Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – Għassa — spettur

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement ġewwa l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar m’hemmx spettur tal-pulizija peress li l-ispettur li kien hemm mhux jidħol għax-xogħol minħabba sick leave ? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti raġuni u spjegazzjoni għal dan? Jista’ jgħid jekk u meta se jintbagħat spettur ieħor tal-Pulizija fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kunfidenzjalita', mhux prudenti li wieħed jagħti spjegazzjoni jew raġuni għala l-Ispettur ħareġ bis-'sick leave'. Sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u kif jiġri f’każijiet simili, qiegħed ilaħħaq id-distrett ta' Ħaż-Żabbar l-Ispettur stazzjonat l-Għassa ta' Bormla.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Dipartiment tas-Sanità — kċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-snin 2014, 2015 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda parlamentari lill-ministeru konċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Division 1 – provvista ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li f'Division 1 ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin hemm problema ta’ provvista ta’ ilma? Jista’ jgħid x’qed jikkawża din il-problema u kemm ilha għaddejja? Jista’ jikkonferma li konsegwenza ta’ din il-problema l-priġunieri ma setgħux jużaw ix-showers għal diversi ġranet u biex jinħaslu kellhom jinqdew b'pipe? Jista’ jikkonferma li minħabba din il-problema ta’ provvista ta’ ilma f'Division 1, il-flushings fiċ-ċelel tal-priġunieri ma kenux qed jimtlew bl-ilma għal diversi ġranet bil-konsegwenza li l-priġunieri ma setgħux jagħmlu użu mill-flushing fiċ-ċella tagħhom għal diversi ġranet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dawn l-aħħar ġranet kien hemm problema ta’ provista tal-ilma fid-Division 1 tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. L-awtoritajiet tal-Faċilità mill-ewwel ħadu passi sabiex jiġi stabbilt x’kien qed jikkaw¿a din il-problema sabiex tkun tista tiġi irrimedjata. Sakemm ġie stabbilit x’kien li qed jikkawża l-problema kien irrakomandat illi jittieħdu miżuri sabiex jiġi ikkontrollat il-konsum tal-ilma fl-istess Division u dan peress li l-pressa tal-ilma li jasal għad-Division ma kienetx qed tlaħħaq mal-konsum qawwi. Sadanitant ittieħdu passi sabiex it-tankijiet tal-ilma tal-istess Division jiġu fornuti bl-ilma kuljum. Wara ħidma intensiva mill-uffiċjali tal-Faċilità flimkien ma’ ħaddiema tal-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-ilma ġie stabbilt minn fejn kienet qed toriġina il-problema u din giet irrimedjata immedjatament. Is-sitwazzjoni giet għan-normal.

Priġunieri li kkunsmaw drogi jew sustanzi pprojbiti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-30 ta’ Ġunju 2016 kien hemm żewġ każijiet oħra ta’ priġunieri li kkunsmaw droga jew sustanza pprojbità ġewwa l-ħabs bil-konsegwenza li dawn kellhom jingħataw attenzjoni medika? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi determinat kif daħlet din is-sustanza fil-ħabs, jekk ġewx infurmati l-pulizija u l-maġistrat tal-għassa u jekk ġewx sospiżi jew ittieħdux passi dixxiplinari kontra xi ħadd wara li seħħ dan il-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li nhar it-30 ta’ Gunju 2016 filgħaxija ġie rraportat li ¿ewġ priġunieri kienu jidru li ma kienux f’sikithom. Huma nagħtaw l-attenzjoni medika kif kien meħtieġ. Mill-istħarriġ li sar irriżulta li wieħed mill-priġunieri instab possitiv għall-użu tad-droga. Dan huwa ksur tad-dixxiplina tal-Faċilità u għalekk ser jittiħdu passi dixiplinarji kontra il-priġunier. Ma hiex prassi li meta priġunieri jistabu possitivi għal użu tad-drogi jiġu nformati l-Pulizija jew il-Maġistrat tal-Għassa. Dan issir f’każijiet ta’ sejbiet ta’ droga fejn ikun hemm evidenza biex tiġi priservata. Ma jirriżultax li kien hemm lok li jiġu sospiżi xi persuni, iżda passi dixxiplinarji kontra l-priġunier għal ksur tar-Regolamenti tal-Ħabs qed jittieħdu. l-Awtoritajiet tal-Faċilità Korretiva qed jagħmlu ħidma kontinwa sabiex tiġi indirizata l-problema ta’ sustanzi projbiti ġewwa l-Faċilita’. Qed jittieħdu diversi miżuri sabiex tiġi indirizzata din il-problema li ila teżisti għal snin sħaħ.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili bħalissa? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa hemm mija u tmenin (180) membru tal-Protezzjoni Ċivili. Minn dawn il-persuni tlieta huma nisa. Mal-Protezzjoni Ċivili bħalissa hemm tmienja u disgħin (98) voluntier u tmienja (8) minnhom huma nisa.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – droga/sustanza misjuba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-lum kemm-il darba nstabet droga/sustanza pprojbita ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid f’kull każ x’passi ttieħdu biex jiġi stabbilit kif din id-droga/sustanza pprojbita daħlet ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi ta’ xi forma jew oħra fil-konfront ta’ priġunieri li nstabu fil-pussess tal-istess droga/sustanza pprojbita? Jekk fl-affermattiv jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-passi li ttieħdu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-lum kien hemm 15-il sejba ta’ sustanza suspettuża li hija pprojbita u li nstabet ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew waqt li qiegħda tiddaħħal fil-Faċilità. Kull kaz ġie riferut lill-Pulizija għall-analizi tas-sustanza u fejn irriżulta li din kienet droga jew sustanza pprojbità, l-Pulizija tieħu l-passi dixxiplinari kontrihom skont il-kaz rispettiv.

Annimali mħarsa bil-konvenjoni msejħa CITES maqbuda mill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il speċi ta’ annimali mħarsa bil-konvenzjoni CITES inqabdu mill-Pulizija bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-1 ta' Mejju 2016? X'tip ta' annimali kienu? X'valur kellhom fis-suq? Fejn ġew interċettati mill-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

ALE — deployment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-deployment tal-ALE fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015? Kemm swiet l-iswadra tal-ALE matul dawn is-snin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konvenzjoni msejħa CITES – taħriġ lill-membri tal-ALE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ ingħata lill-membri tal-ALE fuq liġijiet u investigazzjonijiet in konnessjoni mas-CITES bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-1 ta' Mejju 2016.

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma ngħatax taħriġ lill-membri tal-ALE fuq liġijiet u investigazzjonijiet in konnessjoni mas-CITES fil-perjodu msemmi.

Konvenzjoni msejħa CITES — persuni mressqa mill-pulizija

Question

Jista' l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jgħid kemm-il speċi ta' annimali mħarsa bil-konvenzjoni CITES inqabdu mill-Pulizija bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-1 ta' Mejju 2016? X'tip ta' annimali kienu? X'valur kellhom fis-suq? U fejn ġew interċettat mill-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati ta’ Malta — nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-persentaġġ ta’ nisa fil-Forzi Armati ta’ Malta meta kkumparat mal-membri kollha tal-Forzi Armati bħalissa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persentaġġ ta’ nisa fil-Forzi Armati ta’ Malta meta kkumparat mal-membri kollha tal-Forzi Armati bħalissa, huwa ta 5%.

Gwardjani tal-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm gwardjani tal-ħabs? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-gwardjani tal-ħabs huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Gunju 2016, kien hemm total ta’ 225 gwardjan fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Minn dawn 192 huma rġiel u 33 huma nisa.

Gwardjani tal-Ħabs – Sess Femminili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm gwardjani tal-ħabs li huma tas-sess femminili? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa l-persentaġġ ta’ gwardjani tal-ħabs li huma tas-sess femminili?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm tlieta u tletin uffiċjali ta’ sess femminili. Il-persentaġġ huwa ta’ 14.8%.

Korp tal-Pulizija – extra duty

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25931 u jgħid kemm saru sigħat ta' extra duty mill-Korp tal-Pulizija xahar b'xahar fis-sena 2014 u fl-2015 u mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Mejju 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – persuni ta’ sess femminili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni tas-sess femminili fil-Forzi Armati ta' Malta preżentament? Jista’ jgħid kif dawn il-membri huma mqassma rank b'rank fl-istess forza?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li pre¿entament hemm ħamsa u tmenin persuna ta’ sess femminili fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn jinsabu mqassma fir-ranks kif ġej: 1 Lieutenant Colonel 1 Major 2 Captain 1 Lieutenant 1 2/Lieutenant 8 Staff Sergeant 5 sergeant 7 Bombardier 14 Lance Bombardier 32 Gunner 8 Gunner/Recruits 5 Officer Cadets

Ħabs – ingaġġ ta’ uffiċjali ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa previst li jiġu ngaġġati uffiċjali ġodda tal-ħabs sal-aħħar tas-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għadu għaddej il-proċess ta’ diskussjoni mall-Finanzi, biex jiġi deċiż in-numru eżatt ta’ kemm se jiġu ngaġġati.

Ħabs – sigħat ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ overtime li nħaddmu mill-uffiċjali tal-ħabs fis-sena 2014, 2015 u mill-1 ta' Jannar 2016 sal 31 ta' Mejju 2016 xahar b'xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissarju tal-Pulizija — Aġent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex diversi ġimgħat wara r-riżenja tal-Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Korp tal-Pulizija, għadu sal-lum imexxieh aġent Kummissarju minflok Kummissarju tal-Pulizija? Jista’ jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkunsidra t-talba tal-Oppożizzjoni li Kummissarju tal-Pulizija ġdid jinħatar bl-approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati? Jekk ir-risposta għat-tieni mistoqsija parlamentari hija fin-negativ, jista’ jagħti r-raġuni għalfejn?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aġent Kummissarju għandu l-poteri kollha ta’ Kummissarju. Il-Gvern, skont il-programm elettorali tiegħu, huwa kommess li jimmodernizza l-Korp tal-Pulizija u bosta deċiżjonijiet jittieħdu fil-mument opportun.

Korp tal-Pulizija – membri femminili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm membri li huma tas-sess femminili fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' membri fil-Korp tal-Pulizija li huma tas-sess femminili?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li preżentement hemm tlett mija u tmienja u disgħin (398) uffiċċjal tas-sess femminili li huma membri fil-Korp. Dan jgħodd għal-madwar 19.28 fil-mija bħala persentaġġ mill-membri kollha.

Ħabs Ċivili ta’ Kordin – sejba ta’ drogi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fl-14 ta’ Ġunju 2016 ġewwa l-Ħabs Ċivili ta’ Kordin instabet ammont ta’ droga/sustanza pprojbita f’Diviżjoni 13? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid x’sustanza nstabet u kemm kien l-ammont (piż/kwantità)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’passi ttieħdu u jekk ġewx infurmati l-pulizija u l-Maġistrat tal-Għassa dwar din is-sejba?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fl-14 ta’ Gunju 2016 waqt li Uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienu qed jagħmlu tfiċċija ġewwa Div 13, ġo waħda miċ-ċelel instabet borża tal-plastic li kienet tikkontjeni ammont sostanzjali ta’ materjal li jidher li hu frak ta’ weraq ta’ kulur aħdar. Billi ma setatx tiġi stabilita n-natura ta’ dan il-materjal u jekk fil-fatt huwiex droga jew sustanza oħra projbita, ġew infurmati l-Pulizja tal-Għassa ta’ Raħal Gdid sabiex jagħmlu l-investigazzjoni neċessarja. Il-Pulizija minn naħa tagħhom infurmaw lil Maġistrat tal-Għassa u qed issir inkjesta.