Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta’ Malta – air wing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm suldati (maqsuma skont ir-rank tagħhom) fi ħdan l-Air Wing tal-AFM?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm mija u żewġ membri fi ħdan l-Air Wing tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn huma mqassma kif ġej: Lt Colonel 1 Major 1 Captain 1 Lieutenant 7 2 Lieutenant 2 Warrant Officer 1 2 Warrant Officer 2 11 Staff Sergeant 7 Sergeant 13 Bombardier 12 Lance Bombardier 18 Gunner 27

Forzi Armati ta’ Malta – training school

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm suldati (maqsuma skont ir-rank tagħhom) fi ħdan it-training school tal-AFM?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm għoxrin membru fi ħdan it-training school tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn huma mqassma kif ġej: Captain 2 Staff Sergeant 1 Sergeant 4 Bombardier 5 Lance Bombardier 3 Gunner 5

Birkirkara –bus shelter fil-venda

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12726 u 4925, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ċara meta se jitwaħħal il-bus shelter fil-venda ta’ Birkirkara ħdejn il-BOV?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13118

Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell — ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ffirma l-ħatra uffiċjali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex ikun jista’ jaħdem fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell u minn meta (data) beda jaħdem fl-istess Rappreżentanza Permanenti? Jista’ jgħid x’inhi n-nomenklatura uffiċjali li qed iġorr dan l-individwu fi ħdan l-istess Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell? Jista’ jgħid x’se jkunu r-responsabilitajiet li se jkollu u li se jkun qed jaqdi dan l-individwu fi ħdan ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell? Jista’ jgħid kemm hu s-salarju li se jkollu l-individwu fil-kariga li qed jokkupa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-individwu u kopja tal-ittra tal-ħatra li ffirma l-istess Ministru? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu hux se jibqa’ jagħti s-servizzi ta’ konsulent lil diversi Ministeri issa li qed jokkupa din il-kariga?

Response (VELLA, GEORGE)

L-individwu li qiegħda ssir referenza għalih mhuwiex uffiċċjal maħtur mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Armata – Uniformijiet tar-rekluti l-ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-uniformijiet li ngħataw lir-rekluti l-ġodda fl-Armata huma uniformijiet second hand u diġà użati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sena li għaddiet il-Forzi Armati ta’ Malta nediet proċess li bih inbidlu l-uniformijiet kollha għal mudell u kulur aktar modern u addatat għall ambjent mediterranju. Dawk l-uniformijiet li kienu għadhom maħżuna qabel ma ġiet introdotta l-uniformi il-ġdida u li kienu għadhom ġodda flimkien ma oħrajn li kienu f’kundizzjoni tajba hafna, ġie deċiż li jintużaw għal skopijiet ta’ training waqt ir-reklutaġġ tas-suldati l-ġodda.

Pulizija tat-traffiku — datatrack

Question

Jista' l-Ministru jgħid min awtorizza lill-maġġur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, stazzjonat f'Għawdex biex permezz tad-datatrack isegwi l-Pulizija tat-traffiku? Jista' jgħid għaliex ġie deċiż li l-maġġur jsegwi l-pulizija tat-traffiku u mhux dawk tas-CID u tal-mobile?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Sptar Mater Dei — tkabbir ta' bus shelters

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4924, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun possibbli li quddiem il-bieb prinċipali tal-Isptar Mater Dei jitwaħħlu bus shelters akbar minn dawk li hemm fil-preżent għax dawk li hemm fil-preżent mhumiex kbar biżżejjed biex jagħtu kenn mix-xemx u mix-xita lil dawk in-nies kollha li jiffrekwentaw l-Isptar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Novembru li għadda, fuq il-bus stop ta’ quddiem il-bieb prinċipali tal-Isptar Mater Dei twaħħlet tinda (canopy) twila 17-il metru. Din it-tinda hija simili għal dawk illi twaħħlu ġewwa l-Ajruport, il-Marsa Park and Ride kif ukoll ġewwa l-Universita’ ta’ Malta u hija maħsuba sabiex toffri kenn mill-elementi lill-passiġġiera illi jkunu qegħdin jistennew biex jirkbu l-karrozzi tal-linja.

Birkirkara — bus shelter fil-venda ħdejn il-BOV

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4925, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitwaħħal il-bus shelter fil-Venda ta’ Birkirkara ta’ ħdejn il-BOV biex in-nies ikunu jistgħu jistkennu mill-elementi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12726.

Banda tal-AFM – Transfer tas-Surmast

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li s-surmast tal-banda tal-AFM li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie trasferit mill-banda għar-raba’ reġiment, għal xogħol li hu kompletament differenti? Jista’ jgħid għaliex sar dan it-trasferiment meta kulħadd jaf li l-membri tal-banda tal-AFM jiġu ingaġġati fi ħdan l-AFM bħala bands men u jkunu ġewwa closed unit? Jista’ jgħid jekk qattx kien hemm Surmast tal-Banda tal-AFM li ġie trasferit għal xi reġiment kemm ilha mwaqqfa l-banda tal-AFM? Jista’ jgħid min se tkun il-persuna li se tieħu post l-individwu msemmi separatament u x’inhu r-rank tiegħu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwalifiki tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kif ukoll tal-persuna li se tieħu postu fit-tmexxija tal-banda tal-AFM? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan it-transfer jiġi revokat, issa li hemm Ministru ġdid li qed imexxi dan il-Ministeru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien bħala Ministru, sakemm il-każ ma jkunx jimmerita l-importanza, ma noqgħodx nidħol f’deċiżjonijiet interni li jsiru mill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati skont l-Att li jirregola l-istess Forzi Armati ta’ Malta. Ninforma pero li l-persuna msemmija separatament baqa’ fl-istess Reġiment imma sempliċiment għola fil-kariga u ġie mgħoti rwol iktar importanti u strateġiku fl-istess Reġiment li kien fih u li jinkludi l-istess Banda. Dan l-inkarigu ġdid, apparti li sar minħabba esiġenzi tas-servizz, sar ukoll wara li ġie evalwat u meqjus li l-kwalitajiet tal-imsemmi persuna huma kompatibbli għar-rwol li llum qed jimla, u għandu jiftah ukoll opportunitajiet ġodda għall-imsemmi membru. Ninfurmah ukoll li, għalkemm tipprova tigi evitata kemm jista jkun, din ma hix l-ewwel darba li membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, jekk il-bżonn ikun, jiġu trasferiti fi rwol ġdid. Dan jinkludi trasferimenti fil-passat anke ta’ membri b’karigi għoljin fil-Banda. Ir-rwoli li kellu l-persuna msemmija ser jiġu mimlijin mill-Uffiċjali li isimhom jistgħu jingħataw b’mod separat lill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Uffiċjal li ser jieħu l-Kmand amministrattiv tal-Banda, dan huwa Uffiċjal kwalifikat f’akkademji barranin u b’esperjenza vasta ta’ Kmand f’kumpaniji oħra tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fir-rigward tal-Uffiċjal li llum għandu l-irwol ta’ Surmast tal-Banda, dan segwa b’sċċess kors barra minn Malta fuq tmexxija ta’ Banda, li hu kors simili għal dak li segwa l-persuna msemmija fl-istess mistoqsija. Is-Surmast tal-Banda huwa fil-pussess ukoll ta’ diversi kwalifiċi akkademiċi relatati mal-Banda pero ma narax li hu l-lok li għandhom jitpoġġew kwalifiċi ta’ din il-persuna fuq il-mejda tal-kamra, iżda nassigura lill-Onorevoli interpellant li l-persuna konċernat huwa kwalifikat u jekk jixtieq, lest li nurih il-kwalifiċi tiegħu personalment. Fl-aħħar nett ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma huwiex il-ħsieb tiegħi li nirrevoka deċiżjoni mill-Kap Kmandant.

Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta ffirma l-ħatra uffiċjali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex ikun jista’ jaħdem fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell u minn meta (data) beda jaħdem fl-istess Rappreżentanza Permanenti? Jista’ jgħid x’inhi n-nomenklatura uffiċjali li qed iġorr l-individwu msemmi fi ħdan l-istess Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell? Jista’ jgħid x’se jkunu r-responsabilitajiet li se jkollu u li se jkun qed jaqdi fi ħdan ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell? Jista’ jgħid kemm hu s-salarju li se jkollu fil-kariga li qed jokkupa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-individwu msemmi separatament u kopja tal-ittra tal-ħatra li ffirma l-istess Ministru? Jista’ jgħid jekk hux se jibqa’ jagħti s-servizz ta’ konsulent lil diversi Ministeri issa li qed jokkupa din il-kariga?

Response (GRECH, LOUIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 11321,11323 u 11325. Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-individwu kkonċernat m’għandux kuntratt t’impjieg ma’ dan il-Ministeru u b’hekk nitlobu biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

B’Kara, Qormi, Qawra, Żejtun u l-Belt Valletta – Qorti tal-Maġistrati – seduti tad-distrett

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm kien hemm seduti tad-distrett ta’ B'Kara, Qormi, Qawra, Żejtun u l-Belt Valletta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fix-xahar kollu ta’ Ottubru 2014? Kemm kien hemm każijiet f'kull seduta, kemm minnhom ġew deċiżi f'kull seduta, kemm kien hemm każijiet li ġew differiti f'kull seduta u kemm kien hemm każijiet f'kull seduta fejn l-imputat ma’ ġiex notifikat bil-każ? Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba distrett distrett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati tal-Ġustizzja — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fil-qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 t’Ottubru 2014 xahar b’xahar u f’liema gradi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat li 5 persuni ġew impjegati fil-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta mill-1 ta’ Jannar, 2014 sal-31 ta’ Ottubru, 2014. Dawn ġew impjegati kif ġej: Gradi Bdew jaħdmu l-Qorti NO. 1 Tradesman (Carpenter) 06/01/2014 NO. 2 Clerk 29/01/2014 NO. 3 Clerk 29/01/2014 NO. 4 Clerk 29/01/2014 NO. 5 Training Administrator 11/08/2014

Ġudikatura – membri li se jirtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm membri tal-Ġudikatura li ser jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm ħames (5) membri tal- Ġudikatura li ħa jilħqu l-età tal-irtirar sa Marzu 2018. Dawn jikkonsistu fi 3 Imħallfin u 2 Maġistrati.

Inkjesta dwar festin tal-Milied f’Awla ta’ Maġistrat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament fiex wasslet l-inkjesta li kienet ġiet ordnata wara li allegatament kien sar festin tal-Miied fl-awla tal-Maġistrat Peralta, f’liema festin ġewwa l-awla inxtorob xorb alkoħoliku, tpejpu sigaretti u ġie momentarjament arrestat ġurnalist?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fir-rigward tal-allegat festin imsemmi fl-istess domanda, ma kienet infetħet l-ebda nkjesta Maġisterjali. Billi l-Onor. Interpellant huwa Duttur tal-Liġi, jaf li l-liġi tipprovdi għal liema reati tista’ tinfetaħ inkjesta Maġisterjali. L-Onor. Interpellant jaf ukoll li l-każ ġie riferut immedjatament għand il-Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Persuni maqbuda jdaħħlu oġġetti mux permessi l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm kien hemm każijiet tul is-sena 2014 sal-llum fejn persuni deħlin il-Qorti Malta u Għawdex inqabdu minn membri tas-sigurtà b'oġġetti li ma kellhomx jiddaħħlu fil-Qorti? Jista’ jinforma lil dan il-Parlament x'inhi l-proċedura li tintuża meta jinstabu fuq persuni deħlin il-Qorti oġġetti li ma jistgħux jiddaħħlu l-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħala medja, l-membri tas-sigurtà tal-Qrati tal-Ġustizzja jaqbdu u jżommu bejn 40 u 50 oġġett kuljum li huma projbiti li jiddaħħlu ġewwa l-Qrati. Bħala proċedura, ta’ kuljum tinfetaħ formola hekk msejħa Prohibited Items Found li fuqha jitniżżlu dawk l-oġġetti projbiti kollha li jkunu nżammu mill-membri tas-sigurtà. F’dawk il-każi li l-oġġetti m’humiex perikolużi jingħataw lura lill pubbliku huma u ħerġin mill-Qorti. F’dawk il-każi fejn l-oġġetti huma perikolużi bħal oġġetti li jaqtgħu u bil-ponta u oġġetti oħra li fl-opinjoni tas-sigurtà huma perikolużi, jiġi msejjaħ il-Puluzija li jkun għassa l-Qorti jew Puluzija mill-Għassa tal-Belt.

Qorti Ċivili – Prim Awla – Kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li huma differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm ħames mija tmienja u sittin (568) kawża li huma differiti għas-sentenza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Qorti Ċivili – Prim Awla — Kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li tlett mija u tnax-il (312) kawża ilhom aktar minn sena differiti għas-sentenza quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili.

Qorti tal-Maġistrati – kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm illum kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li huma differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm mija erbgħa u tmenin (184) kawża differiti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta). Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hemm 32 kawża superjuri ċivili u avviż inferjuri ċivili wieħed (1) differiti għas-sentenza.

Qorti tal-Maġistrati – kawżi differiti għas-sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm kawżi illum pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ kawżi li ilhom aktar minn sena li ġew differiti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jammonta għal mija u tlettax (113). Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hemm tlett (3) kawzi civili (Ġuriżdizzjoni Superjuri, Sezzjoni Ġenerali) li ilhom iktar minn sena. M’hemm ebda kawża kriminali li ilha aktar minn sena differita għas-sentenza.

Qorti tal-Appell – Apelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament kemm hemm appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) li ilhom aktar minn sena li ġew ippreżentati u li sal-lum għadhom ma’ ġewx appuntati għas-smiegħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm sitt mija, tmienja u tletin (638) appell pendenti, li ilhom aktar minn sena li ġew ippreżentati u li sal-lum għadhom ma ġewx appuntanti għas-smigħ quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Skont il-liġi hemm diversi appelli ta’ diversi xorta li jridu jingħataw prjorita’ fuq oħrajn li jkunu ġew preżentati ferm qabilhom apparti appelli oħra li skont il-liġi jridu jiġu appuntati u deċiżi fi żmien qasir wara li jiġu preżentati. Dan ifisser li jitwal iż-żmien sakemm jiġu appuntati l-appelli li jkunu ġew preżentati qabel.