Legislature:
Category:
Reset
Active:

Hamrun — Skola Maria Regina

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi sabiex żewġ blocks C u D li jinsabu fi stat perikoluż fl-iskola Maria Reġina tal-Hamrun issirilhom il-manutenzjoni meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmat li diġa’ qed isir xogħol ta’ manutenzjoni f’din l-iskola u ser jibqa’ għaddej matul il-vaganzi tas-sajf.

Skola Maria Regina — Bandiera

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga lmenti li waslu għandi mingħand studenti ta' l-iskola Maria Reġina tal-Hamrun fejn qed jilmentaw li f'gallerija li tagħti fl-iskola eżattament in-naħa tat-track ta' l-istess skola hemm bandiera ta' partit politiku esposta fid-direzzjoni ta' l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Kap ta’ l-iskola qatt ma rċeviet ilment dwar xi bandiera ta’ partit politiku .Jekk ikun hemm xi bandiera f’dar private fil-viċinanzi l-Kap m’għandiex il-poter aġgħalhom ineħħuha.

MCAST — Chief Administration Officer

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ic-Chief Administration Officer ta' l-MCAST inbidilx jew le, jew jekk hemmx il-ħsieb li dan jinbidel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għaż-żewġ partijiet li fiha l-mistoqsija hija fin-negattiv.

Kordin — MCAST Masterplan

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk li applikaw għall-avviż numru MCAST T.05/08 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex jagħmlu Preparazzjoni ta' Dikjarazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali għall-MCAST Masterplan f'Kordin ġewwa Raħal Ġdid? Min ġie mogħti dan ix-xogħol u kemm kienet l-offerta? Kemm kienu l-offerti l-oħra li daħħlu? Meta huwa maħsub li dan ix-xogħol ikun lest?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tliet applikazzjonijiet għall-avviż numru MCAST T.05/08 li deher fil- Gażżetta tal- Gvern sabiex jagħmlu Preparazzjoni ta’ Dikjarazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali għall- MCAST Masterplan f’ Kordin ġewwa Raħal Ġdid. Dawn kienu: AIS Environmental Ltd., valur ta’ l-offferta €28,084,00, ADI Associates, valur ta’ l-offerta €49,224,88 u EMDP,valur ta’ l-offerta €82,246,00. Dan ix- xogħol għadu ma ngħatax.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġi mimli l-post vakat minn għalliema tal-Year 2 fl-iskola primarja ta' Pembroke? Jista' jgħid x'ġara mit-tfal li f'dawn il-ġimgħat kienu mingħajr l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-7 ta' Jannar 2008 intbagħtet għalliema minflok dik li telqet u b'hekk it-tfal tal-klassi ma kellhom l-ebda problema fl-istudji tagħhom. Informat ukoll li t-tifel bi bżonnijiet speċjali kien qed jattendi programm ta' psychotherapy u ma kienx qed jattendi l-iskola.

Children's allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma d-diffikultajiet li d-dipartiment għandu sabiex jagħti c-Children's Allowance lit-tfal ta' ġenituri li huma separati legalment? X'inhi r-raġuni li minkejja li kien hemm min ta d-dettalji kollha, nkluż l-kuntratt/sentenza tas-separazzjoni, dawn it-talin għadhom ma ħadux risposta b'detriment li l-benefiċċju tat-tfal għadu ma tħallasx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjonijiet għall-Allowance tat-Tfal jiġu proċessati hekk kif id-Dipartiment ikollu f’idejh l-informazzjoni kollha meħtieġa. Ninsab infurmata wkoll li fil-każijiet indikati mill-Onor. Interpellant id-Dipartiment irid jistabbilixxi min mill-ġenituri għandu l-kura u l-kustodja tat-tfal, xi ħaġa li mhux dejjem toħroġ ċara mill-kuntratti jew sentenzi tas-separazzjoni. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari nitolbu jagħti parir lill-persuna konċernata biex tmur l-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Zabbar — Triq l-10 ta' Settembru 1797

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena mill-ġdid Triq l-10 ta' Settembru 1797 ġewwa Haz-Zabbar minħabba li tinsab fi stat diżastruż speċjalment meta tagħmel ftit xita? Jekk sa fl-aħħar ser isir xi tip ta' xogħol fiha, jista' jsir xogħol serju ta' fejn imur l-ilma tax-xita minħabba li aktar min-nofs it-triq dejjem tegħreq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti minn network ta’ toroq li l-ADT qed taħdem biex tkun tista’ tinbena mill-ġdid u tkun solvuta l-problema ta’ l-għargħar f’din l-area. Sadanitant, l-ADT qabbdet kuntrattur biex inaddaf il-culvert eżiżtenti u jagħmel xi xogħlijiet biex is-sistema tkun aktar effiċenti.

Kuntratt ta' tlett xhur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jkun hemm kumpanija privata li tħaddem ħaddiema bil-kuntratt ta' tlett xhur tlett xhur, kemm-il darba din tista' ġġedded dan il-kuntratt qabel ma jsir tal-post? Huwa skond il-liġi li ħaddiem jagħmel aktar minn sena b'din il-kundizzjoni u qatt ma jsiru ħaddiema regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Avviz Legali tal-51 ta’ l-2007 jirregola kuntratti ta’ servizz għal terminu ta’ żmien fiss. Il-liġi tistabbilixxi li kuntratt ta’ servizz għal żmien fiss għandu jinbidel f’kuntratt ta’ servizz għal żmien indefinit jekk l-impjegat kien impjegat taħt kuntratt jew kuntratti għal żmien fiss li waħdu jew flimkien jeċċedu perjodu ta’ mpjieg kontinwu għal aktar minn erbgħa snin u l-prinċipal ma jkollux raġunijiet li bihom ikun jista’ jiġġustifika li dak l-impjegat għandu jibqa’ fuq kuntratt għal żmien fiss.

Student Card

Question

Wara d-dikjarazzjoni tas-Superintendent Sharon Tanti fil-programm Xarabank li l-pulizija qed issib ħafna żgħażagħ li qed jiffalsifikaw l-istudent card biex juru li għandhom aktar eta', jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar dan? Min joħroġ dawn il-cards? Meta jinħarġu dawn il-cards jintalbu ċertifikat tat-twelid jew joqogħdu fuq dak li jgħidilhom l-istudent?

Response (BORG, TONIO)

L-ewwel nett ninsab infurmat illi fl-intervent tagħha s-Supretendent Sharon Tanti aċċennat li l-pulizija sabet "xi" student cards u mhux "ħafna" student cards b'informazzjoni falza fuqhom. Infurmat ukoll illi minn dak li ġie stabbilit s'issa jidher li sabiex student/a jingħata dan id-dokument kull ma jrid jipproduċi prova li huwa student/a. Ta' min iżid illi dawn id-dokumenti jindikaw biss illi l-persuna indikata hija student u m'humiex dokumenti ta' identita' uffiċjali.

Breathalyser

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2007 fuq kemm-il persuna ntuża l-breathalyser? Kemm inqabdu li kienu 'l fuq mil-limiti permessi mil-liġi? Kien hemm min inqabad aktar minn darba?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29388 f'din l-istess Seduta.

L-eta' taż-żgħażagħ li jixorbu

Question

Wara diversi dikjarazzjonijiet li saru minn sidien ta' ħwienet ta' nies li jiffrekwentaw Paceville fuq il-programm Xarabank li jkun hemm wisq tfal kemm taħt is-sittax-il sena kif ukoll taħt it-tmintax-il sena li qed itellfilhom ħafna xogħol, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed tikkonsidra li tgħolli l-eta' li fihom żgħażagħ jistgħu jidħlu f'bars u jixorbu titla' għal tmintax-il sena? Il-Ministru hija sodisfatta kif sejrin l-affarijiet f'dan il-kamp mindu ġiet in vigore din il-liġi fl-1 ta' Lulju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-liġi ġiet emendata s-sena li għaddiet. Ma neskludix li terġa tkun emendata meta jinħass li wasal iż-żmien. Kif żgur li jaf l-Onor. Interpellant għada qegħda titwettaq kampanja intensiva ta’ edukazzjoni biex kulħadd jifhem il-provedimenti tal-liġi kif ġiet emendata. Fuq dan is-suġġett, bħal f’oqsma oħra fil-kamp soċjali, diffiċli li tgħid li int sodisfatt kompletament. Iżda m’għandix dubju li l-emendi li għamilna fil-liġi huma pass il-quddiem u jipprovdu għodda ġdida biex nikkumbattu l-abbuż mill-alkoħol minn minorenni.

Għalliema gradwati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li ggradwaw bħala għalliema fl-aħħar gradwazzjoni li kien hemm ftit tal-ġimgħat ilu? Jista' jgħid jekk dawn hux kollha sabu mpjieg? Kemm iggradwaw biex igħallmu fl-iskejjel primarji? Jista' jgħid kemm kienu subien u kemm kienu bniet f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Primarji t-total ta' studenti li ggradwaw ftit tal-ġimgħat ilu u li ġew impjegati fl-iskejjel Primarji ta' l-Istat huwa ta' 37, 34 bniet u 3 subien. Fl-iskejjel Sekondarji t-total li ggradwaw u ġew impjegati huwa ta' 121, 35 subien u 86 bniet. Informat ukoll li fl-aħħar gradwazzjoni (2007) kien hemm 132 student li gradwaw fil-kors tal-Bachelor of Education (Hons), maqsuma kif ġej: Nisa 106 Rġiel 26 Total 132 Minnhom hemm 51 student li gradwaw Bachelor of Education (Hons) with Primary Education, maqsuma kif ġej: Nisa 48 Rġiel 3 Total 51

Kummizzjoni Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rakkmandazzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla dwar il-Kwalita' fl-Edukazzjoni Ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, ippubblika r-rapport tal- Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, fuq is-sit elettroniku http://www.education.gov.mt/NCHEqualityassurance.htm.

Ftehim kollettiv

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 29090 li originarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita` u issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-aħħar ftehim kollettiv li sar ftit taż-żmien/ġranet ilu mat-tobba u n-nurses?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-aħħar Ftehim Kollettiv li sar mat-Tobba u n-Nurses.

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29083, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Profs Kenneth Wain m’għadux chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? Minn meta seħħ dan u x’kienet ir-raġuni li ma baqax chairperson tal-FES?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28993 u jgħid kif ġiet magħżula l-persuna li qed tmexxi l-Foundation for International Studies li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan l-aħħar inħatar il-Group CEO tal-kumpaniji kollha ta' l-Universita' wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet u r-Rettur preżenti ħass li biex tinħoloq sinerġija iżjed bejn attivitajiet tal-FIS u l-kumpaniji li ħafna minnhom kienu relatati ma' xulxin hu ta' vantaġġ li l-FIS tibda titmexxa mis-Sur Josef Grech fil-kariga ta' Acting CEO. Informat ukoll li dan kellu l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' l-Universita' u għalhekk mill-2007, is-Sur Josef Grech beda jmexxi l-FIS bl-għan li jinstab l-aħjar mod kif ir-riżorsi ta' l-FIS u l-Universita' jitħaddmu aħjar.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28991 u jgħid il-Foundation for International Studies minn fejn iġġib il-finanzi tagħha? Kemm jirnexxielha tiġġenera fondi addizzjonali minbarra l-għotja li tingħata jekk inhu l-każ li tingħata fondi? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-accounts ta’ l-istess Fondazzjoni ta’ dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FOundation for International Studies ġġib il-finanzi tagħha minn sorsi mniżżlin hawn taħt : -Fondi mill-Gvern ta' Malta -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin -Programmi Internazzjonali -Konferenzi -Fondi mill-Universita' ta' Malta -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq -Korsijiet u attivitajiet oħra. Għas-snin 2004-2006: -Fondi mill-Gvern ta' Malta ammontaw għal Lm225,000. Minnbarra din l-għotja tal-Gvern ta' Malta, dħul ieħor iġġenerat tul is-snin 2004-2006 kien jammonta għal total ta' Lm2,545,702 li huwa maqsum fil-kategorija imniżżla hawn taħt : -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin - Lm1,240,513 -Programm Internazzjonali - Lm541,658 -Konferenzi - Lm281,257 -Fondi mill-Universita' ta' Malta - Lm213,200 -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq - Lm160,752 -Korsijiet u attivitajiet oħra - Lm108,322. Ser ngħaddi kopji tar-rapporti finanzjarji għas-snin 2004 u 2005 lill-Onor. Membru . Ir-rapporti tas-sena 2006 qed jiġi iffinalizzat mill-awdituri u l-persuni konċernati.

Universita' — Promozzjonijiet u appointments

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28991, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-promozzjonijiet u l-appointments li huma meqjusa ta’ interess pubbliku u dan meta huwa fatt magħruf li l-Universita` hija finanzjata mill-budget tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-Universita' ta' Malta tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Wied il-Għajn — Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-trasport pubbliku fil-ħinijiet ta’ filgħodu u li jitlaq minn Wied il-Għajn għall-Junior College u għall-Universita` jkun aktar konvenjenti u tajjeb għall-istudenti li jattendu f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi, anke biex it-trasport provdut ilaħħaq mad-domanda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li s-servizz tat-Trasport Pubbliku minn Wied il-Għajn għall-Junior College u l-Universita qed ilaħħaq mad-domanda eżistenti. L-Awtorita tat-Trasport qed ikollha ilment wieħed, minħabba li l-passiġġieri qed jitolbu li dan is-servizz jsir wieħed dirett u mhux issir bidla tax-xarabanks f’ Ħaż-Żabbar iżda dan preżentament mhux possibli.