Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ serq fis-segwenti lokalitajiet lokalità b'lokalità, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Pembroke, Naxxar, Mosta, Mellieħa, Paola, Żejtun, Marsaxlokk, Ħaż-Żebbuġ, Santa Venera, Lija, Iklin, u s-Siġġiewi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru sigħat ta' extra duty mill-Korp tal-Pulizija xahar b'xahar fis-sena 2014 u 2015 u mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu għall-extra duty fil-Korp tal-Pulizija xahar b'xahar fis-sena 2014 u 2015 u mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 25932 - Korp tal-Pulizija - Extra Duty.docx
Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont li tħallas bħala overtime fil-Korp tal-Pulizija xahar b'xahar fis-sena 2014 u 2015 u mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irraportati serqiet fil-lokalità ta’ Bormla mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar, u l-31 ta’ Mejju, 2016, ġew irrapurtati erbgħa u tletin (34) każ ta’serq fil-lokalita ta’ Bormla, lill-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet fil-lokalità ta’ Birkirkara mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju, 2016, ġew irrapurtati lill-Pulizija wieħed u sebgħin (71) każ ta’ serq, fil-lokalita ta’ Birkirkara.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet fil-lokalità tal-Belt Valletta mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju, 2016, ġew irrapurtati lill-Pulizija, mija u tnejn u disgħin (192) każ ta’ serq, fil-lokalita tal-Belt Valletta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25502, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' passi dixxiplinarji ttieħdu fil-konfront tat-tliet uffiċjali msemmija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-passi dixxiplinarji għadhom ma ġewx konklużi.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25158 u 25579, jista' l-Ministru jgħid hijiex għaddejja investigazzjoni interna dwar allegat tixħim li seħħ sabiex jinxtraw jew jibda l-proċess biex jinxtraw numru ta' beacon lights għall-vetturi tal-pulizija, liema allegazzjonijiet ġew irrappurtati fin-news portal “newsbook.com.mt” fl-4 ta' April 2016? Jekk għaddejja investigazzjoni, jista' jgħid fiex waslet din l-investigazzjoni, minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista' jikkometti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja, huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 25158.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hijiex policy tal-Korp tal-Pulizija sabiex applikanti li jkunu jridu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija, jiġu esklużi milli jiġu aċċettati peress li jkollhom tpinġija (tattoo)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma li din il-policy tapplika wkoll għal min jiġi re-instated fil-Korp tal-Pulizija wara li jkun intlaqgħu l-ilmenti mill-Grievance Board?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond l-aħħar avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 19,536 datata 16 ta’ Frar, 2016, għall-post ta’ Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, l-artiklu 4.1(viii) kien jgħid illi “applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing eċċessiv ma jiġux ikkunsidrati. Applikanti li jkollhom tatwaġġi oħrajn jiġu kkunsidrati skont il-każ”. Madankollu ma hemmx policy rigward ir-re-instatements u d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Grievances Unit, fejn jikkonċerna tatwaġġi.
Jista’ l-Ministru jgħid bid-dati eżatti meta fil-perjodu minn Marzu 2013 sat-30 ta’ April 2016 saru sejbiet ta’ droga ġewwa l-ħabs, liema sejbiet saru bl-għajnuna tal-klieb tas-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija tal-ħabs stess?
Response (ABELA, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 18570, nżied ngħid li minn Marzu 2015 kien hemm dawn is-sejbiet li saru bl-għajnuna ta’ dawn il-klieb:
26/03/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis
29/03/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
13/05/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
31/07/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis
19/08/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
01/11/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
27/11/2015 3 Sejbiet ta tracci ta’ suspetatta Heroina u flimkien ma oggetti li ghandhom x’jaqsmu ma uzu tad-droga
13/02/2016 Sejba ta’ sustanza suspetatta kokaina u Cannabis
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-22 ta’ Novembru 2015 kienet saret spot-check mid-duty officer ġewwa d-dog section tal-Mosta u li dakinhar kien ġie rrapurtat li t-tliet dog handlers li suppost kienu xogħol f’dak il-ħin tal-ispot check effettivament ma kenux fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid ittieħdux passi dixxiplinarji kontra dawn il-persuni u jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn il-passi dixxiplinarji?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-data indikata kienet saret spezzjoni mid-Duty Officer fil-Compound tad-Dog Section tal-Mosta fejn tlett uffiċjali kienu nstabu li telqu minn fuq il-post tax-xogħol qabel ma effetivament kien spiċċa l-ħin tax-xogħol tagħhom. Ninfurmah ukoll li qed jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn l-uffiċjali.
B'referenza għar-raportaġ li deher fil-ġurnal l-Orizzont ta' nhar it-Tnejn 16 ta' Mejju 2016 f’pagna 8, jista' l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Bord tal-Inġustizzji li qed jirreferi għalih l-artikolu? Jista' jgħid meta ġie mwaqqaf dan il-bord (data preċiża) u f'liema Gazzetta tal-Gvern kien ippublikat? Jista' jgħid x'inhuma/x'kienu l-poteri mogħtija lil dan il-bord? Jista' jgħid kemm-il deċiżjoni ħa dan il-bord? Jista' jgħid kemm minn dawn id-deċiżjonijiet ġew implimentati? Jista' jgħid sa meta kien effettiv dan il-bord (data preċiża) u jekk hux se jerġa’ jiġi mwaqqaf bord ieħor fil-futur?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Grievances Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali inħatru mis-Segretarju Permanenti Prinċipali.
Il-membri li kienu jiffurmaw dan il-Unit huma:
Ċerpersin: Is-Sur Caesar Grech
Membri: Is-Sur Lino Debono
Is-Sur Francis X Grima
Il-Unit twaqqaf b’effett mit-23 ta’ Jannar, 2014 u dam effettiv sal-31 ta’ Diċembru 2015. Ma kienx hemm il-ħtieġa li l-Grievances Units tal-Ministeri kollha jkunu ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern billi l-għan li għalih kienu mwaqqfa ma kien xejn aktar minn Units amministrattivi. Mhux hu kkontemplat li jerġa jiġi mwaqqaf Unit ieħor fil-futur.
Il-poteri tal-Unit huma dawk kif stabbiliti fit-Termini ta’ Referenza maħruġa mis-Segretarju Permanenti Prinċipali. Dwar il-pettizjoniet mressqa mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant, għal Mistoqsija Parlamentari numru 25011.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hijiex policy tal-Korp tal-Pulizija sabiex applikanti li jkunu jridu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija, jiġu esklużi milli jiġu aċċettati peress li jkollhom tpinġija (tattoo)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma li din il-policy tapplika wkoll għal min jiġi re-instated fil-Korp tal-Pulizija wara li jkun intlaqgħu l-ilmenti mill-Grievance Board?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25158, jista' l-Ministru jgħid hijiex għaddejja investigazzjoni interna dwar allegat tixħim li seħħ sabiex jinxtraw jew jibda l-proċess biex jinxtraw numru ta' beacon lights għall-vetturi tal-pulizija, liema allegazzjonijiet ġew irrappurtati fin-news portal newsbook.com.mt fl-4 ta' April 2016? Jekk għaddejja investigazzjoni, jista' jgħid fiex waslet din l-investigazzjoni, minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista' jikkometti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja, huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 25158.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm suldati li jimmuntaw fuq iċ-Changing of the Guard skont ir-rank tagħhom? Jista' jgħid kemm-il darba fix-xahar qed issir iċ-ċerimonja taċ-Changing of the Guard? Jista' l-Ministru jgħid kemm idumu (ġimgħat / xhur) s-suldati assenjati fuq iċ-Changing of the Guard?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ċ-Changing of the Guard hemm total ta’ 18-il suldat. Ir-ranks huma; 1 x Bombardier, 7 x Lance Bombardier u 10 x Gunners. Iċ-ċerimonja taċ-Changing of the Guard issir l-aħħar ġimgħa ta’ kull xhar. Il-perijodu li suldati jkunu assenjati fuq iċ-Changing of the Guard huwa ta’ sitt xhur, biss dawn jinbidlu skond l-esiġenzi tas-servizz u għalhekk ġieli suldati nbidlu qabel is-sitt xhur.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-ex-Spettur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ser jiġi reinstated fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li l-Ispettur imsemmi ser jiġi promoss għal Supretendent? Jekk iva fuq liema bażi dan ser jiġi promoss għall-kariga ta' Supretendent tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fuq rakkomandazzjoni tal-Bord tal-‘Grievances’ il-persuna msemmija se tiġi reinistated fil-Korp tal-Pulizija u maħtura bħala Supretendent tal-Pulizija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu l-Bord tal-‘Grievances’ irrakkomanda li kien moralment konvint li ma kienx hemm raġunijiet ġustifikati biex din il-persuna tinqabeż għall-diversi drabi milli tkun promossa għar-rank ta’ Supretendent.
Ħabs Ċivili ta’ Kordin – użu tat-telephone tal-istores
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament x'passi u x’miżuri jittieħdu ġewwa l-Ħabs Ċivili ta’ Kordin sabiex jiġi assigurat illi priġunieri fl-istess ħabs ma jagħmlux użu mit-telephone li hemm ġewwa l-istores liema telephone ma jinżammx taħt moniteraġġ peress li suppost jintuża minn uffiċjali biss u mhux minn priġunieri?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li t-telephone li jintuża mill-istores jinżamm taħt il-kontroll tal-uffiċjali addetti ġewwa l-imsemmi stores. Tajjeb jingħad li meta ma jkunx hemm uffiċjali ġewwa l-istores, dan jiġi magħluq u għalhekk fl-ebda ħin ma jkun hemm it-telephone mhux sorveljat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Forzi Armati ta' Malta minn Marzu 2013 sa April 2016? Jista’ jgħid għal kemm jammontaw dawn id-direct orders kollha f'daqqa f'termini ta' flus? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-aġenti u intrapriżi li sar xiri mingħandhom permezz ta' dawn id-direct orders?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi minn Marzu 2013 sa April 2016 ingħataw 116 (mija u sittax) direct order mill-Forzi Armati ta’ Malta. F’termini ta’ flus dawn id-direct orders kollha f’daqqa kienu jammontaw għall- €3,850,523.94. Il-lista tal-aġenti u intrapizi li sar xiri mingħndhom permezz ta’ dawn id-direct orders qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Korp tal-Pulizija minn Marzu 2013 sa April 2016? Jista' jgħid għal kemm jammontaw dawn id-direct orders kollha f'daqqa f'termini ta' flus? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-aġenti u intrapriżi li sar xiri mingħandhom permezz ta' dawn id-direct orders?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi bejn Marzu 2013 u April 2016, kien hemm 71 (wieħed u sebgħin) direct order li ngħatat mill-Korp tal-Pulizija wara approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi. L-ammont globali ta’ dawn id-direct orders kollha f'daqqa f'termini ta' flus kien ta’ Euros 1,611,371. Il- lista tal-aġenti u intrapiżi li sar xiri mingħandhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.