Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kordin — Football ground

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28962 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Industrija, Investiment u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi pjanijiet hemm għall-ground tal-football magħruf bħala s-C ground ġewwa Kordin li jidher li huwa mmarkat għal żvilupp industrijal? Jista' jiġi kkunsidrat li dan il-ground jibqa' jintuża għal skop ta' sport u jigi wkoll mogħti, bil-proċedura parlamentari tas-soltu, lit-tim tal-football li qed jagħmel użu minnu fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-C ground f'Kordin, li jinsab faċċata tat-tennis courts, huwa kopert bil-policy GI10 tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir li tipproteġi dan is-sit għal użu ta' sport sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa għal aktar art għal użu industrijali. Peress li l-ground qiegħed fil-qalba ta' żona industrijali u hemm faċilitatjiet sportivi oħrajn f'Kordin li ġew imħarsa minn żvilupp alternattiv, il-policy qed tippermetti li dan is-sit jiġi żviluppat għall-industrija.

Xogħol strutturali

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29098, minħabba li jidher li xi effett kien hemm, jista’ l-Ministru jgħid x’kien dan l-effett? Jikkonsidra li jitlob li xi perit jagħmel spezzjoni fuq il-post ħalli jirrapporta lura lill-Parlament dwar effett strutturali li kien hemm fil-bini tal-kumpless Robert Sammut Hall?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma nafx li jirrizulta xi effett partikolari, talbt li niġi informat minn min għandu l-kompetenza biex jagħtini t-tagħrif meħtieġ biex inkun nista' nagħti tweġiba f'xi Seduta.

Forti Sant'Iermu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28986 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u jgħid x'se jiġri mill-Forti Sant'Iermu anke fid-dawl li l-Akkademja tal-Pulizija se tiċċaqlaq minn hemm? Meta se jibda jsir xi xogħol ta' restawr fih u x'użu se jkollu wara li jsir dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li il-Forti Sant'Iermu huwa wieħed mill-proġetti li l-Gvern ħejja pjan ta' azzjoni mhux biss għall-Fort Sant'Iermu iżda kif ukoll għall-inħawi tal-madwar. Il-gvern studja l-possibilitajiet tal-Brief li għandu jiġi rivedut u qed jara l-kumpless bħala sistema waħda minn strateġija integrata għall-arja tal-port kollu.

Karozzi impressed

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29099, minħabba li fit-tweġiba qed jingħad li verifika ssir b’mod regolari, u peress li fit-tweġiba oriġinali kont staqsejt dwar x’irriżulta, jista’ l-Ministru ġentilment jagħti din l-informazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet tas-Sezzjonijiet u Uffiċjali tad-Direttorati ta' l-Edukazzjoni jirrapurtaw mill-ewwel jekk jinnotaw xi irregolaritajiet fis-sistema ta' l-impressed vehicles u l-passi neċessarji li jkun hemm bżonn jittieħdu mill-ewwel.

Teatru Rjal

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28987, jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali tal-Gvern dwar l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal mingħajr ma jiddejjaq fil-każ jirrepeti dak li qed jintqal li diġa' ġie espress f'okkażjonijiet differenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant dwar l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal ma hemm xejn ġdid fuq dak li rrispondejt f’mistoqsijiet preċedenti.

Luqa — Playing field

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29100, jista’ l-Ministru jgħid fejn il-KMS qed jippjana u jaħseb li se jagħmel proġetti simili għal dak ta’ Ħal Luqa fil-futur qarib? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa stmat li se jqum dan ix-xogħol li qed isir Ħal-Luqa? Kif ġie deċiż li din il-playing field issir Ħal-Luqa? Xi kriterji ntużaw għal din l-għażla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġett tal-Luqa Outdoor Sport Facility huwa proġett tal-KMS. Il-KMS inkarigat l-FTS biex isiru d-dokumenti kollha neċessarji għall-ħruġ ta' tenders rispettivi peress li l-FTS għandha l-esperjenza f'dan ir-rigward u fl-istess ħin il-KMS ma kellhiex bzonn taħtar konsulenti esterni. L-FTS ġiet inkarigata wkoll twettaq il-project management tal-proġett.

Zejtun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-ADT u/jew il-ministeru se jieħdu xi tip ta' azzjoni dwar Triq President Anton Buttigieg fiż-Żejtun speċjalment fid-dawl ta' sottomissjonijiet li l-kunsill lokali fiż-Żejtun għamel xi żmien ilu? Huwa konxju li persuna mietet u numru ta' persuni oħra ġew milquta minn karozzi f'din l-istess triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

EUPA

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29094, jista’ l-Ministru jgħid xi jfisser meta qed jgħid li ġie 'detailed' is-Sur Mauro Pace Parascandolo? B’dan qed ifisser li ma saret l-ebda sejħa għal dan il-post, imma ġie magħżul direttament mill-Ministru għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid x’kien ix-xogħol tas-Sur Pace Parascandolo qabel ma ġie ‘detailed’ għal dan ix-xogħol? Kemm qed jitħallas fil-preżent u kemm kien qed jitħallas fix-xogħol li kellu qabel? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-allowance u l-perkaċċi l-oħra li ġew mogħtija lilu minħabba l-pożizzjoni li ġie magħżul għaliha?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-detailing huwa proċess amministrattiv li bih uffiċjal pubbliku jiġi assoċjat xogħol li jkun jeħtieġ fis-servizz. Informat li s-Sur Mauro Pace Parascandolo hu għalliem bill-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema. Bħala Natioanl Co-ordinator ta' l-EUPA, is-Sur Pace Parascandolo qiegħed fuq skala 5. Fil-kuntratt ma hemmx fringe benefits u dan l-uffiċjal tilef il-vakanzi kollha ta' għalliem u hu suġġett għall-ġranet u ħinijiet ta' xogħol bħall-uffiċjal pubbliku fis-servizz ġenerali. Informat ukoll li d-differenza bejn il-salarju ta' grad sostantiv u s-salarju fil-pożizzjoni jitħallas bħala allowance mhux pensjonabbli.

Studenti li ma jattendux skola

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28899 dwar studenti li m'attendewx skola sa mill-bidu ta' din is-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'din is-sena skolastika kien hemm 299 każ ta' studenti li għamlu xi tip ta' trasferiment. Pereżempju kien hemm minn għamel proċedura normali minn skola għal oħra, min emigra jew min beda xi skola post-sekondarja oħra. Informat ukoll li kien hemm 72 każ ieħor li ma attendewx skola u li bagħtu ċertifikat mediku. Kien hemm każijiet ukoll fejn intbagħat avviż taċ-ċitazzjoni. Informat li kien hemm ukoll 101 każijiet fejn l-istudenti ma kienux koperti b'ċertifikat mediku. F'kull każ ittieħdu l-proċeduri kollha neċessarji. Kien hemm min ġie riferut lill-SSWC, saru laqgħat mall-Guidance u l-Councellors ma' diversi ġenituri u studenti, ġiet informata s-Social Welfare tad-Dipartiment u f'każijiet oħra ġew irrapurtati lill-SEWO.

Għalliema ta' l-IT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28901 dwar nuqqas ta' għalliema ta' IT fil-livell intermedju fil-Junior College?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-1 ta' Ottubru 2007, wieħed mill-għalliema tal-Computing/I.T. ġie impjegat post ieħor. Ħarġet applikazzjoni għal post fil-Computing/I.T. fil-5 ta' Ottubru 2007, u saru l-intervisti fit-30 ta' Ottubru 2007. Sadanittant irrizenja għalliem ieħor ta' l-I.T./Computing. Il-persuna li ġiet l-ewwel fl-interviews irrifjutat il-ħatra u z-zewġ persuni li ġew wara fil-lista ta' dawk li ġew magħzula kienu offruti l-post. Hemm perjodu ta' notice li wieħed ikollu jagħti qabel ma jieħu l-ħatra l-ġdida.

Resource/Book Production Unit

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29097, jista’ l-Ministru jgħid fuqhiex kien ibbażat dan il-parir li qed jirreferi għalih fit-tweġiba msemmija u min kien li ta dan il-parir? Kemm huwa stmat li se jiġi ffrankat, jekk il-każ huwa hekk, billi dan il-unit ġie żarmat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hemmx wieħed x'iżid mat-tweġiba mogħtija.

Freeport zone — Biċċa art

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari W435, jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed deċiżjoni minħabba li issa għaddew numru ta’ snin?

Response (GATT, AUSTIN)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari nru W 436, ninforma lill-Onor. Membru li f'dan l-istadju m'għandiex xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru W 435.

Bini ta' skejjel ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel? F'kull każ jista' jgħid liema huma l-iskejjel konċernati u meta saret kull applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtoritá ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtoritá għandha quddiemha sbatax-il applikazzjoni validata għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba. It-tfittxija fis-sistema ta' l-informatika saret fuq applikazzjonijiet li għandhom xi waħda minn dawn il-kliem fil-proposta: school, skola, skejjel, jew classroom.

Tisbiħ ta' l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lill-iskejjel biex isebbħu l-ambjent fl-iskejjel ta' l-istat? L-istess għajnuna tingħata lill-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi jgħin lill-iskejjel "kollha" bi proġetti billi jipprovdi finanzi biex it-tfal jieħdu inizjattivi personali pro-attivi favur l-ambjent, e.g. "Ekoskola" li issa tiġbor fiha mas-60 skola; "34U" (Tree for You) tqassam siġar biex jitħawlu fil-ġonna ta' l-iskejjel; u "YRE" (Young Reporters for the Environment) li għadha kif bdiet u tiġbor fiha 9 skejjel. It-34U torganizza ukoll programmi edukattivi (tours) f'Ta' Qali u tqassam posters u materjal ieħor favur l-ambjent. L-iskejjel jiġu wkoll mistiedna jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet ta' tħawwil ta' siġar bħalma kien hemm riċenti fil-Mellieħa u fi Xrobb l-Għaġin, fost l-oħrajn.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-ranks differenti fil-Korp tal-Pulizija? Kemm suppost ikun in-numru ta' pulizija f'kull rank? Meta se jsiru l-eżamijiet għal surġenti u għal spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta’ 2 Supretendenti, 20 Spettur, 3 Surġenti Maġġuri u 59 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 30 kandidat li qegħdin jattendu lectures fl-Akkademja tal-Pulizija bi tħejjija għall-eżami ta kwalifika fil-grad ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija, skond kif rikjest fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-20 ta’Marzu 2007, filwaqt illi għalissa mhux maħsub li jkun hemm applikazzjonijiet għall-promozzjonijiet għall-grad ta’ Surġent. Dalwaqt jibda kors għal dħul ta' 50 kuntistabbli ġdid.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li nstabu ħatja ta' vjolenza domestika f'dawn l-aħħar tlett snin? Jista' jelenka x'weħlu dawn in-nies li wettqu din il-vjolenza domestika? Kemm minn dawn il-vittmi kienu minorenni? Kemm kien hemm ukoll każijiet f'dan il-perijodu li l-partnerħafret lill-partner l-ieħor li kien uża vjolenza domestika fuqha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata.

Żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena s'issa kemm inqabdu żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu u/jew f'postijiet ta' divertiment? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar u f'liema lokalitajiet inqabdu? Ittieħdu passi kontra dawn iż-żgħażagħ u kontra s-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Lulju u Novembru ta’ din is-sena kien hemm każ wieħed ta’ bejgħ ta’ xorb alkoħoliku lil persuna taħt l-eta’. Dan kien f’Lulju ġewwa Wied il-Għajn u ittieħdu proċeduri kriminali kontra l-persuna responsabbli mill-ħanut. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 11-il persuna taħt l-eta’ li nstabu f’postijiet ta’ divertiment ġewwa San Giljan – 1 f’Settembru; 3 f’Ottubru u 7 f’Novembru. F’dawn il-każi wkoll inbdew proċeduri kriminali kontra l-persuni responsabbli mill-postijiet.

Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min se jintuża l-ground li qed jinbena fl-iskola Junior Lyceum tas-subien tal-Hamrun? Jista' jgħid meta se jkun possibli li jużawh l-istudenti ta' l-istess skola? Kemm se jiġi jiswa dan il-ground u minn liema fondi se jitħallas? Hemm xi ftehim ma' terzi? Jekk fl-affermattiv ma' min?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol beda u jekk it-temp jippermetti jkun jista' jibda jintuza wara l-vaganzi tal-Milied. L-ispiża għal dan il-proġett se tiswa Lm48,490. Diskussjonijiet dwar l-użu tal-pitch għadhom mhux konklużi u ftehim għad irid jiġi iffirmat.

Bejgħ ta' mediċini bl-għoli

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27908 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa,Anzjani u Kura fil-Komunita' u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu kontra dawk l-importaturi tal-mediċini li rriżulta li kienu qed ibiegħu mediċini bil-għoli? Ser jittieħdu passi legali kontra dawk li abbużaw u allura kienu qed jisolħu lil min bilfors irid juża dawn il-mediċini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28557.