Eks Malta Shipbuilding – persuni ingaġġati bħala security
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16639 u 15879 u jgħid kemm hemm nies li ġew ingaġġati sabiex iservu bħala security fuq is-sit magħruf bħala l-Malta Shipbuilding fil-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kif ġew ingaġġati dawn in-nies, ma’ liema entità governattiva ġew ingaġġati, x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, x’inhi l-paga li qed jirċievu u kif inhuma x-xiftijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kienx hemm sejħa pubblika għal dawn il-postijiet tax-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ismijiet kollha tan-nies li ġew ingaġġati bħala security fis-sit imsemmi minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema distretti elettorali ġejjin dawn in-nies li ġew ingaġġati?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħti t-taħriġ meħtieġ tal-SWAT team? Jista' jagħti garanzija li l-iSWAT team li se jitwaqqad jew li twaqqaf hux se jkun fully functional saċ-CHOGM ta' Novembru li ġej? Jista' jgħid jekk il-membri li se jkunu fl-iSWAT team hux se jkunu assenjati xogħol ieħor apparti li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol partikolari? Jista' jgħid kif se jkun qed jaħdem (ix-xift) l-iSWAT team il-ġdid u fejn se jkun stazzjonat? Jista' jgħid jekk inxtarax appart ġdid biex ikun jista' jaħdem l-iSWAT team il-ġdid u kemm ġie jiswa? Jista' jgħid x'apparat ġdid inxtara?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun id-differenza fix-xogħol bejn is-C Company u l-iSpecial Operations Unit li se titwaqqaf fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid jekk il-personnel office tal-Forzi Armati ta' Malta għamilx studju ta' kif se jkun qed jaħdem dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid jekk hux se jingħata taħriġ apposta lill-membri li se jiġu magħżula f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid kif ġew/se jiġi magħżula l-membri l-ġodda li se jkunu qed iservu f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid min kienu jew se jkunu l-persuni fuq l-interviewing board li għażel/se jagħżel il-persuni li biex ikunu f'dan il-unit? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u x'kienu r-rekwiżiti biex wieħed setgħa japplika biex jissieħeb f'dan il-unit il-ġdid?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 16104.
Jista' l-Ministru jgħid meta irtira mill-Korp tal-Pulizija dak li kien Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jikkonferma li hekk kif iritra mill-Korp, nħatar bħala konsulent? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta l-individwu nħatar bħala konsulent, fuq xiex inħatar konsulent u kemm qiegħed jitħallas għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm hija d-differenza bejn il-paga li kien jirċievi l-individwu bħala Assistent Kummissarju u l-paga li qed jirċievi issa bħala konsulent? Jista' jikkonferma li l-individwu fil-kwalità tiegħu ta' konsulent għandu karozza u xufier għad-dispożizzjoni tiegħu? Jista' jelenka l-perkaċċi u benefiċċji kollha li jgawdi l-individwu bħala konsulent?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema Assistent Kummissarju qed jirreferi, minħabba li l-persuna li dettalji tagħha ngħataw separatament ma kelliex kariga ta’ Assistent Kummissarju.
Wied il-Għajn – Park tal-Familja – stat ta’ abbandun
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Park tal-Familja ta' Wied il-Għajn jinsab fi stat ta' abbandun skont ma kien irrappurtat fil-media dan l-aħħar? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bl-iktar mod immedjat jibda jingħata kura u titranġa t-telqa li hemm f’dan il-Park ta' Wied il-Għajn? Jista' jgħid jekk jikkonsidrax li t-telqa tal-Park tal-Familja tista’ tirrifletti diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta meta dan hu l-uniku park viċin tagħhom fejn jistgħu imorru jirrekrejaw ruħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Wieħed kien jistenna li l-Onor. Interpellant kien ser jibbaża ruħu fuq il-fatti u mhux jistrieħ fuq ritratti mingħajr data, kif dehru riċentement fil-ġurnal tal-partit tiegħu stess ftit jiem qabel ma saret l-interpellanza.
Qed nieħu gost li l-Onor. Interpellant f'daqqa waħda qed juri li qalbu taħarqu għan-nies tan-Nofsinhar ta' Malta, meta sa ftit jiem ilu biss, il-Mexxej tal-istess Partit tiegħu u l-Viċi Kap kollega tiegħu, taw x'jifhmu li ma għandniex nibqgħu nirreferu għas-South u għan-North ta' pajjiżna, tant li l-Onor. De Marco fit-
TIMES TALKING POINT
tat-22 ta’ Mejju 2015, qal li “aħna lkoll Maltin u dawn l-attentati tal-Prim Ministru li jdaħħal distinzjoni bejn in-nies tan-naħa ta’ fuq u tas-South mhix aċċettabbli u bla sens filwaqt li din id-distinzjoni hija xi ħaġa ta’ stmerrija ..........”
Billi l-Onor. kollega spiss allega li aħna qed nuru jew urejna diżrispett lejn in-nies tas-South, nixtieq ġentilment infakkru li d-diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta ntwera mill-Amminstrazzjoni Nazzjonalista li ġiet sfiduċjata fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2013 wara li rriżulta, b'mod konkret, li daħqet sfaċċatament bin-nies fuq diversi
issues
u f'għadd ta' okkażjonijiet, fosthom dawk dwar il Park tal-Familja.
Każ tipiku ta’ diżrispett intwera meta l-Gvern ta’ qabel kien għażel li jinawgura l-istess Park litteralment lejliet l-Elezzjoni Ġenerali għall-skopijiet purament elettorali, meta kien għad hemm ħafna xoghlijiet mhux kompluti, u meta lanqas kellhom id-diċenza li jaraw li jkun hemm is-
safety measures
fil-post għal dawk li jżuruh jew jieħdu ħsieb l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà.
Daqstant ieħor intwera diżrispett lejn in-nies tas-South meta minħabba l-ferneżija elettorali l-Gvern li l-Onor. Interpellant kien jagħmel parti minnu, qabbad u għadda t-tmexxija tal-Park lid-Direttorat tal-Parks b'sempliċi telefonata mingħajr ma kienu attrezzati ghal dan, mingħajr ma ndenja ruħu jaħtar maniġment tim kif għamlet din l-Amministrazzjoni filwaqt li flok alloka fondi għall- bżonnijiet tal-Park, għażel li juża fondi kapitali oriġinarjament maħsuba għall-operat tal-WasteServ, ħafna drabi permezz ta'
direct orders
fejn l-approvazzjoni tal-Finanzi nkisbet wara li saru l-ordnijiet diretti.
Kien ta’ diżrispett għan-nies tas-South li jiftħilhom Park tal-Familja bħal dan fejn il-
water feature
tant kienet mibnija ħażin li wara ftit sfrundat.
Kien ta’ diżrispett għat-
taxpayers
Maltin meta rriżulta li ħafna mill- infiq żejjed kien ġej mill-fatt li kien hemm bosta tibdiliet 'ad hoc' fl-aħħar minuta, għall-pjani li kienu diġà ġew approvati dwar il-proġett.
Konferma li dan it-tberbiq kollu u li x-xogħol sar bl-għaġla għal skopijiet purament elettorali, joħroġ mill-fatt li l-proġett ġie inawgurat mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien nhar l-24 ta’ Frar 2013, jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali. U dan meta nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest u kien għad hemm żvilupp għaddej, b'ħafna
heavy machinery
on site
b'periklu għall-viżitaturi fil-Park u b’nuqqas ta’ għadd ġmielu ta’
completion certificates
.
Ir-rapport tal-
Management Efficiency Unit
(MEU) ddatat Ġunju 2013 u ppubblikat 29 ta’ Lulju 2013 u li għadu
online
fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jistqarr li d-dipendenza qawwija fuq varjazzjonijiet u
direct orders
kellha impatt sproporzjonat fuq l-infiq ippjanat. Jidher li l-Onor Interpellant għadu ma xtarx jew ma feliex sew dan ir-rapport, għaldaqstant nissuġġerilu jagħmel dan.
Eżempju tipiku li joħroġ mill-istess rapport ikun il-
Visitor's Centre
, li ġie jiswa €700,000 - nofs miljun ewro aktar milli ppjanat.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti flimkien mad-Direttur tal PARKS u l-
Family Park Management Unit
(FPMU), is-sitwazzjoni attwali fil-Park mhix fi stat ta’ abbandun kif irrapportat fl-istess sezzjoni partikolari tal-midja dan l-aħħar. Dan għaliex il-programm ta’ manutenzjoni u ż-żamma tal-Park ta’ Wied il-Għajn qed jiġu kontinwament indirizzati, dan minkejja diffikultajiet li jeżistu minħabba deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fil-passat.
Mill-kummenti pożittivi tal-pubbliku, illi riċentement attenda bi ħġaru fil-Park tal-Familja għall-attivitajiet tal-
Fields of Joy u
nhar il
-World Environment Day
, jidher ċar li altru illi m’hemmx diżrispett lejn ir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta li qed jallega dwaru l-Onor. Interpellant.
Anness ma’ din ir-risposta bħala
Annex 1
hemm lista sħiħa ta’ xogħlijiet li saru fil-Park tal-Familja kemm ilu li nħatar il-
Family Park Management Unit
(FPMU), struttura li mal-bidla fil-Gvern sibna li qatt ma eżistiet fil-Park, kif lanqas qatt ma kien hemm
Management Plan
. Anness ukoll bħala
Annex 2
hemm kopja tal-artiklu fit-Times of Malta tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Mario De Marco li kkwotajt dirett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru ta' railings twaħħlu fit-toroq arterjali bejn is-sena 2014 u din is-sena? Jista' jgħid kemm-il metru ta' crash barriers twaħħlu bejn is-sena 2014 u din is-sena? Jista' jgħid jekk dawn (railings u crash barriers) ingħatawx b'direct order jew inħariġx tender? Jekk inħareġ tender, jista’ jagħti r-referenza tat-tender li nħareġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti ta’ din it-tip ta’ informazzjoni tirrekjedi ħafna żmien u riżorsi li f’dan l-istadju mhumiex disponsibbli. Ta’ min isemmi li x-xogħlijiet marbuta mat-twaħħil ta’ crash barriers isiru biċċa biċċa kif ukoll ikunu nklużi fil-kuntratti tal-proġetti l-kbar. Skont l-informazzjoni mgħoddija lili, mill-2014 sal-lum, Transport Malta nstallat mill-inqas:
- 450m ta’ railings;
- ‘l fuq minn 5.3km ta’ crash barriers
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta' toroq ġodda saru matul din is-sena? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet saru dawn it-toroq ġodda? Jista' jgħid kemm ġew jiswew finanzjarjament dawn it-toroq? Jista' jgħid kemm-il kilometru ta' extensive patching saru matul din is-sena? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet sar u kemm ġie jiswa finanzjarjament dan l-extensive patching?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma n-nies li llum jiffurmaw parti mill-kumitat organizzattiv taċ-CHOGM? Jista’ jgħid x’inhi n-nomenklatura ta’ kull persuna, wieħed wieħed?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L- Isteering Committee li gie nominat mill-Prim Ministru huwa magħmul minn dawn l-persuni:-
Il-Kap tat-Task Force,
Id-Deputat Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru,
Il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern,
Is-Segretarju Permanenti –Ministeru tal-Finanzi
Is-Segretarju Permanenti –Ministeru tal-Intern u s-Sigurta Nazzjonali
Is-Segretarju Permanenti –Ministeru tal-Affarijiet Barranin
Is-Segretarju Permanenti –Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali
Ic-Chairperson tat-Transport Malta u
Is-Segretarju tal-Isteering Committee .
Eks Malta Shipbuilding – persuni ingaġġati bħala security
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-msitoqsija parlamentari 15879 u jgħid kemm hemm nies li ġew ingaġġati sabiex iservu bħala security fuq is-sit magħruf bħala l-Malta Shipbuilding fil-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kif ġew ingaġġati dawn in-nies, ma’ liema entità governattiva ġew ingaġġati, x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, x’inhi l-paga li qed jirċievu u kif inhuma x-xiftijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kienx hemm sejħa pubblika għal dawn il-postijiet tax-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ismijiet kollha tan-nies li ġew ingaġġati bħala security fis-sit imsemmi minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Rapreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell – ingaġġ ta’ persuni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-persuni li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, qegħdin jaħdmu fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell? Jista’ jgħid x’inhi n-nomenklatura tagħhom u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninstab infurmat li l-persuni konċernati ngħataw pożizzjoni wara sejħa pubblika approvata mill-Public Service Commission li minnha għaddew 111-il persuna. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma dawk stabiliti fis-sejħa pubblika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 t'Ottubru 2014.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – inċident bejn detenuti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16380, jista’ l-Ministru:
(a) jispeċifika d-data eżatta meta fix-xahar ta’ April 2015 seħħ inċident li għalih issir referenza;
(b) jgħid min huma l-uffiċjali li għamlu rapport dwar l-inċidenti sabiex jittieħdu l-passi kontra l-priġunieri involuti;
(c) jgħid preċiżament bid-data meta sar dan ir-rapport mill-uffiċjali sabiex jittieħdu passi;
(d) jgħid min iċċertifika l-ġrieħi tal-priġunier li safa vittma tal-inċident u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat maħruġ fuq il-Mejda tal-Kamra;
(e) jgħid f’liema data l-każ tal-priġunier vittma ġie riferut lil min ħareġ ċ-ċertifikat mediku;
(f) jgħid f’liema diviżjoni seħħ l-inċident;
(g) jikkonferma li l-inċident seħħ fid-diviżjoni tal-ħabs li ma kinitx id-diviżjoni fejn l-aggressuri qegħdin jinżammu fil-ħabs;
(h) jispjega kif l-aggressuri kellhom aċċess għad-diviżjoni fejn seħħet l-aggressjoni;
(i) jgħid jekk f’dan l-inċident irriżultawx xi nuqqasijiet fl-amministrazzjoni tal-ħabs u jekk iva, x’kienu dawn in-nuqqasijiet u min wieġeb għalihom;
(j) jgħid min mill-awtoritajiet tal-ħabs bl-isem tal-uffiċjal/i ddeċieda li ma jsirx rapport lill-Pulizija dwar dan il-każ;
(k) jgħid x’passi ttieħdu kontra l-aggressuri f’dan il-każ;
(l) jgħid jirriżultax mottiv għal dan l-inċident; u
(m) jgħid meta ġie a konjizzjoni tiegħu dan l-inċident u minn min?
Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (ABELA, CARMELO)
B’żieda mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16380 ninforma lill-Onor. Interpellant li data kienet nhar it-23 ta’ April 2015. L-uffiċjal li għamel ir-rapport kien l-istess uffiċjal li kien inkarigat mid-diviżjoni u tali rapport sar dakinhar stess. Ninformah ukoll li l-inċident sar f’diviżjoni 1 u ma nikkonfermax li ma kinitx id-diviżjoni fejn l-agrssuri qegħdin jinżammu fil-ħabs. Lil priġunier involut iċċertifikah dak inhar stess ta l-inċident wieħed mit-tobba stazzjonati fil-Faċilita stess, fejn kellu grieħi ħfif. L-għada reġa ġie invistat minn tabib ieħor stazzjonat ġewwa l-Faċilita, fejn għal darba oħra ġie ċertifikat ġrieħi ħfief.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16033 u jgħid x'inhu r-rwol tal-Kumitat Reġjonali fir-rigward tal-cameras li hemm stallati fit-toroq Maltin li minnhom wieħed jista' jagħmel monitoring tat-traffiku tal-vetturi fit-toroq? Jista' jgħid jekk inħarġitx liċenzja biex setgħu jiġu stallati dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-awtorità li ħarġet din il-liċenzja? Jista' jgħid jekk hemmx policy li tirregola l-operat ta' dawn il-cameras? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tirregola dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-kumpanija li timmaniġġa dawn il-cameras? Jista' jgħid jekk hemmx xi forma ta' kuntratt jew ftehim bejn il-kumpanija in kwestjoni u l-Kumitat Reġjonali u jekk fl-affermattiv, ipoġġi kopja ta' dan il-kuntratt jew ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
L-irwol tal-Kumitati Reġjonali fir-rigward ta’ CCTV cameras u speed cameras huwa li jipproċessaw iċ-ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet li jsiru fil-lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-istess reġjuni u li jirriżultaw permezz tal-cameras imsemmija. Dawn huma maniġġjati mill-Kumitati Reġjonali bħala parti integrali mill-kuntratt għas-servizz tal-gwardjani lokali.
Speed cameras huma regolati mill-awtorità kompetenti Transport Malta, u għalhekk jeħtieġu l-approvazzjoni u l-liċenzja tal-awtorità. Għaldaqstant kull talba mressqa minn xi Reġjun għall-installazzjoni ta’ speed cameras teħtieġ kemm l-approvazzjoni, kif ukoll il-liċenzja, ta’ din l-istess awtorità. Kif jikseb l-approvazzjoni r-Reġjun jinforma lill-kumpanija kuntrattata biex tkun tista’ tipproċedi skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.
Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant lill-Ministeru konċernat għar-rigward ta’ regolamentazzjoni ta’ tali speed cameras lill-awtorità kompetenti.
Dawn l-istess speed cameras kif ukoll CCTV cameras jitħaddmu mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-gwardjani lokali, skont il-kuntratt li jkollhom mal-Kumitati Reġjonali. Il-kumpanija Guard and Warden hija dik kuntrattata mill-Kumitati Reġjonali tan-Nofsinhar, dak Ċentrali, tat-Tramuntana, ta’ Għawdex u tax-Xlokk.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-estratti rilevanti għall-cameras mill-kuntratti li għandhom ir-Reġjuni, skont kif provduti mill-Kumitati nfushom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx iċ-ċertifikat ta’ security cleareance lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid meta inħareġ dan iċ-ċertifikat ta’ security cleareance li jingħata lid-diplomatiċi u li permezz tiegħu jkunu jistgħu jaċċessaw dokumenti kunfidenzjali magħrufa bħala EU Classified Documents? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ security cleareance tal-individwu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (VELLA, GEORGE)
L-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub ipoġġi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul ix-xahar ta’ April 2015 ġewx irrappurtati lill-awtoritajiet tal-abs inċidenti ta’ ġlied u swat tal-persuni preżentament detenuti ġewwa l-Ħabs Ċivili ta’ Kordin? Jekk iva, jista’ jgħid:
(a) Meta seħħew dawn l-inċidenti;
(b) Min għamel ir-rapport dwar dan/dawn il-każijiet;
(c) Min kienu l-priġunieri involuti;
(d) Kienx hemm uffiċjali tal-Ħabs involuti
(e) Ġewx infurmati l-pulizija sabiex jinvestigaw x’seħħ;
(f) Ġiex infurmat il-Maġistrat tal-Għassa; u
(g) Infetħitx inkjesta interna?
Min qed imexxi din l-inkjesta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar tali inċidenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inċident sar f’April 2015. L-uffiċjali għamlu rapport dwar l-inċident sabiex jittieħdu passi kontra l-priġunieri nvoluta. Ninformah ukoll li ma kien hemm l-ebda uffiċjali tal-ħabs nvoluti f’dan l-inċident. Il-Maġistrat ta l-Għassa ma ġiex informat minħabba li l-vittma nvoluta fil-każ sofra grieħi ħfief u meta l-awtorita ġabet lil-Pulizija biex jagħmlu rapport, il-persuna nvoluta rrifjutat li jagħmel dan jew li jittieħdu passi bil-Qorti kontra t-tlett agressuri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm ħsarat strutturali fis-CID Block li hemm fid-depot tal-Pulizija fil-Furjana? Jista' jikkonferma li ftit tal-ġimgħat ilu l-periti għamlu żjara fil-post imsemmi minħabba l-ħsarat li hemm? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikati u rapporti magħmula mill-periti in kwestjoni li bihom ikkonfermaw jew ma kkonfermawx li l-binja imsemmija hi tajba biex il-pulizija jaħdmu fiha kif ukoll li hemm jew mhemmx perikolu għas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema waqt il-qadi ta' dmirijiethom fl-istess blokk?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’hemmx ħsarat strutturali fis-CID block li hemm fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana. Instabu xi konsenturi zgħar f’xi ħitan interni iżda peress li dawn il-ħitan mhumiex strutturali, m’hemmx periklu. Infurmat ukoll li hu kkonfermat li l-periti tal-Works and Infrastructure Department għamlu diversi żjarat fil-post imsemmi biex jagħmlu spezzjonijiet u investigazzjonijiet. Barra min dan inbeda wkoll monitorġġ ta’ ċaqlieq tal-ħitan esterni tal-binja. Ir-rapport fuq dan il monitoraġġ, li fost investigazzjonijiet oħra jinkludi l-istallar ta’ diversi strain gauges, jingħata wara sitt xhur mid-data tat-13 ta’ Mejju 2015, jiġifieri fit-13 ta’ Novembru 2015. Irid jingħad li l-investigazzjonijiet li saru s’issa mil-Periti responsabbli ma jindikawx li hemm difetti strutturali fil-post u li l-binja mhix tajba għall-użu. Għalhekk m’hemm l-ebda indikazzjoni li hemm perikolu għas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema waqt il-qadi ta' dmirijiethom fl-istess blokk iżda kif indikat iktar kmieni, ċ-ċertifikat finali jinħareġ f’Novembru tal-2015. Tajjeb li wieħed jgħid li minħabba nuqqas ta’ maintenance fi żmien amministrazzjoni preċedenti din il-binja tinsab f’din is-sitwazzjoni.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – librerija/Education Unit
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-preżent il-librerija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhix aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li tittieħed azzjoni biex il-librerija ssir aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kif mitlub mil-liġi, minħabba t-taraġ li hemm biex wieħed jasal għaliha? Jista’ jgħid jekk l-Education Unit tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hux mgħammar bl-apparat u l-affarijiet neċessarji li jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u d-detenuti fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid jekk l-amministrazzjoni tal-ħabs ħaditx il-passi meħtieġa biex jinxtara l-equipment neċessarju skont ma titlob il-liġi għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid meta dan il-materjal daqshekk importanti se jkun stallat fl-Education Unit tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-librerija hija aċċessibbli permezz ta’ taraġ, biss jekk issir talba minn kwalunkwe priġunier li jsib diffikulta jitla’ dan it-taraġ, l-istaff tal-Education Unit tal-Faċilita jgħinu sabiex jinġibilu l-kotba li jkun jixtieq minn ġol-librerija. Sadanittant, fil-preżent qed isir audit bi skop ta’ rakkomandazzjonijiet minn perit b’kollaborazzjoni mal-KNPD dwar l-aċċessibilitia fil-Faċilità, inkluż fil-librerija. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jittieħdu in konsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Faċilità.
L-Education Unit hija mgħammra b’fire extinguisher u bi staff li jkun qed jissorvelja l-area ikkonċernata. Matul il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ l-Education Unit, in-nursing staff ġewwa l-Faċilita stess huma aċċessibbli l-ħin kollu u f’każ li jinqala’ xi inċident dawn jiġu msejħa fuq il-post.
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — kuntratt ta' individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt ingħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mal-Kunsill għall-Kultura u l-Arti wara li spiċċa mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali? Jista' jgħid kemm hu s-salarju permezz ta' dan il-kuntratt, li qed jingħata l-individwu? Jista' jgħid x'inhuma l-perkaċċi permezz ta' dan il-kuntratt li qed jingħata l-individwu?
Response (BONNICI, OWEN)
L-individwu imsemmi mill-Onor Interpellant ingħata Contract for Service bħala Carnival Consultant mal- Kunsill Malti għall-Arti. Is-salarju huwa dak abbinat ma’ skala 5. Ma hemm l-ebda perkaċċi abbinati ma’dan il-kuntratt.
Kunsill għall-Kultura u l-Arti — kuntratt ta' individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt ingħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mal-Kunsill għall-Kultura u l-Arti wara li spiċċa mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali? Jista' jgħid kemm hu s-salarju permezz ta' dan il-kuntratt, li qed jingħata l-individwu? Jista' jgħid x'inhuma l-perkaċċi permezz ta' dan il-kuntratt li qed jingħata l-individwu?
Response (BONNICI, OWEN)
L-individwu imsemmi mill-Onor Interpellant ingħata Contract for Service bħala konsulent mal- Kunsill Malti għall-Arti. Is-salarju huwa dak ma’ skala 7. Ma hemm l-ebda perkaċċi abbinati ma dan il-kuntratt.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-kariga u n-nomenklatura tal-individwu A li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu huwiex sherpa nominata mill-Prim Ministru fi ħdan l-Unjoni Ewropea? Jista’ jikkonferma dak li stqarr pubblikament l-individwu B li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li huwa sherpa fi ħdan l-Unjoni Ewropea?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul ix-xahar ta’ Marzu 2015 ġewx irrappurtati lill-awtoritajiet tal-ħabs inċidenti ta’ ġlied u swat bejn persuni preżentament detenuti fil-Ħabs Ċivili ta’ Kordin? Jekk iva, jista’ jgħid:
(a) Meta seħħew dawn l-inċidenti;
(b) Min għamel ir-rapport dwar dan/dawn il-każijiet;
(c) Min kienu l-priġunieri involuti;
(d) Jekk kienx hemm uffiċjali tal-ħabs involuti;
(e) Jekk ġewx infurmati l-pulizija sabiex jinvestigaw x’seħħ;
(f) Jekk ġiex infurmat il-Maġistrat tal-għassa; u
(g) Jekk infetħitx xi inkjesta interna, u jekk infetħet, min qed imexxi din l-inkjesta?
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar tali inċidenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda rapport lill-awtoritajiet tal-ħabs fuq inċidenti ta’ ġlied u swat bejn persuni preżentament detenuti fil-ħabs ta’ Kordin, matul ix-xahar ta Marzu 2015.