Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni l-Heavy Plant Section ġewwa St Andrews qed tiġi żarmata ftit ftit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Primarjament, nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li għall-kuntrarju ta’ dak li huwa semma’ fil-Mistoqsija Parlamentari, l-Plant Troop li tinsab f’St Andrews mhijiex qed tiġi żarmata ftit ftit. Fl-istess ħin, nixtieq nassigurah li m’hemm l-ebda ħsieb li din it-Truppa jew Section ta’ l-Iskwadra ta’ l-Inġinieri tat-tielet Reġiment ta’ l-Armata tiġi żarmata b’xi mod. Mhux talli hekk, imma qed jittieħdu passi biex in-nies li jiffurmaw din it-Truppa jkomplu jiġu mħarrġa fis-snajja tagħhom u li t-tgħamir li jużaw fix-xogħol tagħhom jiġi mtejjeb skond il-bżonnijiet minn żmien għal żmien, u l-fondi disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-Resource/Book Production Unit ġiet sparpaljata u żarmata? Min qed jagħmel ix-xogħol li din is-sezzjoni kienet qed tagħmel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-teknoloġija tal-lum irrendew il-funzjoni ta' din it-taqsima bħala mhux daqstant importanti. Infatti l-uniku xogħol li jsir huwa l-Eduforum u l-Warrants. Il-parir hu li l-produzzjoni ta' materjal stampat hi aktar effettiva mill-punto di vista ta' zmien u nefqa jekk wieħed jixtri l-materjal meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'effett ħalla fil-bini tal-kumpless Robert Sammut Hall ġewwa l-Furjana x-xogħol strutturali u x-xogħol ieħor li sar f'dan il-kumpless speċjalment fis-sala?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi impressed mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Kemm minnhom huma karozzi, trakkijiet jew vannijiet? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-ħlas skond il-kategorija tal-vettura? Meta sar l-aħħar audit ta' dawn il-vetturi u x'kien ir-riżultat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema impressed twaqqfet f'Settembru 2000, u x-xufiera impressed saru ħaddiema regolari bħala labourers b'effett mill-1 ta' Ottubru 2000.
Informat ukoll li fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni hemm tnax-il vettura impressed. Minn dawn hemm erba' trakkijiet fuq tliet tunnellati, erba' trakkijiet ta' tliet tunnellati, vann wieħed, u tliet karozzi.
Il-ħlas tal-vetturi skond il-kategorija hu kif ġej:
A) Trakk fuq 3 tunnellati Lm5.673 kuljum
B) Trakk ta' 3 tunnellati Lm5.517 kuljum
Ċ) Vann Lm2.978 kuljum
D) Karozza 5/6 seater Lm3.038 kuljum
E) Karozza 4 seater Lm2.978 kuljum.
Il-proċess ta' verifika jsir b'mod regolari mill-kapijiet tas-sezzjonijiet u mill-uffiċjali tad-Divizjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li xogħol li qed isir fil-playing field/multi purpose area ġewwa Hal Luqa (qrib il-Mambra) qed isir mill-FTS meta dan ma jinsabx ġewwa skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett tal-Luqa Outdoor Sport Facility huwa proġett tal-KMS. Il-KMS talbet l-għajnuna tal-FTS fir-rigward li jsiru d-dokumenti kollha neċessarji għall-ħruġ ta’ tenders rispettivi. Dan għaliex l-FTS għandhom l-esperenzja f’dan ir-rigward u fl-istess ħin il-KMS ma kelliex bzonn taħtar konsultenti esterni.
Jista' l-ministru jgħid x'tip ta' audit qed isir fid-Dipartiment tal-Planning and Development? Min qed jagħmel dan l-audit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-audit li qed isir fid-Dipartiment tal-Planning and Development huwa fuq it-Teknoloġija ta' l-Informatika u għandu t-titlu ta' Entity Level Controls and Business Continuity. Ta' min isemmi li dan l-audit qed isir fid-Dipartimenti kollha tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dan l-audit qed jagħmli l-Uffiċċju ta' l-Awditur Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn ħames għalliema li għamlu sentejn kors fl-Univerista' ta' Malta li jismu Post Graduate Diploma in Education (Inclusion and Individual Education Needs in Primary Schools) ġaladarba mhux se jiġu maħtura fis-sejħa li saret? Kemm se jintgħażlu għax instab li kienu ineleġibbli minħabba klawsola fis-sejħa li saret? Kemm se jintgħażlu INCOs u kemm applikaw? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt li dawn it-talin flimkien ma' għaxar għalliema oħra kienu ġew mitluba jiffirmaw sabiex jagħmlu dan il-kors imsemmi hawn fuq u li kien ffinanzjat mill-UE?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-post ta' INCO applikaw 17. Minnhom kienu eliġibbli 11 u dawn kollha ġew intervistati. Meta joħroġ ir-riżultat jiġu assenjati skond il-ħtiġijiet tas-servizz. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ffirmaw dawk kollha li ngħataw borża ta' studju.
Informat ukoll li l-ħames għalliema li għamlu sentejn kors fl-Universita' ta' Malta li jismu "Post Graduate Diploma in Education (Inclusion and Individual Education Needs in Primary Schools)" ħadu t-taħriġ tagħhom matul il-jum u għaldaqstant huma marbutin li jservu lid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi skond l-esiġenzi tas-Servizz għall-perjodu ta' ħames snin skond kif inhu indikat fil-kuntratt.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali tas-sena 2006 flimkien ma' l-audited accounts?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali tippubblika rapporti bi-annwali għal-kull waħda mit-tliet Aġenziji li jaqgħu taħtha. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ l-aħħar rapporti ppubblikati. Ninsab infurmata wkoll li r-rapport bi-annwali li jkopri s-snin 2005-2006 ta’ l-Aġenzija Sedqa qiegħed fl-aħħar fażi biex jiġi ppublikat.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-
Audited Accounts
tal-Fondazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-użu fil-preżent tal-kumpless Robert Sammut Hall ġewwa l-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumpless Robert Samut Hall fil-Floriana kiseb post importanti fl-għazla mill-awtoritajiet edukattivi, Ministeri, aġenziji pubbliċi u NGO's bħala post għal seminars, konferenzi, wirjiet u attivitajiet kulturali. Barra minn hekk jintuza wkoll għal inizjattivi ad hoc kif qed isir bħalissa fit-tħejjija għat-twaqqif tal-Kunsill ta' l-Għalliema.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie magħżul is-Sur Mauro Pace Parascandolo biex imexxi l-EUPA?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sur Mauro Pace Parascandolo ġie 'detailed' bħala Uffiċjal Pubbliku mal-European Union Programme Agency b'effett mill-4 ta' Mejju 2007 għal perjodu indefinit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ex-Direttur Ġenerali Dr Cecilia Borg ġietx mogħtija xi kariga, rwol jew xogħol wara li spiċċat bl-eta'? X'inhu dan ix-xogħol li ġiet mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dr Cecilia Borg, l-ex Direttur Ġenerali, nħatret Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu ħsieb dak kollu li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni ta' l-ewwel elezzjoni ta' l-erba' għalliema reġistrati kif titlob il-liġi u cioe' Taqsima III ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni kif emendat fl-2006 li tipprovdi għat-twaqqif ta' Kunsill dwar il-Professjoni ta' l-Għalliema.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern mill-VAT s'issa matul din is-sena? Kemm-il persuna ttelgħet l-Qorti għaliex wagħqet lura fil-ħlas tal-VAT? Kemm huwa kkalkulat li kien dan l-ammont li għandu jieħu l-gvern fil-31 ta' Ottubru 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li daħħal il-Gvern mill-VAT s’issa matul din is-sena kien ta’ Lm149,620,580.
Id-dipartiment tal-VAT itella’ l-Qorti biss nies li ma jibgħatux id-denunzji tat-taxxa, u minnhom, sa Ottubru 2007 kien hemm 3486. Sadanittant, rigward ħlas lura tal-VAT, id-dipartiment jieħu azzjoni legali permezz ta’ ittri ġudizzjarji u jagħmel anke mandat ta’ sekwestru fejn jidhirlu xieraq.
Sal-31 ta’ Ottubru 2007, l-ammont li kellu jieħu l-Gvern bħala arretrati ta’ VAT meta tneħħi l-istimi ta’ taxxa maħruġa meta ma tintbagħatx id-denunzja tal-VAT, kien ta’ Lm3,166,433.
Nixtieq nikjarifika illi l-ammont tad-dħul gross mill-VAT sa l-aħħar t’Ottubru 2007 kien ta’ Lm186,970,765. Pero’, tħallsu Lm37,350,185 bħala rifużjonijiet u għalhekk id-dħul nett kien ta’ Lm149,620,580.
Jista' l-Prim Ministru jgħid s'issa matul din is-sena kemm kien hemm ħwienet, ristoranti eċċ li nqabdu li ma ħarġu irċevuti tal-VAT u f'liema lokalitajiet kienu? X'passi ttieħdu? Kemm kien hemm persuni li twaqqfu huma u ħerġin wara li jkunu xtraw xi prodott u ma kellhomx irċevuta tal-VAT? X'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar 2007 sal-lum kien hemm 588 persuna li nqabdu ma joħorġux irċevuta fiskali, li l-irċevuta ma kenitx kif titlob il-liġi jew li ma żammewx kopja ta’ l-irċevuta. Dawn kienu fil-lokalitajiet kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-passi li ttieħdu matul is-sena 2007 konċernati dawn il-persuni huma l-istess proċeduri li dejjem ittieħdu mill-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud f’ċirkostanzi simili. Dan ifisser li meta n-nuqqas ikun wieħed li jista’ jiġi kwalifikat taħt artikolu 84(3) ta’ l-Att tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-persuna tiġi nnotifikata sabiex tħallas multa li fl-ewwel istanza tammonta għal mitt lira Maltin. F’dawk il-każijiet li din il-miżura ma tistax tiġi konċessa u / jew ma tiġix imħallsa għal kwalunkwe raġuni, dawk il-persuni jittellgħu l-Qorti fejn ikunu suġġetti għall-multi kontemplati taħt artikolu 77 ta’ l-Att.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ispetturi jew ikunu waqqfu lill-klijent li ma jkollux irċevuta jew ikunu osservaw illi ma nħarġitx irċevuta waqt il-bejgħ. Għalkemm il-klijenti huma obbligati skond partita 12 tat-Tlettax-il Skeda li jżommu l-irċevuta għal erbgħa u għoxrin siegħa, mhix il-prassi tad-Dipartiment li ttieħed xi azzjoni kontra l-klijenti jew dawn ma jkollhomx l-irċevuta.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm kien hemm persuni li nqabdu jaħdmu għalkemm kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Minn liema lokalitajiet kienu? X'kienu x-xogħlijiet li kienu qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W366, tista' l-Ministru ġentilment terġa' tara ftit il-każ tal-persuna msemmija fil-mistoqsija oriġinali minħabba li meta l-istess persuna staqsa lid-dipartiment dawn qalulu li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari hija skorretta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nigbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Numru W366 ma kienetx dwar xi persuna specifika izda dwar informazzjoni generali biex persuna tikkwalifika ghall-Ghajnuna tal-Mard imhallsa taht l-Att dwar is-Sigurta Socjali.
Ninsab infurmata li t-taghrif moghti bhala Twegiba ghal dik il-Mistoqsija hu korrett.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna li qed jaghmel referenza ghaliha li taghmel applikazzjoni ghal din l-ghajnuna biex tikkonferma jekk ghandiex dritt jew le ghall-ghajnuna.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jgħix u/jew juża l-farmhouse li tinsab fl-Universita` ta’ Malta? X’inhu l-użu tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Campus ta' l-Universita' tal-Qroqq hemm aktar minn farmhouse waħda. Waħda minn dawn hija is-sede tad-Dipartiment ta' l-Arkeoloġija u Studji Klassiċi, oħra hija is-sede ta' l-Istitut ta' l-Agrikoltura, it-tielet waħda hija s-sede ta' l-Istitut tal-Mediterran u topera wkoll minn hemm il-Fondazzjoni Temi Zammit minħabba ir-rabta ma' l-Istitut tal-Mediterran. M'hemm ħadd jgħix fl-ebda waħda minn dawn il-farmhouses. Hemm farmhouse oħra viċin il-Kumpless Sportiv li prezentament hija okkupata minn persuna bla ebda titolu fuqha. Dan il-kaz qed jiġi trattat b'mod legali.