Jista' l-Ministru jgħid x'inhi n-nomenklatura tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi ħdan is-CPD? Jista' jgħid f'liema skala tal-Gvern hu impjegat l-individwu u x'inhuma l-perkaċċi li ġġorr il-kariga tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 15319.
Jista’ l-Ministru jgħid meta beda jaħdem ma’ Transport Malta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (data preċiża)? Jista’ jgħid x’inhi n-nomenklatura tal-individwu f’Transport Malta? Jista’ jgħid x’inhi l-job description tal-individwu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description ta’ dan l-individwu? Jista’ jgħid jekk il-pożizzjoni li għandu dan l-individwu hijiex position of trust? Jekk le, jista’ jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni u meta kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern (data preċiża)? Jista’ jgħid jekk hemmx parentela bejn l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegat in kwistjoni beda l-impjieg tiegħu ma’ Transport Malta fid-19 t’Awissu 2013 bħala Executive (Detailing). Kopja tal-job description ta’ dan l-individwu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Din il-pożizzjoni mhux position of trust u mtliet permezz ta’ sejħa għal dawk li jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-ETC. Transport Malta ma żżommx dettalji ta’ min huma l-qraba tal-impjegati tagħha, ħlief għal dawk li huma mniżżla bħala next of kin fil-formola tad-dettalji personali tal-impjegat. F’dan il-każ, l-individwi msemmija ma ġewx indikati bħala n-next of kin tal-impjegat.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21660, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u n-neputi tiegħu, humiex impjegati bħala position of trust? Jista’ jgħid f’liema skala taċ-ċivil hu impjegat n-neputi? Jista’ jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux impjegat bħala Transport Officer fi Skala 16 taċ-ċivil bħala position of trust u jekk le jista’ jgħid meta ġiet ippublikata s-sejħa għal dan l-ingaġġ? Jista’ jpoġġi kopja tal-job description ta’ dan l-individwu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21660. Il-persuna fil-ħatra ta’ Transport Officer huwa position of trust u prinċiparjament jirċievi talbiet minn tobba u staff mediku ieħor sabiex jingħataw dan is-servizz.
Korp tal-Pulizija – membri trasferiti għas-Central Visa Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm, u jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm talbiet u min kienu l-membri tal-Korp tal-Pulizija li talbu li jiġu trasferiti għas-Central Visa Unit u kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa? Jista’ jippreżenta l-lista ta’ membri tal-Korp li t-talba tagħhom intlaqet?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħid f’liema perjodu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li fil-31 ta’ Diċembru 2015 kienu bit-termination leave?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li sal-31 ta’ Diċembru, 2015, kien hemm sitta u erbgħin (46) membru tal-Korp bil-pre-retirement leave.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li fil-31 ta’ Diċembru 2015 kienu bit-termination leave?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm tlett (3) Uffiċjali u erbgħa u għoxrin (24) membru regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu bit-termination leave.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw mill-korp fil-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015? Jista’ jipprovdi din l-informazzjoni skont ir-rank tagħhom u l-kwantità għal kull rank?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-1 ta’ Settembru 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 kien hemm seba’ (7) membri tal-Korp illi rriżenjaw mill-Korp tal-Pulizija. Dawn huma kif jidhru hawn fit-tabella t’hawn taħt:
Spettur
1
Kuntistabbli
4
Kuntistabbli Mara
1
Kuntistabbli tar-Rizerva
1
Total
7
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — fuel għall-karozza
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21683 u jgħid x'kienet in-nefqa fi fuel għall-karozza uffiċċju tiegħu bħala Ministru kif ukoll għas-second car tiegħu matul l-2015, xahar b'xahar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi :
L-ispi¿a fuq fuel għall-karozza uffiċjali uzata fil-perjodu msemmi minni kienet ta’ medja ta’ € 34 fil-ġimgħa. Bħala fuel ingħatat medja ta’ 27 litru fil-ġimgħa.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena bħala Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ma nagħmilx uzu mit-tieni karozza.
Eks aġent Kummissarju – użu ta’ karozza tal-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eks Aġent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu jagħmel użu mill-karozza tal-korp tal-pulizija u s-servizz ta’ xufier li hu pulizija wkoll? Jekk le, jista’ jgħid meta waqaf juża l-karozza tal-korp kif ukoll is-servizz ta’ xufier li hu pulizija? Jekk iva, issa li dan l-individwu m’għadux jagħmel parti mill-korp tal-pulizija u hu rtirat, jista’ jgħid meta ser jintemmu dawn il-perkaċċi ta’ karozza u xufier li qed iħallas għalihom il-korp tal-pulizija u ċjoè l-poplu Malti bit-taxxi tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-eks Aġent Kummissarju ma għadux jagħmel użu mill-vettura kif ukoll mix-xufiera tal-Korp tal-Pulizija. Ninfurmah li din il-vettura ġiet irritornata lura fil-Korp fit-23 ta’ Novembru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eks Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu jagħmel użu mill-karozza tal-korp tal-pulizija u s-servizz ta’ xufier li hu pulizija wkoll? Jekk le, jista’ jgħid meta waqaf juża l-karozza tal-korp kif ukoll is-servizz ta’ xufier li hu pulizija? Jekk iva, issa li dan l-individwu m’għadux jagħmel parti mill-korp tal-pulizija u hu rtirat, jista’ jgħid meta ser jintemmu dawn il-perkaċċi ta’ karozza u xufier li qed iħallas għalihom il-korp tal-pulizija u ċjoè l-poplu Malti bit-taxxi tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-eks Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija ma għadux jagħmel użu mill-karozza kif ukoll xufiera tal-Korp tal-Pulizija. Dan is-servizz waqaf jingħata fit-22 ta’ Lulju 2015.
Pulizija tal-ALE – każ ta’ nassab/kaċċatur li kellu fil-pussess tiegħu d-detail tal-ALE
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li bejn it-13 u l-20 ta’ Diċembru 2015 waqt spezzjoni fil-kampanja il- pulizija tal-ALE sabu kaċċatur /nassab li kellu fil-pussess tiegħu d-detail tal-ALE? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hijiex għaddejja investigazzjoni interna fuq kif din id-detail spiċċat f’idejn din il-persuna? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu ġiex arrestat u jekk itteħidx il-lock up? Jista’ jgħid kemm dam arrestat u min qed jinvestiga l-każ? Jista’ jgħid jekk saritx analiżi fuq il-mobile telephone tal-arrestat? Jista’ jgħid jekk saritx tfittxija fil-proprjetà tal-arrestat? Jista’ jgħid jekk ittieħidlux xi kompjuter jew apparat elettroniku għall-aktar stħarriġ? Jista’ jgħid jekk humiex ser jittieħdu passi dixxiplinari kontra xi ħadd dwar dan il-każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dak li qed jallega fil-mistoqsija mhuwiex il-każ.
Lock up tad-Depot tal-Pulizija – kors tal-First Aid lill-uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal li hemm stazzjonat fil-lock up tad-Depot għamel kors fil-First Aid minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm-il uffiċjal stazzjonat fil-lock up għamel kors fil-First Aid wara li tliet xhur ilu mietet persuna arrestata fil-lock up?? Jista’ jgħid kemm il-AED (Automated External Defibrillator) hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-lock up tad-Depot u fl-għasses tal-pulizija? Jekk ma hemmx jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-2016 jinxtraw numru ta’ AEDs biex jitpoġġew il-ħabs, il-lock up tad-Depot, u fl-għasses tal-pulizija? Jista’ jgħid x’taħriġ ingħataw persuni li huma stazzjonati fil-lock up minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-uffiċċjali tal-Pulizija matul ir-reklutaġġ, kif ukoll waqt l-‘in service’ li ingħata fil-passat ġew imħarrġa fl-‘Ewwel Għajnuna’. Madankollu diġa’ bdew diskuzzjonijiet biex uffiċjali stazzjonati fil-lock-up tal-pulizija jibdew jitħarrġu ma entita’ rikonoxxuta fl-‘Ewwel Għajnuna’. Dan it-taħriġ mistenni li jibda fil-futur qarib u dan peress li t-taħriġ ser isir speċfiku għal dawn l-uffiċjali. Sal-lum hemm Automated External Defibrillator f’għassa waħda fil-Korp u ser isir taħriġ għall-uffiċċjali f’din l-għassa kif ju¿awha. Irid jingħad li għad iridu jsiru diskussjonijiet jekk dawn għandhomx jinxtraw għall u¿u f’lokalitajiet oħra. Minn naħa tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin nsibu 3 AED’s, wieħed Kordin, wieħed Forensic u wieħed il-YOURS. Din is-sena ser jinxtara ieħor għal Kordin biex b’hekk Kordin jkollu tnejn. Dawn jiġu amministrati minn nurses tal-Faċilita.
Infurmat li l-uffiċjali tal-lock up bdew taħriġ ta’ mmaniġjar ta’ detenuti u persuni arresti fil-lock up, liema taħrig għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw allowance għall-ġranet tal-Valletta Summit u ċ-CHOGM? Jista’ jikkonferma li dan l-allowance tħallas bħala ħlas finali għas-sigħat kollha żejda li ħadmu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fiż-żewġ okkażżjonijiet imsemmija? Jista jgħid ta’ kemm kien dan l-allowance li ngħata lill-membri tal-AFM? Jista’ jgħid min kien intitolat għal dan l-allowance u x’kien ikopri dan l-allowance?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma kienu ntitolati għall-ħlas finanzjarju ta’ sahra għas-sigħat li jaħdmu zejda. Pero`, skond il-proċeduri applikabbli, il-membri tal-istess Forza ġew ikkumpensati bit-Time Off in Lieu għall-ħinijiet kollha li ħadmu zejda. Ma’ dawn tħallsu wkoll finanzjarjament tas-sigħat li ħadmu fil-Ħdud skond ir-rata applikabbli. Oltre minn hekk il-Ministeru rringrazzja lil kull membru li kien involut b’allowance ta’ darba ta’ Eur110 bħala turija ta’ ringrazzjament għas-servizz impekkabli li l-istess membri taw waqt l-imsemmija attivitajiet.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21659, jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie maħtur f’din il-kariga? Jista’ jgħid jekk din il-kariga hijiex bħala position of trust? Jekk mhux bħala position of trust, jista’ jgħid meta saret is-sejħa pubblika u f’liema gazzetta tal-gvern (data preċiża) kienet ippublikata? Jista’ jpoġġi kopja tal-ittra tal-ħatra fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kariga fuq bażi ta’ position of trust ingħatat fl-1 ta’ Settembru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ pussess ta’ droga li nqabdu f’Għawdex fl-2014 u fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b’pussess ta’ droga fl-2014? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni akkużati b’pussess ta’ droga fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2014 l-iskwadra ta’ kontra id-droga u l-Pulizija ta’ Għawdex wettqu total ta’ disa’ u erbgħin (49) arrest relatati ma każijiet ta’ pussess ta’ droga ġewwa Għawdex. Sittax (16) min dawn il-persuna diġa tressqu il-Qorti. Matul is-sena 2015 kien hemm tlieta u ħamsin (53) arrest fuq reati simili u sal-lum tressqu seba (7) mil-persuni nvoluti l-qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ traffikar ta’ droga li nqabdu f’Għawdex fl-2014 u fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b’traffikar ta’ droga fl-2014? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni akkużati b’traffikar ta’ droga fl-2015 sad-data li saret din il-mistoqsija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2014 l-iskwadra ta’ kontra id-droga u l-Pulizija ġewwa Għawdex arrestaw disa’ (9) persuni fuq traffikar tad-droga. Tnejn (2) minnhom tressqu il-Qorti u s-sebgħa l-oħra għad iridu jitressqu. Matul is-sena 2015 kien hemm ħmistax (15) il-persuna li ġew arrestati fuq reati simili u sal-lum diġa tressqu sitta (6) minnhom il-Qorti waqt li l-kumplament għad iridu jitressqu.
Korp tal-Pulizija — xiri ta’ ilbies protettiv mis-sezzjoni tat-traffic
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-15 ta’ Diċembru 2015, inxtara lbies protettiv għas-sezzjoni tat-traffic fi ħdan il-korp tal-pulizija? Jista’ jgħid kemm, f’dan ix-xiri, inxtraw crash helmets, ġgieget għas-sajf u għax-xitwa u qliezet u boots? Jista’ jgħid mil-liema ħanut dawn inxtraw? Jista’ jgħid jekk dawn l-affarijiet inxtrawx b’direct order jew permezz ta’ tender? Jekk dawn l-affarijiet inxtraw permezz ta’ tender, jista’ jgħid f’liema Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat u meta? Jista’ jagħti d-data preċiża?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li nxtraw sebgħin ‘summer mesh jackets’ u ħamsa u tletin crash helmet bejn 1 ta’ Jannar 2015 u 15 ta’ Dicembru, 2015, għat-Taqsima tat-Traffic fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Ma nxtraw l-ebda qliezet għax-xitwa u boots fl-istess perjodu. Rigward il-ġgieget tas-sajf dawn inxtraw b’direct order wara li ġiet approvazzjoni mil-Ministeru tal-Finanzi. Rigward il-Crash helmets dawn inxtraw mingħand l-istess agent b’direct order, minħabba bżonn ta’ uniformita fit-tip tal-elmi użati mill-Pulizija tat-traffiku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inkrew karozzi li ntużaw mill-pulizija waqt iċ-CHOGM? Jista’ jgħid mingħand min inkrew dawn il-karozzi? Jista’ jgħid kemm inkrew kull siegħa/ġurnata dawn il-karozzi? Jista’ jgħid min ħa ħsieb li jinkrew dawn il-karozzi? Jista’ jgħid jekk dawn inkrewx b’direct order jew inkella permezz ta’ tender? Jekk inħareġ tender, jista’ jgħid f’liema Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat u meta? Jista’ jagħti d-data preċiża?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Karozzi li nxtraw għall-korp tal-pulizija mingħand iċ-CHOGM task force
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta u kemm-il karozza inxtrat għall-korp tal-pulizija mingħand iċ-CHOGM Task Force? Jista’ jgħid ta’ liema tip huma dawn il-karozzi li nxtraw? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew dawn il-karozzi li nxtraw mingħand iċ-CHOGM task force? Jista’ jgħid liema sezzjoni tal-pulizija ser tkun qed tuża dawn il-karozzi li nxtraw?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Korp xtraw erbgħin karozza tat-tip Ford Focus f’Ottubru/Novembru 2015, li ngħataw mic-CHOGM Task Force wara l-attivitajiet li kien hemm f’Novembru. Dawn swew li-Dipartiment erbgħa mitt elf Euro u ser jintużaw f’Taqsimiet tal-Pulizija, skond kif jidderiġi l-Kummissarju tal-Pulizija u skond il-bzonnijiet tal-Korp.
Korp tal-Pulizija — Donazzjoni ta’ armi mill-Gvern Ċiniż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li bħalissa għaddejjin trattattivi bejn il-gvern Malti/korp tal-pulizija rigward donazzjoni ta’ armi mill-Gvern taċ-Ċina lill-korp tal-pulizija? Jista’ jgħid meta bdew dawn it-trattativi /negozjati? Jista’ jgħid x’tip ta’ armi ser jingħataw lill-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid jekk ġiex iffirmat xi ftehim qabel bdew in-negozjati mal-Gvern Ċiniż? Jista’ jgħid jekk għal din id-donazzjoni saritx talba mill-Gvern Malti jew inkella kenitx offerta tal-Gvern Ċiniż lill-Gvern Malti/korp tal-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li bħalissa mhux għaddejjin trattattivi bejn il-Gvern Malti jew il-Korp tal-Pulizija rigward donazzjoni ta’ armi mill-Gvern taċ-Ċina lill-korp tal-Pulizija.