Legislature:
Category:
Reset
Active:

Suldati Għawdxin trasferiti minn Malta għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn April 2013 sal-lum kemm suldati Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex? Jista' jgħid f'kull każ meta kull wieħed minn dawn is-suldati, beda jaħdem fl-Armata? Jista' jgħid kemm hemm suldati Għawdxin f'Malta li daħlu jaħdmu fl-Armata qabel dawk li ġew trasferiti lejn Għawdex?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, ġew trasferiti tlettax (13) il-suldat għawdxi minn Malta għal Għawdex. Dawn is-suldati bdew jaħdmu fil-Forzi Armati ta’ Malta kif gej; wieħed fl-2003, wieħed fl-2005, tlieta fl-2006, seba fl-2007 u wieħed fl-2008. Hemm għaxar (10) suldati Għawdxin f'Malta li daħlu jaħdmu fl-Armata qabel l-2008 u dawn għadhom ma ġewx trasferiti lejn Għawdex minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom u l-esiġenzi tas-servizz. Il-każ jista’ jkun ukoll bil-kontra, cioe’ illi fis-sezzjoni marittima ġewwa Għawdex jiġu trasferiti ċertu għawdxin għax jiġi stabbilit li jkun hemm bżonn il-ħiliet tagħhom sabiex jiġu operati l-laneċ li hemm ġewwa Għawdex. Dan bħalma kien ġara fl-2011 meta ġew trasferiti sitta u tletin (36) għawdxi minn Malta sabiex jiffurmaw is-sezzjoni marittima ġewwa Għawdex, b’uħud minnhom ikunu ilhom fis-servizz biss madwar sena jew anke` anqas, minkejja li kien hemm għawdxin f’Malta aktar anzjani minnhom.

Trasferiment ta’ suldati – seniority list

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m’għadhiex tiġi segwita s-seniority list (skont id-data ta' meta bdew fl-Armata) tas-suldati Għawdxin biex jiġu trasferiti lejn Għawdex kif kien isir sa ftit tas-snin ilu u kif isir f'kull dipartiment ieħor tal-Gvern?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-seniority list għadha tinżamm għall-Għawdxin sabiex jiġu ttrasferiti lejn Għawdex. Dan sakemm l-esiġenzi tas-servizz jippermettu. Ma tiġix segwita biss jekk min ikun imissu jkollu ċertu ħiliet jew ikun sar fih/a ċertu investiment mill-Forza, tali ħiliet/investiment ikun importantissimu għall-Forzi Armati ta’ Malta. Għaldaqstant l-individwu msemmi ma jiġix immedjatament trasferit meta jmiss lejn Għawdex sakemm ikun imħarreġ sostitut.
Leg 12 PQ #28950 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: BEPPE FENECH ADAMI To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar fuq xogħol Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-15 ta’ Novembru 2016 huwa sifirx fuq xogħol ministerjali u jekk fl-affermattv jgħid f’liema ħin telaq mill-pajjiż, b’liema linja tal-ajru u għal liema destinazzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jum indikat fid-domanda parlamentari, il-Ministru telaq fuq żjara uffiċjali lejn Brussel fejn l-għada l-kabinett Malti kien se jiltaqa’ mal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropeja, anke in vista tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE), li se tibda ftit ġimgħat oħra f’Jannar 2017. Il-Ministru telaq minn Malta bit-titjira KM420.

Forzi Armati ta’ Malta – sensitive items

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu 2013 sal-lum kienx hemm rapporti ta’ serq u/jew telf ta’ sensitive items mill-Forzi Armati ta’ Malta? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv , jista’ jagħti d-dati meta seħħ dan is-serq u/jew telf? Jista’ jagħti wkoll id-dettalji ta’ x’kienu s-sensitive items irrappurtati misruqa u/jew mitlufa u jekk ittieħdux passi dixxiplinari kontra membri tal-Armata inkonnessjoni ma’ dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – membri – facebook account

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux permessibli u aċċettabbli li membru tal-Forzi Armati ta’ Malta jkollu Facebook Account taħt isem fittizju u fl-imsemmi Facebook Account itella’ posts, jagħmel kummenti u jagħmel shares ta’ posts ta’ terzi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta huma marbuta b’linji gwida fir-rigward tal-użu tal-media soċjali.

Korp tal-Pulizija – membri – facebook account

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux permessibli u aċċettabbli li membru tal-Korp tal-Pulizija jkollu Facebook Account taħt isem fittizju u fl-imsemmi Facebook Account itella’ posts, jagħmel kummenti u jagħmel shares ta’ posts ta’ terzi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li ninsab infurmat li fuq l-użu ta’ kull sit soċjali membri tal-Korp juma gwidati mill-kontenut ta’ żewġ ċirkulari interni. F’każ li jkun hemm xi ksur ta’ dak li hemm miktub jittieħdu passi dixxiplinarji.

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija, f’kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom f’xi waħda mill-branki tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond l-aħħar rapport ta’ allowances ta’ Gunju 2016, l-ammont ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija, minn kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, kien jammonta għal disa mija u erbgħa u erbgħin (944).

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’allowances il-membri tal-Korp tal-Pulizija fis-sena 2015 u fl-ewwel 9 xhur tal-2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2015 tħallas l-ammont ta’ Euros 8,326,094.70 f’allowances lil-membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li sas-7 ta’ Settembru 2016, l-ammont kien ta’ Euros 6,144,660.86.

Korp tal-Pulizija – membri tal-korp li ma jitħallsux allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li ma jirċievu ebda ħlas ta’ allowance għax-xogħol li jagħmlu fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull membru tal-Pulizija li jaħdem full time jirċievi ‘Police Duty Allowance’. Kuntistabbli tar-Riżerva huma eżenti minn din l-allowance, minħabba l-kuntratt speċifiku tagħhom.

Korp tal-Pulizija – sigħat ta’ taħriġ għall-membri tal-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ taħriġ għall-membri kollha fil-Korp tal-Pulizija fis-sena 2015 u fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ overtime li nħaddmu mill-membri tal-Korp tal-Pulizja fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2016 u għas-sena 2015 kollha? Jista’ jagħti din l-informazzjoni maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm tħallsu xahar b'xahar f’ overtime il-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2016 u fis-sena 2015 kollha?

Response (ABELA, CARMELO)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas ta’ overtime jinħadem kull erba’ gimgħat u mhux xahar x’xahar ninfurmah ukoll li s-siegħat maħduma minn membri tal-Korp, huma kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. It-tieni parti tat-tabella turi l-ammont ta’ sieghat kif ukoll il-ħlas relatat għal overtime li nħadem mill-membri tal-Korp tal-Pulizja fl-ewwel disa’ pagamenti tas-sena 2016.

Traffikar ta’ drogi — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27488, u jgħid kemm ġew arrestati persuni f’Għawdex b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ droga mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Settembru 2016? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni tressqu l-Qorti fl-istess perjodu akkużati bi traffikar ta’ droga?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2016, kien hemm sitt persuni li ġew arrestati f’Għawdex b’konessjoni ma traffikar ta’ droga. Sal-lum tnejn minn dawn il-persuni tressqu quddiem il-Qorti u ġew akkużati bi traffikar.

Korp tal-Pulizija – membri – kummenti u posts fuq portals ta’ gazzetti lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jittieħdu meta jirriżulta li membru fil-Korp tal-Pulizija jkun qed jagħmel posts u kummenti fuq portals ta’ gazzetti lokali li jkunu ta’ natura ta’ politika partiġjana u b'tgħajjir fil-konfront ta' membri tal-Oppożizzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ċirkolari nru: GHQ 81/2011 datata 31 ta’ Ottubru 2011, hu reat dixxiplinarju li membru tal-Korp tal-Pulizija jgħaddi tali kummenti fuq ‘social network websites’ jew ‘online blogs’, u dan fil-konfront ta’ kulħadd.

Gwardjani tal-ħabs – sospensjoni mix-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk gwardjan tal-ħabs li jkun sospiż mix-xogħol waqt li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu u wara s-sentenza jerġa’ jidħol għax-xogħol, ikollux iż-żmien li għamel sospiż jgħodd għall-finijiet ta’ kalkolu ta’ żmien ta’ servizz jew le?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li meta uffiċjal korretiv ikun sospż mix-xogħol waqt li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu, hekk kif tinqatta s-sentenza b’mod definitiv l-każ tiegħu jagħdi quddiem il-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliku li tkun hi li tiddeċidi il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-konfront ta’ dak l-Uffiċjal. Skond id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jkun jista jiġi deċiż jekk ż-żmien li jkunx għamel sospiż għandhux jgħodd għall-finijiet ta’ żmien ta’ servizz jew le.

Konsolat Malti fl-Alġerija — Ħruġ ta’ visas lil ċittadini Alġerini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu visas lil ċittadini Alġerini mill-Konsolat Malti fl-Alġerija xahar b'xahar mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-aħħar ta’ Awwissu 2016?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija: 2016 Jannar 26 Frar 49 Marzu 57 April 51 Mejju 40 Ġunju 46 Lulju 71 Awwissu 34 Waħda mir-raġunijiet ovvji għat-tnaqqis drastiku fil-ħruġ ta' viżi mill-Konsolat Malti fl-Alġerija hija li t-titjiriet mill-Alġerija u lejn dan il-pajjiż waqfu f'Ottubru 2015. Infakkar lill-Onor. Interpellant li wara diversi allegazzjonijiet li saru minnu u minn esponenti oħra tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar il-ħruġ ta' viżi mill-Konsolat Malti f'Algiers, il-Kummissjoni investigat u sabet li ma kien hemm l-ebda raġuni biex tkompli żżomm taħt skrutinju l-prattiċi użati mill-Konoslat għall-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra. Milli jidher, iżda, minkejja li l-Kummissjoni faqgħetlu l-bużżieqa li pprova jonfoħ, l-Onorevoli Interpellant se jkompli jipprova jagħmel kapital politiku minn dan il-każ.

Traffikar ta’ drogi — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni f’Għawdex b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ droga mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Settembru 2016? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni tressqu l-Qorti fl-istess perjodu akkużati bi traffikar ta’ droga?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Pussess ta’ drogi — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew arrestati persuni f’Għawdex b’konnessjoni ma’ pussess ta’ droga mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Settembru 2016? ? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni tressqu l-Qorti fl-istess perjodu akkużati b’pussess ta’ droga?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena, bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2016 kien hemm sebgħin persuna li ġew arrestata f’Għawdex b’konnessjoni ma’ pussess ta’ droga. Minn dawn il-persuni sitta u tletin (36) tressqu l-Qorti akkużati b’pussess ta’ droga.

Pussess ta’ droga u sustanzi projbiti – każijiet ta’ ħabsin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ ħabsin li nqabdu fil-pussess ta’ droga jew sustanzi projbiti fil-ħabs fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u t-30 ta’ Settembru 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2016 kien hemm 15 –il każ ta’ residenti li nqabbdu fil-pussess ta’ droga jew sustanzi projbiti fil-faċilià.

Birkirkara – Għassa tal-Pulizija — spettur

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement, fl-għassa ta’ Birkirkara hemm spettur wieħed biss? Jekk fl-affermattiv, jista’ jispjega għaliex f’għassa lokali daqstant kbira hemm spettur wieħed biss? Jista’ jgħid humiex se jiżdiedu l-ispetturi fl-għassa ta’ Birkirkara, b’kemm se jiżdiedu u meta se jiżdiedu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba esiġenzi tas-servizz, waħda miż-żewġ spetturi li kienu stazzjonati l-għassa ta' Birkirkara ġiet trasferita għal dmirijiet oħra fil-Kwartieri Ġenerali. Bħalissa fl-Għassa ta' Birkirkara hemm spettur wieħed u dan sakemm spettur ieħor jintbgħat f'din l-Għassa fi zmien opportun. Irid jingħad li l-Ispettur stazzjonat l-Għassa tan-Naxxar jilħaq ukoll, skond il-ħtieġa, peress li dan jagħmel parti mid-distrett ta' Birkirkara.

Ir-Rabat (Malta) – Għassa — spettur

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li preżentement fl-għassa tar-Rabat (Malta) m’hemmx spettur tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti raġuni u spjegazzjoni għal dan? Jista’ jgħid jekk u meta se jintbagħat spettur tal-pulizija fl-għassa tar-Rabat (Malta)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba esiġenzi tas-servizz, l-Ispettur li kien stazzjonat fl-Għassa tar-Rabat (Malta) ġie trasferit għal dmirijiet oħra fil-Kwartieri Ġenerali. Sakemm jintbagħat, fi żmien opportun, spettur ieħor f'din l-għassa, iż-żewġ spetturi stazzjonati fl-istess distrett u cioè ġewwa l-Għassa tal-Ħamrun, qegħdin ilaħħqu l-Għassa tar-Rabat ukoll.