In vista tal-fatt li fuq il-villaġġ tas-Sbejħa fi Triq Mongur, Għarb, Għawdex, kienu ħarġu żewġ enforcement orders numri 1343/96 u 236/97 mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u in vista tal-fatt ukoll li l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni diġa' ppronunzjat ruħha fuq din il-materja, jista' l-Ministru jispjega kif qegħdin jinħarġu l-liċenzji relattivi mill-HCEB għal kiri ta' l-istess appartamenti li ma nbnewx bħala maisonettes skond il-permess li kien inħareġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-permessi għall-'holiday furnished premises' maħruġa mill-Bord tal-Lukandi u Stabbilimenti li jservu l-Ikel f'tas-Sbejħa, Għarb, Għawdex jappartjenu għal dawk il-postijiet li huma koperti bil-permess tal-bini u li dwarhom kien sar qbil fil-Qorti t'Għawdex bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-'Gozo Consolidated Building Limited' f'April 1997 kif jirriżulta mir-Rikors Numru 278/97 G3 li kopja tiegħu qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jidher li hemm ukoll għadd ta' appartamenti li dwarhom saret applikazzjoni għall-bini iżda li ma tistax tinħareġ liċenza għalihom qabel ma tingħata l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jara li fit-triq tal-Konti, Zebbuġ, Għawdex isir parking kif suppost skond il-liġi u dan peress li r-residenti ta' dawk l-inħawi ma jkunux jistgħu joħorġu l-vetturi tagħhom mill-garages peress illi jsir ipparkjar oppost dawn il-garages?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma jkunx hemm ksur tar-regolamenti tat-traffiku.
03.05.99 (p.m.)
Tista' l-Ministru tgħid: (i) Kemm-il trip għamel il-helicopter minn meta reġa' beda jopera; (ii) kemm suppost għamel u għalhekk; (iii) kemm naqas li jagħmel?
Tista' l-Ministru tispjega r-raġuni ta' kull trip fix-schedule li ma sarx?
Jista' l-Ministru jara li f'Għawdex il-majjal wara li jinqatel jiġi mqassam b'mod ekwu u li ħadd, la mill-produtturi u lanqas tal-ħwienet, ma jingħataw xi dritt ta' preferenza?
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk l-ilment ta' xi wħud f'Għawdex li l-majjal sabiħ jitla' Malta u li jifdal jitqassam f'Għawdex huwiex ġustifikat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-mistoqsija tiegħu sejra ssir investigazzjoni biex dak li qiegħed jiġi allegat huwiex veru jew le, u jekk ikun kemm xi proċeduri mhux aċċettabbli jsiru diskussjonijiet mal-Koperattiva tal-Majjal biex ma jsirx l-ebda abbuż.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu applications għal SRNs fulltime għal Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet li ntbagħtu għas-sejħa li ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta' Novembru 1998 għall-mili ta' Staff Nurses fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Għalhekk m'hemmx ħsieb li toħroġ xi sejħa oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Għawdex, maqsumin raħal raħal li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
16.3.99
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li qabel ma jingħata t-tarmac fi Triq Carolina Cauchi, ir-Rabat, Għawdex ma jsirx water culvert li huwa aktar neċessarju mit-tarmac għall-abitanti ta' l-istess triq li jirċievu volum kbir ta' ilma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol fi Triq Carolina Cauchi, ir-Rabat Għawdex qiegħed isir mill-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5066?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 5066, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub dwar in-numru ta' applikazzjonijiet deċiżi mid-DCC u mill-Bord ta' l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigwrd ta' bini f'Għawdex hu kif ġej :
01.01.1998 - 06.09.1998
-----------------------
D.C.C. 820 applikazzjoni u 15 ġew withdrawn
Bord ta' l-Appelli 36 applikazzjoni
07.09.1998 - 16.02.1999
-----------------------
D.C.C. 304 applikazzjoni u 15 ġew withdrawn
Bord ta' l-Appelli 20 applikazzjoni
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar xhur, u preċiżament mis-7 ta' Settembru 1998 sas-16 ta' Frar 1999, iddaħħlux jaħdmu f'Għawdex stess persuni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm-il persuna daħħlu ma' l-istess korporazzjoni f'Għawdex u xi kriterju ġie adottat fl-għażla ta' l-istess persuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi l-ebda persuna ma' daħlet taħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma f'Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5067 u r-risposta li ngħatat, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi waħda minn dawn it-62 seduta tad-DCC fil-gżira Għawdxija fil-conference room tal-Planning Authority? Jekk ma sarux seduti tad-DCC f'Għawdex, jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex u min hu responsabbli għal dan in-nuqqas fil-konfront tal-poplu Għawdxi?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.
Ninsab infurmat ukoll li r-raġuni għax ma sarux seduti tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp ġewwa Għawdex kienet waħda amministrattiva. Wara li nbiddlet il-kompożizzjoni tal-kummissjoni, hu maħsub li l-quddiem il-laqgħat jerġgħu jkomplu jsiru f'Għawdex.
08.03.99
Tista' l-Ministru tgħid jekk it-taħmil tal-Wied tar-Romblu li qiegħed isir min-naħa tax-Xagħra, huwiex kopert bil-permessi neċessarji ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-taħmil li sar f'Wied tar-Romblu m'għandux bżonn ta' permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5070 u r-risposta li ngħatat fl-1 ta' Marzu 1999, jista' l-Ministru jserrah moħħ l-Għawdxin (speċjalment il-periti u l-avukati li jaħdmu f'Għawdex u jiddefendu każijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex) kemm beħsiebu jdum dan "l-istudju" u hemmx xi target date biex dan is-servizz jiġi estiż għal Għawdxin?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet għar-rigward ta' bini f'Għawdex: (a) mid-DCC; (b) mill-Bord ta' l-Appelli mill-(i) 1 ta' Jannar, 1998 sa 6 ta' Settembru, 1998; u (ii) mis-7 ta' Settembru, 1998 sas-16 ta' Frar, 1999?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4742?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4742, ninsab infurmat li bejn Settembru, 1998, u s-17 ta' Frar, 1999, in-numru ta' laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp f'St. Francis Ravelin, il-Furjana kien ta' 62.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi ġodda li ġew introdotti fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fost liema hemm il-każijiet tal-Bord ta' l-Appelli jkunu aċċessibbli lill-periti u l-avukati, humiex sejrin jiġu estiżi anke għall-gżira Għawdxija?
Hemm ħsieb li fl-uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex issir kamra apposta għal avukati u periti biex jinqdew b'dawn is-servizzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġi studjat kif uħud minn dawn is-servizzi jiġu estiżi wkoll on-line fuq il-website tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni ta' bini li jidħlu f'Għawdex ma jiġux ipproċessati fl-istess gżira, lanqas fl-ammont li jrid jitħallas ma' l-applikazzjoni, imma sal-lum għadu jħallas għaxar liri (Lm10) ma' kull applikazzjoni u l-ammont li għandu jħallas jiġi kkalkolat wara mill-awtorita' f'Malta u b'hekk jinħela ħafna ħin fl-ipproċessar ta' l-istess applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li numru ta' applikazzjonijiet qed jiġu pproċessati fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex stess, li jinkludu applikazzjonijiet għal proġetti kbar u xi applikazzjonijiet għal żviluppi sostanzjali fuq siti li huma barra mill-Iskemi ta' Żvilupp. Ir-rapporti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar qed isiru fl-Uffiċċju ta' Għawdex ukoll.
Ninsab infurmat ukoll li fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ġewwa Għawdex issa anke beda jiġi iċċekjat il-Building Levy u l-applikazzjonijiet jiġu validati f'Għawdex stess.
01.03.99
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw għar-rigward ta' xogħlijiet f'Għawdex mis-7 ta' Settembru, 1998 sas-16 ta' Frar, 1999?
Kemm kien l-ammont involut f'kull kuntratt li ngħata?
Kemm minn dawn il-kuntratti li ngħataw ingħataw b'direct order?
X'kienet ir-raġuni li l-istess kuntratti ingħataw b'direct order?
Kemm kien l-ammont involut ta' kull kuntratt li ngħata b'direct order u lil min ingħata dan il-kuntratt b'direct order?
Jista' l-Ministru jgħid kemm familji f'Għawdex bdew igawdu wara li l-każ tagħhom deher quddiem is-Social Assistance Bord mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn kien hemm żewġ każijiet ta' persuni Għawdxin li qed japplikaw għall-Għajnuna Soċjali lill-Bord maħtur apposta taħt il-liġi. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet saru fit-30 ta' Novembru, u fl-10 ta' Diċembru 1998 rispettivament.
Applikazzjoni għal din l-Għajnuna ssir wara li l-persuna konċernata tkun nqatgħet mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ milli tkun reġistrata fuq l-Ewwel Parti tar-reġistru, u tiġi reġistrata fuq it-Tieni Parti.
Fil-każijiet li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jirriżulta li dawn kienu rrifjutaw impieg li kien ġie offrut lilhom mill-Korporazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi l-Onor. Interpellant jifhem li d-Dipartiment jeħtieġ aktar investigazzjonijiet, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bord ta' l-Assistenza, qabel ma tittieħed deċiżjoni.
1.3.99