Ċentri ta’ Detenzjoni – detention officers — xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul is-sena 2015 kienx hemm detention officers li ntbagħtu jagħmlu xogħol ieħor mhux konness maċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u dan in vista li n-numru ta’ residenti fis-sena 2015 niżel drastikament sal-punt li fl-aħħar ta’ Jannar 2015 kien hemm biss 12-il persuna miżmuma fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu dawn il-persuni li ntbagħtu jaħdmu f'post ieħor u f'kull każ għal kemm żmien? Jista’ jgħid kif intgħażlu d-detention officers li ntbagħtu jaħdmu f'postijiet oħra ‘l hinn mid-detention centres?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Lulju 2015, 52 (tnejn u ħamsin) detention service officer bdew jaħdmu bħala għassiesa fiċ-Ċentri miftuħa mmexxija mill-AWAS. Dawn il-persuni jaħdmu fuq bażi ta’ shift matul il-ġurnata u bil-lejl.
Matul il-Valletta Summit on Migration u matul ic-CHOGM, 20 (għoxrin) detention service officer ġew imqabbda jaħdmu bħala sewwieqa mal-Korp tal-Puluzija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2014?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru 2013 kien hemm 339 (tliet mija, disa’ u tletin) immigrant u fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kien hemm 26 (sitta u għoxrin) immigrant.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-erbgħin karozza li l-Korp tal-Pulizija xtara mingħand iċ-CHOGM task force f'Novembru li għadda, għas-somma ta' €400,000, għadhom mhux jintużaw u qegħdin mitluqa f'Ta' Kandja? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender biex ikun jista' jsir ir-wrapping u l-beacon lights ta' dawn l-erbgħin vettura? Jista' jagħti data preċiża meta dawn l-erbgħin karozza tat-tip Ford Focus se jiġu mgħammra kif suppost, bir-wrapping u l-beacon lights biex jibdew jintużaw mill-membri tal-Korp? Jista' jikkonferma jekk dawn il-karozzi humiex se jkunu qed jintużaw mill-pulizija tad-distrett jew jekk hux se jingħataw lill-membri tal-RIU?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-vetturi li nxtraw mill-Pulizija, kif indikat fil-mistoqsija, ser joħorġu fl-iqsar żmien possibli. Numru żgħir tqassmu diġa. Fil-preżent inħarġu numru ta’ tenders u quotes għal xogħlijiet meħtieġa biex jintramaw bħala karozzi tal-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li ntefqet mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jew xi entità oħra fl-istess Ministeru sabiex sar xogħol ta' irranġar, maintenance u ristrutturar fuq il-bini li hemm Ħal Ferħ fejn kellhom jiġu akkomodati l-pulizija waqt il-laqgħa taċ-CHOGM?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ispiża totali li ntefqet mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali jew xi entita’ oħra fl-istess Ministeru sabiex sar xogħol ta' irranġar, maintenance u ristrutturar fuq il-bini li hemm Ħal Ferħ fejn kellhom jiġu akkomodati l-pulizija waqt il-laqgħa taċ-CHOGM kienet ta’ € 12,352,53.
AFM –korsijiet militarji u ċivili li attenda l-Brigadier
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23216, jista’ l-Ministru jagħti s-sena ta’ kull course li attenda l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta tul il-karriera tiegħu fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – kariga ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdimx bħala Correctional Officer ta’ CCF? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-individwu hux għaddejin proċeduri kontrih fil-Qorti għax aggredixxa Spettur tal-Pulizija? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan l-individwu jiffirma fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar? Jista’ jinforma jekk ġiex sospiż pendenti l-proċeduri kriminali li għaddejin kontrih fil-Qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament jaħdem bħala Correctional Officer fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Ninsab infurmat li għaddejjin proċeduri kontrih fil-Qorti u jiffirma fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Peress li huwa ufficjal pubbliku il-każ kien riferut lill-Kummisjjoni Dwar is-Servizz Pubbliku f’Jannar tas-sena 2014 u l-Kummissjoni taqbel li l-uffiċjal imsemmi m’għandux ikun sospiż temporanjament mill-eżerċizzju tal-poteri u l-funzjoni ta’ dmirijietu. Il-każ għadu pendenti.
Government Property Division — impjegati - Rapport dwar Triq Zekka l-Belt –
Question
Jista’ l-Prim Ministru jinforma lil dan il-Parlament jekk hu personalment jew uffiċjali mill-uffiċċju tiegħu humiex jibagħtu jew beħsiebhom jibagħtu għall-persuni impjegati mal-Government Property Division li ssemmew fir-Rapport tal-NAO dwar l-espropriju ta’ Triq Zekka l-Belt fil-ġranet li ġejjin? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan?
AFM –korsijiet militari u ċivili li attenda l-Brigadier
Question
B'referenza għar-risposta parlamentari 23216, jista' l-Ministru jagħti s-sena ta' kull kors militari u ċivili li attenda l-Brigadier tal-Forzi Armati ta' Malta tul il-karriera tiegħu fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta?
AFM — Special Operations Unit – allowances lill-membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-allowance li l-membri tal-iSpecial Operations Unit fil-Forzi Armati ta’ Malta qegħdin jieħdu? Jista’ jgħid jekk din l-allowance hijiex se tkun qed tissostittwixxi dik ta’ C (Special Duties) u tal-voluntiera biex iservu barra l-pajjiż?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa l-membri tal-iSpecial Operations Unit ma humiex qed jieħdu allowances addizjonali sakemm ilestu t-taħriġ inizjali kollu.
Rigward l-allowance tac-C (Special Duties) u tal-voluntiera sabiex iservu barra l-pajjiz intenni li dawn huma marbutin ma' kuntratti individwali li għadhom qed jiġu onorati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta għal din is-sena 2016 huwiex ikun ibbażat fuq is-Soldiers Carrier Handbook tal-2009? Jekk le, jista’ jgħid fuq xiex qed jiġi bbażat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet mis-sena 2016 ‘il quddiem ser ikunu bba¿ati fuq is-Soldier’s Career Handbook tal-2015, kif ikkomunikat uffiċjalment internament. Dan skont il-liġi militari u ġie anke spjegat fid-dettall lill-membri kollha tal-FAM. Dan il-proċess il-ġdid sar sabiex jelimina is-suġġettivita’ li kien hemm fil-proċess l-antik u sabiex anke jindirizza ċertu kriterji li bi provi ħolqu inġustizzji fis-snin ta’ qabel. Tali proċess ser jaċċerta trasparenza u proċess ġust għal dawk kollha involuti.
AFM – promozzjonijiet lil Uffiċjali ta’ rank għoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir eżerċizzju ieħor ta’ promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta biex jilħqu uffiċjali ta’ rank għoli (senior ranks)?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema rank għoli qed jirreferi.
Korp tal-Pulizija – ħlas għal sigħat twal li għamlu fis-Summit Afrikan Ewropew u fiċ-CHOGM
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk saritx talba uffiċjali lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kif ukoll lill-Korp tal-Pulizija sabiex uffiċjali minn rank ta’ spettur ‘il fuq, li kienu ddettaljati jaħdmu ammont ta’ sigħat twal kemm fis-Summit Afrikan Ewropew u fiċ-CHOGM jitħallsu tas-sigħat żejda li għamlu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk din it-talba għall-ħlas intlaqgħetx? Jekk ir-risposta hi li t-talba ma ntlaqgħetx, jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-talba ma ntlaqgħetx aktar u aktar meta qabel l-imsemmija Summits kien imwiegħed li se jitħallsu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’dan il-kaz intuzat l-istess proċedura li kienet saret fl-2005.
Korp tal-Pulizija –ħlas għal sigħat żejda maħduma minn fizzjali fl-Elezzjonijiet tal-2015
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-fizzjali fil-Korp tal-Pulizija, mir-rank ta’ Spettur ‘il fuq, kenux tħallsu tas-sigħat żejda li għamlu fl-Elezzjonijiet tas-sena 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi għas-sigħat zejda maħduma waqt l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u r-Referendum tal-Kaċċa, il-fizzjali kollha mir-rank ta’ Spettur ‘il fuq, tħallsu extra duty mill-Kummissjoni Elettorali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni wara l-impjieg ta’ persuna pajżana bħala Mess Manager tal-mess tal-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-raġuni tal-impjieg tal-Mess Manager tal-mess tal-uffiċjali tal-FAM kienet minħabba li nħoloq il-bzonn għall-istess impjieg u anke meta ġie kkunsidrat l-esperjenza vasta fl-istess qasam li għandu l-persuna li ġiet impjegata, li bla dubju servew ta’ benefiċċju għall-istess mess.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għad-deċiżjoni li tiġi promossa fir-rank ta’ Logutenent Kurunell l-avukat tal-Armata u għaliex din il-promozzjoni ma ġietx mogħtija wkoll lil membri oħra fl-Armata li għandhom dottorat?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma teżisti l-ebda klawsola fl-Armata li jekk ikollok dottorat trid tiġi promos għar-rank ta’ Logutenent Kurunell. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li l-istess promozzjoni għall-avukat tal-Armata saret skont kif tippermetti l-liġi militari u minħabba l-esiġenzi tas-servizz.
AFM – rank ta’ uffiċjali sekondati fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni f’Ħal Far u Ħal Safi
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex fil-preżent, l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta sekondati mas-Servizzi ta’ Detenzjoni biex imexxu ċ-Ċentri ta’ Detenzjoni f’Ħal Far u Ħal Safi ma jġorrux ir-rank ta’ Kurunell?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li secondment ta' membri tal-FAM, inkluz ir-rank tagħhom, mas-Servizzi ta' Detenzjoni, isir skont l-esiġenzi tas-servizz, u s-sitwazzjoni tal-mument fil-post indikat.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ingħataw promozzjonijiet aċċellerati fl-aħħar tliet eżerċizzji ta’ promozzjonijiet (2013, 2014, 2015) fil-Forzi Armati ta’ Malta? Min kienu l-persuni u x’kienu r-raġunijiet wara kull każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul l-eżerċizzji ta' promozzjonijiet tal-2013, 2014 u l-2015 ingħataw 13 promozzjonijiet aċċellerati. Dawn saru skont paragrafu 59 tal-AFM Soldier's Career Handbook u ċirkolari tal-1999 maħruġa mill-OPM.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali u suldati li bħalissa qegħdin iservu mas-C Company tal-1 Regiment tal-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-prezent hemm 89 Other Rank u 4 Uffiċjali li qed jservu mas C (Special Duties) Company tal-1 Regiment tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati u uffiċjali li għandhom jieħdu l-allowance tas-C Company (Special Duties) fil-Forzi Armati ta’ Malta? Jista’ jgħid jekk dawn l-uffiċjali u suldati humiex se jibqgħu jgawdu minn din l-allowance?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent hemm 99 membru tal-FAM li qed jibbenifikaw mill-allowance ta’ dik li kienet tissejjaħ ic-C (Special Duties) Company. Din l-allowance qed tingħata għaliex hemm kuntratt mal-istess individwi, liema kuntratti se jiġu kollha onorati.