Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif persuni li kienu jirreġistraw taħt l-ewwel parti bħala seamen mingħajr ktieb tax-xogħol tal-baħar, ġew magħżula biex jidħlu bħala cleaners mal-Gozo Channel?
Kif persuni oħra li kienu jirreġistraw bħala cleaners taħt l-ewwel parti, ma ġewx imsejħa għall-interviews mal-Gozo Channel imma ġew imsejħa biss dawk li kienu jirreġistraw bħala seamen pero' li ma kellhomx il-ktieb tax-xogħol tal-baħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
19.7.99
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru inspections mill-5/9/99 sal-lum fid-dipartimenti tal-gvern biex jaraw li l-impjegati qegħdin fuq xogħlhom?
Kemm saru charges mill-5/9/99 sal-lum?
Kemm huwa n-numru ta' persuni li nstabu ħatja mill-5.9.99 sal-lum u kemm weħlu?
Kemm huwa n-numru ta' persuni li ġew liberati mill-5/9/99 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-perijodu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum. F'dan il-każ l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-vapuri tal-Gozo Channel m'humiex iżommu l-ħinijiet ta' l-iskeda?
Jaf il-Ministru, per eżempju, li t-Tnejn 12 ta' Lulju, 1999, il-vapur tas-2.15 p.m. telaq mill-Mġarr, Għawdex fit-2.50 p.m.?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħala regola ġenerali l-vapuri tal-Gozo Channel iżommu l-ħinijet ta' l-iskeda. Naturlament ikun hemm drabi fejn dan ma jinżammax. Dan iseħħ minħabba raġunijiet validi, bħal meta l-vapur joqgħod jistenna sa ħames minuti l-wasla tat-trasport pubbliku jew jitlaq qabel il-ħin għaliex ikun imtela'. Jiena nfurmat li fid-data msemmija kien hemm dewmien tat-tluq minħabba hsara teknika li żviluppat fuq tnejn mill-vapuri li kienu qed joperaw dak il-ħin.
Tista' l-Ministru tassigura lill-Kamra li dwar it-tliet dialysis machines li beħsiebhom jiġu stallati fl-iSptar Ġenerali ta' Għawdex ( u li dwarhom ħarġu t-tenders għax-xiri tas-siġġijiet) hemm il-back-up neċessarju fil-laboratorju ta' l-istess sptar?
Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha rimedjali sabiex twarrab deċiżjoni żbaljata u inġusta li ttieħdet mill-persuna responsabbli mill-qasam edukattiv fil-Gżira Għawdxija li b'mod arbitrarju u b'mod l-aktar inuman qiegħda tinnega d-dritt ta' omm mir-Rabat, Għawdex li tibgħat lill-bintha minuri li għandha bżonnijiet speċjali u li hija ta' eta' ta' madwar tlett snin sabiex tattendi l-iskola primarja tal-Vajringa, Rabat, Għawdex daqqa bl-iskuża għaliex m'hemmx facilitator u daqqa bl-iskuża għaliex fl-iskola m'hemmx rampa u għaliex fit-toilet m'hemmx kanna mal-ħajt li magħha tkun tista' taqbad l-istess persuna bi bżonnijiet speċjali meta tmur fit-toilet? Ma jidhirlux il-Ministru li dawn ir-raġunijiet miġjuba minn min suppost huwa nkarigat mill-qasam edukattiv fil-gżira Għawdxija huma pjuttost skużi banali, li ma jiġġustifikawx li l-minuri tintbagħat fl-iskola primarja tax-Xewkija, Għawdex, meta suppost illum huwa dover ta' l-istat li jara li persuni bi bżonnijiet speċjali kemm jista' jkun jiġu nfiltrati ma' oħrajn li m'għandhomx dawn il-bżonnijiet speċjali fir-raħal tagħhom fejn joqogħdu?
Taf il-Ministru li se jkun umanament impossibbli għal omm li jekk jinqala' xi ħaġa lill-bintha tmur fejn bintha mir-Rabat fejn toqgħod għax-Xewkija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-każ li qed jirreferi għalih l-onor interpellant qiegħed quddiem l-iStatementing Board. Tfal bi bżonnijiet speċjali jiġu ammessi l-iskola wara li l-applikazzjoni tagħhom tkun ivvettjata minn dan il-Bord.
Jiena nfurmata wkoll li fl-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca fi Triq Vajrinġa, ir-Rabat ikun hemm bżonn ta' bidliet strutturali biex tkun tista' takkomoda t-tifla li qed jirreferi għaliha l-onor interpellant. Sa meta jsiru x-xogħolijiet meħtieġa, omm it-tifla tippreferi li din tintbagħat l-iskola primarja tax-Xewkija minflok fil-Kindergarten ta' Sannat fejn hemm il-faċilitajiet ta' trasport għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Barra mis-segretarji, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati oħra jaħdmu part-time jew full time mal-Kunsilli Lokali f'Għawdex? Min huma? Kif ġew ingaġġati u meta? X'inhu s-salarju tagħhom kull sena? X'inhu xogħlhom fil-kunsill lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7440?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-numru ta' sigħat ta' overtime li ttieħed mill-minor staff li jaqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex li jinkludi d-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi, id-Dipartiment tal-Customer Services u d-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp minn Settembru 1998 sa l-4 ta' Ġunju 1999 huwa 6113.72 li minnu 2772.78 sigħat se jiġu kkompensati bħala 'time in lieu'.
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7522?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant rigward is-Senior Messengers, messaġġiera u General Hands li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex li jinkludi d-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi/Segretarjat Privat, Dipartiment tal-Customer Services u Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp hija mogħtija hawn taħt:
Numru ta' Senior Messengers: 6
Numru ta' Messaġġiera: 29
Numru ta' General Hands: 682
Numru ta' General Hands li
qegħdin jagħmlu xogħol
messinġerjali: 33
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li ttieħed mill-minor staff (inklużi messaġġiera, charwomen u telephone operators) fil-Ministeru għal Għawdex minn Settembru, 1998 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li ma jibqax ikun hemm skarsezza ta' ċilindri tal-gass f'Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta dejjem issuplixxiet lid-distributuri tal-gass f`Għawdex bl-ammont ta` ċilindri li jkunu talbu. B`hekk il-Korporazzjoni tkun qed tiżgura li ma jkun hemm ebda skarsezza ta` ċilindri.
Tista' l-Ministru tispjega kif lill-kapijiet ta' l-iskejjel f'Għawdex għar-rigward infiq taħt Supplies & Utilities ġiet mogħtija s-somma ta' sitt elef lira (Lm6,000) meta l-ammont ivvotat kien ta' ħmistax-il elf lira (Lm15,000)?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara u jippreċiża l-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-attwali kontrollur tal-Bical? Hemm xi ħsieb li l-kredituri jingħataw lura ftit mill-flus li nvestew?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Kontrollur attwali huwa s-Sur Emanuel A Bonello.
Dawk il-kredituri li kienu reġistrati fil-kotba tal-BICAL jew li ġew reġistrati konsegwenza ta` xi deċiżjoni tal-Qorti, ġa ħadu lura erbgħin fil-mija ta` flushom u dalwaqt sejrin jieħdu għoxrin fil-mija oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-linja tal-bini li beħsiebu jinbena fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, Għawdex tingħata u dan peress li l-individwu kkonċernat ilu żmien twil jistenna l-istess linja (PA 3989/96)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-linja tal-bini kopert bil-permess PA 3989/96 għandha tingħata fil-ġimgħat li ġejjin. Din ma setgħatx tingħata qabel, minħabba li s-survey li fuqu kellha tiġi nterpretata din l-istess linja ma kienx komplet.
24.05.99 (a.m.)
Rigward il-bini f'Mongur Street, Għarb, Għawdex imsejjaħ "Il-Villaġġ tas-Sbejħa", jista' l-Ministru jispjega kif l-operaturi qegħdin jitħallew joperaw meta l-permessi għall-istess sit m'humiex regolarizzati u fil-fatt uħud minnhom għadhom pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fuq is-sit imsemmi mill-Onor. Interpellant inħarġu dawn l-iStop and Enforcement Notices : -
ECF 1346/96 - għal xogħol mhux skond il-pjanti approvati;
ECF 236/97 - għal żieda fuq in-numru ta' units.
Ninsab infurmat ukoll li hemm applikazzjonijiet pendenti biex jissanzjonaw dan l-iżvilupp, u appell pendenti mill-Enforcement Notice.
Rigward l-użu li qed isir mis-sit, bħalissa qed isir monitoring biex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tassigura li l-użu jkun limitat għal permess vigenti, u ċioe`, użu ta' terrace houses kif permessi u mhux maisonettes. Dan ġie kkonfermat ukoll b'verbal tal-Qorti maħruġ fl-4 ta' April, 1997, waqt smiegħ ta' mandat ta' inibizzjoni, Każ Numru 278/97.
Sal-lum, mill-ispezzjonijiet li saru, dejjem irriżulta li l-użu kien konformi mal-verbal tal-Qorti, u ċioe`, illimitaw il-kirja ta' kull żewġ maisonettes għal waħda biex din tintuża daqs li kieku kienet terraced house. Qed tintalab sanzjoni dwar il-maisonettes b'applikazzjoni fejn żiedu il-parkeġġ biex jipprovdi għaż-żieda residenzjali.
24.05.99 (a.m.)
Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni — Każ dwar razzett
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega fejn wasal il-proċess ta' kumpens dovut lill-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, dwar ir-razzett tagħhom li dwaru kien hemm żewġ deċiżjonijiet kemm tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u kemm tal-Kummissjoni li tinvestiga l-Inġustizzji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għalkemm, kif għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1541, teżisti diffikulta dwar id-disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex li hija addattata għall-iskop in kwestjoni, ninsab infurmat li qed isiru laqgħat f'Għawdex bejn il-partijiet kollha konċernati biex tiġi identifikata biċċa art tal-Gvern f'Għawdex li fuqha jkun jista jinbena razzett kif rakkomandat mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji.
Peress illi għar-rigward tal-bini f'Mongur Street, Għarb, Għawdex imsejjaħ "Il-Villaġġ tas-Sbejħa" il-permessi għadhom ma ġewx regolarizzati, kif qegħdin l-operaturi jitħallew joperaw u addirittura jinħarġu l-permessi mill-Ministeru tat-turiżmu qabel ma tiġi solvuta darba għal dejjem il-problema tar-razzett ta' l-aħwa Agius?
Response (REFALO, MICHAEL)
It-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 6578 tat-28 ta' April 1999 hija ċara. Il-permessi li nħarġu mill-'H.C.E.B.' jappartjenu biss għal dawk l-appartamenti li, skond il-qbil li sar fil-Qorti t'Għawdex bejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u d-'developers', huma mibnija 'skond il-permessi u ma jimplikaw ebda ksur tal-liġi'.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw tenders minn Settembru, 1998 mill-Ministeru għal Għawdex, kemm kien il-prezz ta' kull tender u lil min ġew awarded l-istess tenders? Tista' l-Ministru tgħid ukoll jekk ingħatawx xi direct order u jekk fl-affermattiv, kemm-il direct order ingħataw minn Settembru, 1998 sal-lum u lil min u kemm kienet tiswa kull direct order li ngħatat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiswa x-xogħol ta' paving ta' Triq ir-Repubblika, fir-Rabat, Għawdex u jekk l-istess xogħol huwiex isir mill-ħaddiema tal-gvern jew permezz ta' xi kuntrattur privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol ta' paving li qiegħed issir fi Triq ir-Repubblika huwa stmat li jiswa Lm2100.00. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tal-gvern.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6596 li baqgħet bla tweġiba u għar-risposta għall-istess mistoqsija parlamentari numru 6785, ma jidhirlux l-Ministru li tali tweġiba tista' ma tirrifletix tajjeb fuq l-Onor. Ministru u l-Gvern tagħha?