwazzjoni tagħhom tal-korsijiet. Kostantement, dawn ir-rapporti indikaw li l-korsijiet ta' l-Universita' ta' Malta jilħqu l-ogħla livelli u jikkomparaw sew ma' dawk ta' l-aħjar universitajiet internazzjonali.

Postijiet diċenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Univerista' ta' Malta kemm kien hemm letturi li ma ħadux il-performance bonus s-sena l-oħra? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex il-letturi u l-amministraturi kollha jkollhom post diċenti minn fejn joperaw, il-laboratorji u l-ħwienet tax-xogħol ikunu ta' standard internazzjonali, l-librerija tkun denja ta' l-Universita' li tirriċerka u l-arti espressiva ma tibqax tiddobba b'garaxx misluf mill-amminsitrazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Association of Commwealth Univeristies

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' hux kuntenta bl-effiċjenza ta' l-Association of Commonwealth Universities rigward il-promozzjonijiet ta' l-akkademiċi u jekk hux qed taħseb f'alternattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Regoli dwar id-doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati r-regoli dwar id-doping f'pajjiżna li suppost ilhom lesti ż-żmien? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta x-xogħol fuq dawn ir-regolamenti ilu lest żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport lesta x-xogħol fuq ir-regolamenti tad-doping f'pajjizna u aġġornahom fuq linji gwida ta' l-aġenzija internazzjonali relattiva, dawn ir-regolamenti issa jinstabu fl-aħħar fazi ta' tħejjija għall-pubblikazzjoni kif titlob il-liġi.

Suġġett tax-xjenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28612, jista' l-Ministru jgħid jekk allura fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel li l-istudenti ma ġewx mitluba biex jixtru ġagaga u/jew nuċċali minħabba s-suġġett tax-xjenza mhux qed iħarsu l-iġene ta' kull student/a? Jista' jgħid ukoll jekk l-iskejjel għandhomx jipprovdu huma dawn l-affarijiet jew inkella jħallsu għalihom l-istudneti permezz tal-ġenituri tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġagaga u/jew nuċċali jiġu wzati meta l-istudenti jkollhom s-suġġett tal-Kimika. Infomat ukoll li l-kriterju li jintuza għax-xiri tal-ġagaga huwa l-istess bħal dak għax-xiri ta' l-uniformi u tal-PE kit.

Gżira — Allokazzjoni ta' ground

Question

Jikkonferma l-Ministru li f’dawn l-aħħar erba’ snin saru laqgħat bejn Gżira United FC u l-Kunsill Malti għall-Isport dwar l-allokazzjoni ta’ ground tal-football u clubhouse ġewwa Manoel Island? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ftehim bil-miktub jew bil-fomm dwar din l-istess allokazzjoni lill-club tal-football tal-Gżira United? Jekk dan ma jeżistix, saru xi diskussjonijiet ma’ min huwa responsabbli mill-proġett ta’ Manoel Island, fosthom il-MIDI u/jew il-Ministeru għall-Izvilupp Urban u Toroq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS kellu laqgħat ma’ Gzira United FC dwar il-ground ta’ Manoel Island. Informat ukoll li l-ground ma ġiex mogħddi lill-istess KMS mill-Kummissarju ta' l-Artijiet.

Aġenzija Appoġġ — Programm REACH

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta twaqqaf il-Programm "REACH" mill-Aġenzija Appoġġ? Kemm-il tifel u tifla ħadu sehem f'dan il-programm minn mindu beda? Kemm minn dawn it-tfal waslu biex kisbu "School Leaving Certificate"? Kemm-il siegħa xogħol twettqu mill-impjegati ta' l-Aġenzija Appoġġ biex jiġu megħjuna tfal biex jirritornaw l-iskola u ma jibqgħux ifallu mingħajr ebda raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Programm ‛REACH’ twaqqaf bħala proġett pilota fl-2005 u s’issa ħadu sehem fih madwar 50 tifel u tifla. Mit-33 student tal-Ħames Sena li ħadu sehem, kien hemm 32 li kisbu School Leaving Certificate. Ninsab infurmata wkoll li l- Learning Mentors u l- Family Workers għamlu madwar 1,729 u 219 siegħa xogħol rispettivament.

Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' tistax tiggarantixxi li l-informazzjoni rigward korsijiet li se jibdew f'Ottubru 2008 tasal għand l-istudenti attwali u prospettivi b'mod sħiħ, permenanti u mill-anqas tmien xhur qabel il-bidu tas-sena akkademika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet li jiftħu regolarment huma magħrufa u dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza assoluta tal-korsijiet. Korsijiet ġodda u korsijiet li jiftħu minn zmien għal zmien jkunu mħabbra appena jkunu finalizzati l-proċessi kollha, inkluz proċessi ta' assikurazzjoni ta' kwalita' u ta' rizorsi. L-Universita' tqis li ma jkunx sew u ma jaqbel għal ħadd li l-Universita' tintrabat li ma toffrix kors jekk ma tkunx f'pozizzjoni li tħabbru sa minn tmien xhur qabel.

Allokazzjoni ta' kmamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' tistax tiggarantixxi li l-allokazzjoni tal-kmamar tasal għand l-letturi u l-istudenti ferm qabel il-prattika attwali ta' tliet ijiem qabel ma tibda s-sena akkademika? Tista' l-Universita' tiggarantixxi li jonqsu l-ammont esaġerat u inġustifikat ta' clashes fit-timetables ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li l-Universita' tirrikonoxxi li minħabba n-natura u l-kumplessita' tat-timetables jistgħu jirrizultaw clashes fil-bidu tas-sena, assolutament mhux korrett li wieħed jgħid li hemm ammont esaġerat u inġustifikat ta' clashes. B'danakollu l-amministrazzjoni tkompli tagħmel l-almu tagħha biex sa fejn hu possibli ikunu eliminati il-clashes kollha.

Studenti internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet ta' l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex tkabbar n-numru ta' studenti internazzjonali li jħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' beħsiebha tkabbar in-numru ta' studenti internazzjonali li jħallsu billi toffri dejjem aktar degrees ta' kwalita' li jkunu jkopru materji meqjusa cutting edge. Din l-enfasi fuq tagħlim ta' kwalita' se jkun akkumpanjat minn kampanja pubbliċitarja f'numru ta' swieq bħaċ-Ċina, il-pajjizi ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Golf Għarbi. Dan se jseħħ fost l-oħrajn permezz ta': (i) parteċipazzjoni f'diversi fieri dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-reġjuni msemmija (ii) numru akbar ta' aġenti f'dawn il-pajjizi li jirreklamaw il-prodott li toffri l-Universita' (iii) uzu effettiv tal-website il-ġdida ta' l-Universita' li għadha kif ġiet imnedija. L-Uffiċċju Internazzjonali ta' l-Universita' diġa' pproduċa materjali pubbliċitarji ġodda fix-xhur li għaddew fosthom brochures u kif ukoll DVD's bl-iskop li tissaħħaħ il-kampanja pubbliċitarja ta' l-Universita'. Ta' min wieħed isemmi ukoll li parti mill-isforz ta' l-Universita' li tattira aktar studenti li jħallsu se jiffoka fuq numru ta' Masters Degrees li se jiġu offruti mill-Universita' ta' Malta flimkien ma' l-universitajiet barranin ta' reputazzjoni tajba. Fost dawn it-tip ta' degrees wieħed jista' jsemmi id-dual degree Masters fl-Immaniġġjar Sostenibbli tar-Rizorsi Ambjentali li ġie mniedi fit-2 ta' Novembru mill-Universita' ta' Malta u l-James Madison University ta' l-Istati Uniti. Dawn it-ttip ta' Masters għandhom jinteressaw ferm lil studenti internazzjonali peress li joffru ċertifikazzjoni Maltija (u allura Ewropea) flimkien ma' ċertifikazzjoni Amerikana f'materji ta' interess kbir fid-dinja kontemporanja.

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Universita' biex tħarreġ lill-akkademiċi tagħha fil-pedagogija, l-assessjar, il-preparazzjoni ta' riżorsi u l-użu effettiv tat-teknoloġija?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Vandaliżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet ta' l-Universita' dwar vandaliżmu li sar ġewwa dik li hija magħrufa bħala l-istudent house proprju fejn kien hemm l-uffiċċju ta' l-istudenti demokristjani Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond informazzjoni mingħand il-KSU, li allokat l-uffiċċju msemmi, ma jidhirx li sar xi vandalizmu.
Leg 10 PQ #28781 Sitting 589 2007-11-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Forti Sant'Iermu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-Forti Sant'Iermu anke fid-dawl li l-Akkademja tal-Pulizija se tiċċaqlaq minn hemm? Meta se jibda jsir xi xogħol ta' restawr fih u x'użu se jkollu wara li jsir dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Teatru Rjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern dwar is-sit tat-Teatru Rjal? Meta ser isir ix-xogħol maħsub, jekk inhu l-każ, u kemm huwa maħsub li jiġi jiswa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Technical Design

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi provduta persuna biex tgħallem it-Technical Design lill-istudenti tal-Form 2 ġewwa l-Junior Lyceum Santa Tereża, l-Imrieħel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-prezent m'għadx hemm ebda nuqqas ta' għalliem/a tat-Technical Design fil-Junior Lyceum tal-bniet ta' l-Imrieħel. Informat li l-vakanza li kien hemm imtliet fil-25 ta' Ottubru 2007.

Gzira United FC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’laqgħat saru ma’ Gzira United FC dwar il-ground tal-football li se jkollhom f’isimhom ġewwa Manoel Island? Meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx xi abbozz ta’ ftehim dwar l-allokazzjoni tal-ground tal-football? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ma kien hemm l-ebda laqgħa uffiċjali mal-Gżira United Footbal Club dwar il-ground tal-Football u ma sar l-ebda abbożż ta’ ftehim dwar l-allokażżjoni ta’ l-istess football ground.