Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta d-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku għandu l-ħsieb li jinstalla t-traffic lights fil-junction bejn Triq Salvu Psaila u Triq Fleur-de-Lys, fejn il-cables għal dawn il-lights kienu diġa' ġew mgħoddija max-xogħlijiet fl-istess triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta saru x-xogħlijiet f'dan il-junction tqegħdu katusi bħala ducts sabiex jekk ikun hemm bżonn li jiġu mgħoddija xi cables, dawn ikunu jistgħu jgħaddu minn dawn id-ducts. Fir-rigward ta' traffic lights imsemmija mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha qed tikkunsidra jekk f'dan il-junction għandhomx isiru it-traffic lights.

Birkirkara — Pelican crossings

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-direttorat tat-toroq fi ħdan l-awtorita' tat-trasport pubbliku jikkonsidrax il-ħtieġa li ż-żewġ pelican crossings li jagħtu għall-Knisja ta' Santa Tereża min-naħa ta' Triq il-Wied u min-naħa ta' Triq Naxxar, jiġu mibdula fi traffic light crossings u dan minħabba li l-volum tat-traffiku u l-periklu li qed jinħoloq minħabba n-nuqqas ta' preċedenzi li qed tiġi mogħtija mis-sewwieqa meta n-nies jiġu biex jaqsmu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tikkunsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant sabiex tara xinhu l-aħjar li jsir.
Leg 10 PQ #1881 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: ANTONIO FENECH To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Skola Sir Anthony Mamo - toilets

Question

Filwaqt illi nifraħ lill-Ministru għax-xogħol ta' manutenzjoni u immodernizzar li qed isir fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex biex dawn ikunu jixirqu lil uliedna, jista' jagħti indikazzjoni ta' meta id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għandhom il-ħsieb jagħmlu r-refurbishment tant meħtieġ fit-toilets ta' l-iskola Sir Anthony Mamo (Primarja B) f'Birkirkara, liema toilets il-ġenituri ilhom jilmentaw dwar l-istat ħażin u perikoluż tagħhom is-snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li offerti pubbliċi għal dan ix-xogħol qed jitħejjew u ser jinħarġu fi żmien qasir.
Leg 10 PQ #1882 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: ANTONIO FENECH To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birkirkara — Skola Sir Anthony Mamo - lift

Question

Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni ta' jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada hux qed jikkonsidraw li fi żmien qasir jiġi nstallat lift komuni fl-iskejjel primarji ta' Anthony Valletta u dik ta' Sir Anthony mamo f'Birkirkara, liema lifts huma meħtieġa minn tfal li għandhom bżonnijiet speċjali u li preżentement jattendu ż-żewġ skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ħejjiet l-accessibility audits neċessarji u qablet li jiġu stallati żewġ lifts fl-iskejjel Anthony Valletta u Sir Anthony Mamo f'Birkirkara. Informat ukoll li l-offerti pubbliċi għall-istallazzjoni ta' dawn il-lifts inħarġu u l-kuntratti ngħataw. Informat ukoll li offerta pubblika għall-bini tal-lift shafts rispettivi inħarġet, ġiet aġġudikata mill-Fondazzjoni u ntbagħtet lid-Dipartiment tal-Kuntratti għad-deċiżjoni finali.

Balzan — Triq iż-Żekkuk

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'progress qed isir fuq it-talba imressqa mir-residenti ta' Triq iż-Żekkuk Balzan, lit-Traffic Managment Directorate ta' l-Awtorita' tat-Trasport nhar il-20 ta' Lulju 2003, dwar il-ħtieġa li ssir keep clear faċċata tad-drive in tal-garazzijiet billi mhux qed ikun possibli li joħorġu il-vetturi minħabba il-wisa tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Xogħlijiet — Toroq

Question

Jista' il-Ministru, jagħti indikazzjoni ta' meta jaħseb li x-xogħol fuq Triq Notabile Part B ser jibda wara li issa ix-xogħol fuq l-ewwel parti ilu li spiċċa għal xi ġimgħat? Jista' il-Ministru ukoll jagħti indikazzjoni ta' meta jaħseb it-tender biex isir l-aħħar parti tat-Triq Notablie li tmiss ma naħa ta' Triq il-Knisja il-Qadima ser toħrog?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi ħarġet sejħa għall-offerti sabiex tiġi asfaltata l-bqija ta' Triq Notabile u li din i-sejħa ser tagħlaq fis-26 ta' Settembru.

Birkirkara — Toroq - Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni meta ser jibda ix-xogħol fuq il-ġibjun meħtieġ fi Triq il-Bwieraq wara li sar it-twaqqih tal-bini biex titwessa il-pjazza ma' Triq is-Salib Imqaddes, peress li minħabba li din il-pjazza tinsab f'bajjella qawwija, id-djar fiż-żona jerqu meta tkun xita aktar minn normal. Jista' il-Ministru jara li x-xogħol isir qabel ix-Xitwa biex anke il-Kunsill ta' Birkirkara ikun jista' jagħti il-wiċċ tat-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-twaqqiegħ ta' bini li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien sar bħala pass preparatorju sabiex it-triq tkun tista' tinfetaħ u jkun jista jinbena l-ġibjun taħt l-art. Bħalissa d-Direttorat għat-Toroq qed iħejji l-istejjem neċessarji sabiex il-ġibjun ikun jista jsir.

Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kuntrattur li qed jagħmel xogħol ta' kostruzzjoni fi proprjeta' għandhux l-obbligu li jħalli l-bankina libera mingħajr perikli? Liema Awtorita' għandha l-obbligu li tassigura li dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kuntrattur li qed jagħmel xogħol ta` kostruzzjoni fi proprjeta` huwa obbligat li jħalli l-bankina libera mingħajr periklu. Skond l-A.L. 119/2002, Kunsill Lokali jista` jagħti permess lil xi kuntrattur sabiex f`xi triq jiddepożita materjal tal-bini, materjal ieħor, xi oġġetti, xi krejn jew makkinarju ieħor waqt il-bini, kostruzzjoni jew demolizzjoni ta` xi bini jew proġett ieħor simili. Mal-ħruġ tal-permess, fost kundizzjonijiet oħra, il-Kunsill jobbliga l-applikant li jagħmel dawk il-marki kollha li jkunu neċesarji sabiex jiġi evitat kull periklu. Ninsab infurmat ukoll illi l-artikolu 25 ta` Kapitolu 10 tal-Liġijiet ta` Malta, jipprovdi illi mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta` kull liġi oħra, ħadd ma jkun jista`, mingħajr il-liċenzja tal-Kunsill Lokali relattiv, jibni jew jaghmel ebda ħaġa fit-triq li tista` ġġib xkiel jew periklu jew inkomdu lill-pubbliku, inkella jħalli, wara li jiġi mwissi mill-Pulizija jew minn gwardjan lokali, binjiet jew opri oħra fi stat ta` tigrif jew ta` periklu għan-nies jew għal ħwejjeġ ħaddieħor.