Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żejtun – Triq San Franġisk — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir Triq San Franġisk fiż-Żejtun meta f’Novembru li għadda r-residenti kienu infurmati li ser issir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, fil-lokalità taż-Żejtun. It-triq indikata, Triq San Franġisk, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabilità tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Marsaxlokk – Triq Delimara – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titkompla l-parti ta’ fuq ta’ Triq Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk li tiġi quddiem it-Tempju ta’ Ġuno, minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 536. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Sajjieda Maltin — allokazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għal din is-sena hemmx xi ammont allokat għas-sajjieda Maltin bħala bycatch? Jekk iva, kemm hu dan l-ammont? Jista' jgħid ukoll kif taħdem din is-sistema u kif tiġi mqassma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-istaġun tat-tonn 2022, ġew allokati seba’ tunnellati u nofs għall-qabdiet inċidentali (bycatch). L-iżbark tal-qabdiet inċidentali tat-tonn huwa awtorizzat biss għal dawk il-bastimenti li huma awtorizzati biex jaqbdu l-pixxispad fl-2022. Il-bastimenti li ġew awtorizzati biex jaqbdu t-tonn, iżda ttrasferixxew il-kwota tagħhom, mhumiex eliġibbli biex iħottu t-tonn lanqas bħala qabda inċidentali. L-iżbarki kollha tat-tonn jitnaqqsu mill-kwoti assenjati rispettivament għal kull bastiment, filwaqt li l-awtorizzazzjoni tat-tonn tinġabar wara li tkun ġiet eżawrita l-kwota tal-bastiment rispettiv. L-awtorizzazzjonijiet individwali jiġu revokati wkoll ladarba l-bilanċ li jibqa’ jkun ta' 20kg jew inqas. Ħatt ta’ tonn ieħor wara l-eżawriment tal-kwota assenjata ma jkunx permess, lanqas bħala qabda inċidentali. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura jippermetti sa 40 kg ‘il fuq mill-kwota assenjata sabiex jippermetti l-użu sħiħ tal-kwota assenjata. Dan huwa permess biss bħala kontinġenza għal kwalunkwe eċċess f'qabda waħda u m'għandux ikun ikkonsidrat bħala żieda obbligatorja għall-kwota individwali. Il-qbid inċidentali għal dawk il-bastimenti li għandhom awtorizzazzjoni tal-pixxispad jew bastimenti li ma ġewx assenjati kwota tat-tonn fl-2022, huwa permess fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: - 5% tal-qabda totali f'kg ta’ ħut speċi ta’ tonn immaniġġjat mill-ICCAT li jinħattu l-art. Tonn 1 għal kull 20 ras ta’ speci ta’ tonn immaniġġjat mill-ICCAT li jinħatt. - Il-bastiment taħt it-12-il metru jista' jinħatt massimu ta' 2 BFT għal kull bastiment skont il-qabda fl-2022 taħt il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq. - Il-bastimenti 'l fuq minn 12-il metru jistgħu iħottu massimu ta' 4 BFT għal kull bastiment fl-2022 taħt il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Dawn il-kondizzjonijiet huma hekk kif maqbula mal-Koperattivi tas-Sajd.

Marsaxlokk — toroq - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta’ Marsaxlokk? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaxlokk diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Patrijiet Tereżjani, Triq iż-Żejtun (it-triq ewlenija lejn Marsaxlokk), triq ġdida fi Triq tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq l-Avukat Camrelo Caruana), Triq Duncan, triq ġdida fi Triq Tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq Abdosir), Triq l-Għoljiet ta’ Guno, Triq il-Kavallerizza, Triq il-Wilġa, Triq Santa Katerina, Sqaq Umbrella, Triq Xrobb l-Għaġin u t-triq li twassal għall-Fanal ta’ Delimara. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Kajjik, Triq iċ-Ċippi, triq bla isem ħdejn l-Island Sanctuary, triq rurali li twassal għal Delimara, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Delimara, fiż-żona tal-Magħluq, Triq 8 ta’ Mejju u Triq iż-Żejtun (triq rurali).

Ħal Għaxaq — toroq - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Ħal Għaxaq? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Santa Marija, Triq il-Gudja, Triq iż-Żejtun, Triq Ġammari Dalli, Triq Valletta, il-Bypass ta’ Ħal Għaxaq u triq biswitha, Triq Ġużeppi D’Arena, triq ġdida fi Triq il-Balklor, Triq l-Ewwel ta’ Jannar 1626, Triq il-Merill, Triq tal-Gewwinija, Triq Dun M Schiriha, Triq tal-Qattus, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Sqaq il-Bajtar u Triq tat-Talb. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Filippu, Misraħ San Filippu, Triq Tgeżwira u Trejqet Santu Kristu, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol ta’ titjib fil-junctions Tal-Barrani, Triq Tal-Balklor, Triq Dun Marcell Mallia u Triq Dun Mattew Schiriha.

Marsaskala — toroq - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Marsaskala? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaskala diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Buttar u triq ġdida fiha, Triq il-Qaliet, Xatt il-Batterija ta’ Rihama (Bajja ta’ San Tumas), Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq il-Kavallieri ta’ Malta, Triq Btieti, Triq ir-Ridott, Triq La Sengle u Triq San Ġwakkin. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq tal-Gardiel, Triq San Nikola, Triq id-Difiża Kostali u fil-Bypass l-antika li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq in-Naspli, Triq Patri Wistin Born, Triq Giuseppe Zammit, fiż-żona taż-Żonqor u Ta’ Monita.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir jew ser isir xi tkabbir tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tkun tista’ tagħmel tajjeb għan-numru ta’ priġuniera?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li preżentament qed isir xogħol fuq ic-ċentru rijabilitattiv, li ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu fil-konfini tal-faċilità għal madwar 140 persuna, u dan hekk kif tħabbar fil-baġit għas-sena 2022.

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjni mitluba għadha qed tinġabar.

Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fi Triq Xrobb l-Għaġin u Triq Strejnu bejn iż-Żejtun u Marsaxlokk huwiex lest kompletament? Jekk le, x’inhuma x-xogħlijiet li għad fadal u meta huwa maħsub li dawn jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ networks taħt wiċċ it-triq fit-toroq indikati huma kompluti kollha, inkluż l-ewwel saff ta’ tarmak. Is-saff finali huwa ppjanat li jingħata fix-xhur li ġejjin mat-tkomplija tal-proġett kollu.

Delimara/Marsaxlokk — tisbiħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi tisbiħ ġewwa Delimara limiti ta’ Marsaxlokk, ħalli dan ikun jista' jitgawda mill-pubbliku, speċjalment mill-familji, b’mod partikolari fiż-żona ta’ qrib il-fanal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, il-Gvern huwa kommess li jimplimenta proġetti ġodda ta’ afforestazzjoni u restawr ta’ siti naturali, anke bi sħubija ma’ stakeholders oħra. Il-proċess tal-identifikazzjoni tas-siti u l-iżvilupp ta’ pjanijiet t’azzjoni għalihom huwa wieħed kontinwu.

Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Marsascala — xogħlijiet fuq skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn? Fit-tnax il-xahar li ġejjin, għall-istess lokalitajiet, fejn hu maħsub li jsiru xogħlijiet? Għal kull każ, x’tip ta’ xogħol qed isir jew se jsir? Jista’ jgħid ukoll jekk minħabba dawn ix-xogħlijiet huwiex meħtieġ li l-istudenti jiġu rilokati? Jekk fl-affermattiv, mil-liema skejjel u fejn se jmorru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra dettalji dwar id-diversi xogħolijiet li qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif ukoll dawk li ser ikunu qed isiru fit-tnax-il xahar li ġejjin.

Marsascala — għassa tal-pulizija - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li titlesta l-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsascala?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet relatati mat-tlestija tal-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsascala jinsabu fl-aħħar stadji tagħhom. Id-data ta’ meta din l-Għassa ser tibda topera, ser tingħata fil-futur qarib.

Iż-Żejtun — toroq - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità taż-Żejtun? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fil-lokalità taż-Żejtun diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza u Triq Kamumilla. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fiż-żona ta’ Ħal Tmiem u Triq Profs Anthony Zammit.

Kunsilli Lokali — dejn ma’ entitajiet governattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom djun ma’ entitajiet tal-Gvern? Liema huma dawn il-kunsilli? Kemm huwa d-dejn u meta beda?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.

Proġett ta’ Bieb il-Belt — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-konsulenti nvoluti fil-proġett ta’ Bieb il-Belt? Jista’ jgħid kif ġew magħżula? Kemm tħallas sal-lum kull wieħed minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sa l-aħħar ta’ Ottubru 2014 tħallsu xejn inqas minn €19,001,609 f’konsulenzi fuq il-proġett ta’ bieb il-belt. Il-proġett tat-Teatru Rjal ma baqax jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi sa minn Settembru 2013. Għaldaqstant, il-konsulenzi fuq dan il-proġett huma sa din id-data. Wieħed mill-konsulenti ewlenin tal-bini tal-Parlament il-ġdid kien proprju il-perit Renzo Piano, li l-kumpanija tiegħu hija meqjusa bħala waħda mill-aktar kumpaniji ta’ periti rinomati fid-dinja. U biex lill-Kap tal-Oppożizzjoni inġeddidlu l-memorja li kien propju Renzo Piano stess, il-konsulent imqabbad mill-Gvern preċedenti, li approva is-siġġijiet u l-imwejjed u li issa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid li bihom hemm ‘problema gravi magna’, qed inpoġġi ritratti fuq il-mejda tal-kamra bħala prova ta’ dak li jien qed ngħid. Dan il-konsulent, li bħall-maġġoranza tal-konsulenti l-oħra, li l-lista tagħhom ukoll qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kien ġie ngaġġat mill-gvern preċedenti, sal-lum tħallas ‘il fuq minn seba’ miljun ewro f’konsulenzi. Id-disinn tal-proġett tal-Parlament, kien sa mill-bidu u għadu sal-lum, taħt ir-responsabbilta ta’ Renzo Piano u l-periti tiegħu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni iżda, waqt li jgħajjat bil-politika onesta tiegħu, qed iqarraq meta qed jipprova jitfa’ xi nuqqas fuq il-Gvern tal-lum, meta jaf biċ-ċar li kienet l-amministrazzjoni Nazzjonalista li qabbdet lil dawn il-konsulenti. U għax żbaljaw fid-disinn tal-imwejjed u s-siġġijiet, xi ħaġa li la l-Gvern preżenti u lanqas il-GHRC ma kienu involuta fiha, issa l-Kap tal-Oppozizzjoni qed iwaħħal fil-Gvern tal-lum.
Leg 12 PQ #12840 Sitting 219 2014-12-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadhu qed jinġabar u jingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ma ddaħħlet jew ġiet riveduta l-ebda taxxa, tariffa jew miżata mill-entitajiet konċernati li llum jaqgħu taħt dan il-Ministeru fil-perjodu konċernat.
Leg 12 PQ #12842 Sitting 219 2014-12-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (VELLA, GEORGE)

Fl-2007 kien ġie revedut il-ħlas għall-awtentikazzjoni ta' dokumenti u ċertifikati għal skop ta' adozzjoni skont Avviż Legali 35.01 - (Regolamenti dwar id-drittijiet li jitħallsu fid-dipartimenti tal-Gvern), fejn minn bi ħlas ta' Lm5 dan is-servizz ġie b'xejn. Barra minn dan ma kien hemm ebda ċaqlieq ieħor.
Leg 12 PQ #12843 Sitting 219 2014-12-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — taxxi, tariffi jew miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żdiedet miżata fil-kaz tal-Air Malta u dan fl-20 ta’ Settembru 2011 fejn żdiedet it-tariffa tal-bookings minn €10 għall-€15.
Leg 12 PQ #12255 Sitting 204 2014-11-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent barrani ġie ingaġġat mill-kumpanija Air Malta fis-snin 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013 u 2014 u kemm tħallas kull konsulent għas-servizzi tiegħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.