Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabar boll u capital gains tax f'Għawdex f'trasferimenti ta' proprjeta' mmobbli minn Jannar sas-6 ta' Settembru, 1998 u mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
L-ammont ta` dħul mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti ta` proprjeta` immobbli imħallas fl-Uffiċċju ta` Għawdex mill-1 ta` Jannar 1998 sas-6 ta` Settembru, 1998 kien ta` Lm492,566.77,0 u mis-7 ta` Settembru 1998 sas-16 ta` Frar, 1999 kien ta` Lm335,035.16,0.
L-ammonti ta` dħul mit-taxxa fuq qliegħ kapitali mħallsa fl-Uffiċċju ta` Għawdex kienu ta` Lm160,005.50,0 għall-perjodu mill-1 ta` Jannar, 1998 sas-6 ta` Settembru, 1998 u ta` Lm137,746 għall-perjodu mis-7 ta` Settembru, 1998 sas-16 ta` Frar, 1999.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' dawk l-individwi li mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum: (i) ingħataw il-pensjoni ta' l-invalidita' taħt il-pensjoni tan-National Insurance; (ii) ingħataw SKA; (iii) ingħataw SA; u (iv) ingħataw l-unemployment benefit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej:-
i. Pensjonijiet ġodda ta' l-Invalidita' wara s-7 ta' Settembru 1998 kien
hemm 286.
ii. Numru li ngħataw l-SKA kien ta' 546.
iii. Numru ta' persuni li ngħataw l-SA kien ta' 1727.
iv. In-numru ta' unemployment jew special unemployment benefit kien ta'
1504.
Fil-każi ta' SA u SKA jrid jingħad li dawn il-figuri jistgħu jinkludu numru ta' każijiet li ġew reveduti mis-7 ta' Settembru 'l hawn u li għalhekk setgħu kienu jitħallsu wkoll qabel din id-data.
23.2.99
Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw f'Għawdex għax-xogħol taħt Part I u Part II xahar b'xahar minn Settembru sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' Għawdxin li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Diċembru 1998 kien kif ġej:
XHUR PART I PART II
---- ------ -------
Settembru 1998 579 13
Ottubru 1998 594 14
Novembru 1998 595 27
Diċembru 1998 577 27
23.2.99
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm fil-preżent vetturi self-drive: (a) mal-Ministeru ta' Għawdex; u (b) mad-dipartimenti tal-Gvern f'Għawdex mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum?
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' dawn il-vetturi self-drive li hemm direttament mal-Ministeru ta' Għawdex u mad-dipartimenti tal-Gvern u bil-kemm kuljum l-istess vetturi huma mikrija u mingħand min huma mikrija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-vetturi li huma mikrija llum mill-Ministeru għal Għawdex huma kif jidhru hawn taħt. Fil-preżent il-Ministeru għandu b'kollox 10 vetturi tal-kiri. Waħda minnhom hija mikrija mis-Segretarjat Privat, oħra mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi, ħamsa mid-Dipartiment tal-Customer Services u tlieta mid-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp.
Segretarjat Privat
Kerrej Spiża Kuljum
Mġarr Rent-a-Car Lm3.25
Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi
Kerrej Spiża Kuljum
Mgarr Rent-a-Car Lm2.90
Dipartiment tal-Customer Services
Kerrej Spiża Kuljum
Frank's Garage Lm4.00
Tony's Car Hire Ltd Lm2.98
Mgarr Rent-a-Car Lm3.25
St Joseph Car Rentals Lm5.50
St Joseph Car Rentals Lm5.50
Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp
Kerrej Spiża Kuljum
Baħri Garage Lm3.70
Tony's Car Hire Ltd Lm4.22
Victor Hili & Sons Ltd Lm2.96
Għar-rigward Dipartimenti oħra tal-Gvern f'Għawdex, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistaqsi lill-Ministri konċernati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru trasferimenti (jew aħjar postings) f'Għawdex mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum, liema informazzjoni għandha tinkludi wkoll dawk l-individwi li ma biddlux id-direttur tagħhom, imma li għalkemm biddlu x-xogħol tagħhom baqgħu taħt l-istess direttur? Tista' l-Ministru tesibixxi lista ta' l-istess transfers ossia postings?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mis-7 ta' Settembru 1998 sal-lum kien hemm:
i) 22 trasferiment minn dipartiment għal ieħor fil-Ministeru għal Għawdex li jinkludu trasferimenti ta' uffiċċjali għas-Segretarjat Privat;
ii) 11-il trasferiment ta' uffiċċjali minn Malta għal Għawdex li jinkludu t-trasferimenti ta' uffiċċjali għas-Segretarjat Privat;
iii) 3 trasferimenti ta' studenti minn Malta għal Għawdex li qegħdin isegwu kors taħt l-Extended Skills Training Scheme;
iv) 4 trasferimenti mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex għad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali;
v) trasferiment ta' uffiċċjal mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għad-Dipartiment tal-Customer Services;
vi) 14-il posting fi ħdan id-Dipartiment tal-Customer Services; u
vii) 17-il posting fi ħdan id-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' investigazzjonijiet kriminali f'Għawdex li għadhom f'idejn il-pulizija u li l-individwu suspettat għadu ma ġiex akkużat quddiem il-Qorti Kompetenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi każijiet bħal dawn li llum huma preskritti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 92 każ x'jitressqu quddiem il-Qorti f'Għawdex li minnhom 9 huma preskritti.
23.02.99
Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet biex: (a) l-arloġġ li hemm fil-bajja tax-Xlendi f'Għawdex ma jitħalliex bil-ħin tas-sajf imma l-istess ħin jiġi korrett; u (b) li jinxtegħel id-dawl li hemm kemm fejn il-Grotta Discotheque sal-Bajja tax-Xlendi, liema dawl fuq ir-railings kien għamel Gvern Laburista?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-arloġġ li hemm fil-bajja tax-Xlendi f'Għawdex kien irranġat mal-ħin tax-xitwa f'Ottubru 1998. L-arloġġ kien għal ftit jiem siegħa u ħamsa u għoxrin minuta lura, għar-raġuni li kien hemm qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku.
Id-dawl li hemm minn fejn il-Grotta Discotheque sal-bajja tax-Xlendi ma kienx jixgħel għar-raġuni li kien hemm xi ħsarat li fil-fatt ġew irranġati.
Ta' min jgħid li l-arloġġ imsemmi kif ukoll il-fanali u oħrajn bħalhom (Marsalforn, Mġarr, Qbajjar, Xlendi) qed jiġu iċċekjati kull nhar ta' Ħamis bil-lejl, biex jekk ikun hemm xi ħsarat jiġu irranġati mill-aktar fis possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid: (a) kemm huwa n-numru ta' mobile phones fil-ministeru tagħha; (b) kemm kien il-kont ta' l-istess mobile phones mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu b'kollox 4 mobile phones li minnhom 3 huma użati mis-Segretarjat Privat filwaqt li l-ieħor huwa għad-disposizzjoni tal-Maġistrat tal-Qorti t'Għawdex.
Mis-7 ta' Settembru 1998 sal-lum il-kont tat-3 mobile phones li huma uzati mis-Segretarjat Privat ammonta b'kollox għal Lm500.67,0. Peress li l-mobile phone tal-Maġistrat huwa misluf mill-Qrati ta' Malta, il-kont tiegħu jintbagħat direttament lill-Qrati ta' Malta.
Barra minn dawn il-mobile phones, kien hemm mobile phone ieħor li kien użat mis-Segretarju Parlamentari u peress li dan ma ġiex irritornat dan kien deattivat f'Ottubru 1998. Il-kont ta' dan il-mobile phone partikulari kien ta' Lm120.07,0.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra u tgħid f'liema fażi wasal il-proċess li bih it-tieni grupp ta' skrivani Għawdxin jinġabu f'Malta jagħmlu xogħol ta' sigurta' soċjali?
Meta beħsiebu dan il-gvern jħalli t-tieni grupp ta' dawn l-iskrivani Għawdxin biex jaħdmu f'Għawdex f'xogħol ta' sigurta' soċjali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed isiru konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi u dak tal-Politika Soċjali li taħtu jaqa' d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, sabiex dan il-process jitwettaq mill-aktar fis possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jerġa' jintroduċi s-servizz tal-catamaran lejn Malta u Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Gvern preżenti jemmen li s-servizz tal-katamaran bejn Malta u Għawdex itaffi l-problemi li għandhom il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin u fl-istess ħin igħin l-iżvilupp tas-settur turistiku f'Għawdex.
Kien il-Gvern Laburista li ma għarafx dan kollu u neħħa l-katamaran minn fuq is-servizz bejn il-gżejjer u krieħ biex jagħti servizz barra minn Malta għat-detriment ta' Għawdex u l-Għawdxin b'mod partikulari u ta' Malta in ġenerali.
Jiena nfurmata li bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet meħtieġa biex il-katamaran jerġa' jitħaddem bejn Malta u Għawdex. Huwa maħsub li dan is-servizz jerġa' jibda f'Mejju 1999.
Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex is-servizz bl-ajru permezz tal-helicopter minn Malta u Għawdex ġiet sospiż? Meta se jitkompla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Malta Aircharter waqfet is-servizz bl-ajru permezz tal-helicopter minn Malta għal Għawdex biex ikunu jistgħu jsiru testijiet fuq il-helicopters, wara li mudell simili tal-kumpanija Heli Air Service kien involut f'incident serju fil-Gżejjer Maldives.
Jiena nfurmata wkoll li bħala prekawzjoni, il-Malta Aircharter, li dejjem iżżomm is-sigurta' tal-passiġġieri bħala prijorita', iddeċidiet li twaqqaf l-operazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa fuq il-helicopters li joperaw bejn Malta u Għawdex. L-operazzjonijiet għandhom jerġgħu jibdew mill-iktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet akkwistata proprjeta' mmobbli f'Għawdex minn persuni li m'humiex residenti f'Għawdex bil-permess tal-Ministru tal-Finanzi bl-AIP minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ħmistax-il permess ingħataw taħt l-Att dwar l-Akkwist ta` Proprjeta` Immobbli minn Persuni mhux Residenti biex persuni li mhumiex residenti f` Għawdex ikunu jistgħu jakkwistaw proprjeta` immobbli f`Għawxdex matul l-1 ta` Settembru, 1998 sal-15 ta` Frar, 1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Għawdex, maqsumin raħal raħal li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
1.2.99
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni l-Kumitat Tismija tat-Toroq għal Għawdex ġie rikostitwit meta dak għal Malta ma ġiex? Liema Ministeru kien responsabbli għar-rikostituzzjoni tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li l-Kumitat Tismija tat-Toroq għal Malta ser jiġi rekostitwit fil-futur immedjat, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ta' l-Intern hu responsabbli għall-Kumitat. Madankollu fil-każ ta' Għawdex ġiet ikkonsultata wkoll il-Ministru responsabbli.
21.01.99