Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10849 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Saħħa — Għawdex - Sptar Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm x-ray machines fil-preżent jiffunzjonaw fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Tista' tassigura lill-Kamra li f'każ ta' emerġenza, u jekk jinqata' d-dawl, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemmx x-ray machine li taħdem permezz ta' generator?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm 3 X-Ray machines. Dawn huma: 1. X-Ray machine li tinkludi X-Ray Screening Unit. Din tiffunzjona tajjeb imma jekk imur id-dawl din ma tkunx tista' tintuża għaliex tieħu ħafna 'power' biex titħaddem u għalhekk il-generator tal-Isptar ma jlaħħaqx mal-'input power' tal-magna. 2. Magna Portable illi peress li għandha 'l fuq minn għoxrin sena, ta' spiss qed ikollha ħsarat. Minħabba illi l-parts tagħha huma 'obsolete' qed ikun diffiċli li titranġa. F'kaz ta' qtugħ ta' dawl, din il-magna tista' tiffunzjona. 3. X-ray machine oħra li ukoll għandha 'l fuq minn għoxrin sena. Din il-magna għandha bżonn ta' major repairs li jinkludu l-bdil tat-tubu. Dan it-tubu ma nstabx jinxtara għaliex huwa 'obsolete' għalhekk il-magna mhix taħdem. Barra minn dawn l-Isptar għandu wkoll 'Image Intensifier' li qegħdha fl-Operating Theatre u tintuża waqt ċerti operazzjonijiet. F'każ ta' qtugħ ta' dawl, il-magna taħdem permezz tal-generator. F'każ ta' qtugħ ta' dawl, l-unika magna li tiffunzjona hija l-'Portable X-ray machine' imsemmija hawn fuq. Qed isiru arranġamenti sabiex tiġi ordnata Portable X-Ray machine li tkun tista' tiġi użata anke f'każ ta' qtugħ ta' dawl.
Leg 9 PQ #10597 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jsir xi tibdil fl-ispetturi li hemm iservi f'Għawdex fil-futur qarib?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet preċedenti dwar ċaqliq ta` membri tal-Korp tal-Pulizija, tali ċaqliq jsir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali. 25.10.99
Leg 9 PQ #10392 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Kok

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti għal post ta' kok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, liema sejħiet għal mili ta' dan il-post kienu saru mill-amministrazzjoni preċedenti? Min huma l-applikanti u meta se jsiru l-intervisti meħtieġa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor Interpellant li kien hemm sitt applikazzjonijiet għall-mili ta' post ta' kok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex wara sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet ħarġet fit-18 ta' Frar 1999. M'hix prudenza li f'dan l-istadju niżvela l-ismijiet ta' l-applikanti. Jekk ma jinqalgħux diffikultajiet, l-intervisti mistennija jsiru fil-futur mhux 'il bogħod.
Leg 9 PQ #10381 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Equipment Procurement Committee — Membri

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Equipment Procurement Committee għadux jiffunzjona? Min huma l-membri u kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? X'deċiżjonijiet ittieħdu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn dwar xiri ta' apparat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #10382 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Kunsill Mediku

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn min huwa kompost il-Kunsill Mediku (jew kumitat mediku) għall-amministrazzjoni ta' l-iSptar Ġenerali, Għawdex? Kemm-il laqgħa saret s'issa mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? X'deċiżjonijiet importanti ttieħdu u kemm minnhom ġew attwati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill tas-Saħħa għal Għawdex huwa kompost kif muri hawn taħt: Professur Maurice N Cauchi Chairman Is-Sur Paul Buttigieg D/Chairman Is-Sur Emanuel Grech Segretarju It-Tabib Salvino Galea MD Membru It-Tabib Patrick Sciberras MD Membru It-Tabib Teddy George Farrugia MD Membru Is-Sur Saviour Sciberras Membru Is-Sur Anastasio Degiorgio Membru Is-Sur Louis Attard Membru Ms Maria Cassar Membru Is-Sur Joe Xuereb Membru Dan il-Kunsill iltaqa' l-ewwel darba fit-18 taż Ġunju 1999, u minn dak in-nhar sat-30 ta' Settembru 1999 saru ħames laqgħat. Jiena nfurmata li s'issa l-Kunsill ħa fost l-oħrajn, dawn id-deċiżjonijiet: - Sar survey fuq id-distribuzzjoni tal-mediċini; - Bdiet toħroġ Newsletter; - Qegħdin jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf Customer Care/Health Promotion Unit fl-Isptar; - Il-Kunsill qed jaħdem biex titwaqqaf Koperattiva għall-ħaddiema tal-Laundry fuq l-istess linji ta' dik eżistenti f'Malta; - Twaqqaf Volunteers Co-ordinating Committee li qed jiffunzjoni regolarment; - Ġiet introdotta sistema ta' job cards fis-sezzjoni tal-manutenzjoni ta' l-Isptar; - Sar programm ta' taħriġ fil-Customer Care għall-impjegati ta' l-Isptar; - Ġie mwaqqaf sotto-kumitat għal Clinical Audit - Twaqqaf Management Committee għall-Isptar li qed jiltaqa' kull ġimgħa; - Qiegħda issir laqgħa ta' kull xahar għall-kapijiet tas-sezzjonijiet kollha ta' l-Isptar; u - Qiegħda tiġi mistħarrġa l-possibilta' ta' titjib fis-servizzi ta' l-Outpatients li jingħataw mill-isptar.
Leg 9 PQ #10383 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Ophthalmic surgeon

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li baqgħu ma sarux l-intervisti maħruġa għall-għażla ta' Ophthalmic Surgeon fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10283.
Leg 9 PQ #10384 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Laboratorju tax-Xjenza — Proġett

Question

Tista' l-Minsitru tikkonferma illi l-proġett tal-bini tal-laboratorju tax-xjenza u li għalih kienu saru l-ewwel sejħiet għall-offerti għal bini tiegħu fl-amministrazzjoni preċedenti, liema proġett kien qiegħed isir fiċ-Ċentru Michael Angelo Refalo tar-Rabat, Għawdex twarrab u ma tkomplix? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għal dan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proġett tal-bini tal-laboratorju tax-xjenza fiċ-Ċentru għall-aktar studji Sir Michelangelo Refalo ma twarrabx u qiegħed jitkompla. Fil-fatt ħarġu l-offerti u diġa' ingħatat tender għal xogħolijiet ta' aperturi tal-aluminju marbuta ma' dal-proġett. Ħarġu l-offerti wkoll għal xogħolijiet ta' elettriku w mekkanika w it-tender se tingħata dalwaqt mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ta' min igħid ukoll li l-offerti għal xogħolijiet ta' tibjid u tikħil għall-istess proġett, qegħdin quddiem il-Bord Aġġudikatorju u mistenni jingħataw dalwaqt.
Leg 9 PQ #10385 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Security guards

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru security guards fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minn Ottubru 1998 sal-lum? Kemm huwa n-numru attwali ta' security guards fl-istess sptar u kemm kien in-numru sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin? X'inhi r-raġuni li wħud mill-istess security guards għalkemm jagħmlu xogħol bħal oħrajn, m'humiex jitħallsu la tal-ħdud u la ta' l-iljieli extra minnhom maħduma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #10386 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport Terminal — Tender 199/022

Question

B'riferenza għat-tender 199/022 li ħarġet mill-Freeport Terminal dwar xiri ta' computers, liema tender suppost kienet tagħlaq it-Tnejn, 11 ta' Ottubru, 1999, jista' l-Ministru jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji, peress illi jidher li diġa' nxtraw l-istess computers mingħand ditta partikolari, qabel ma fil-fatt għalqet din it-tender?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-perjodu minn meta ħarġet is-sejħa għall-offerti li għaliha qed issir riferenza sal-11 ta' Ottubru 1999, data ta' l-għeluq, il-Freeport Terminal ma għamlet ebda xiri ta' kompjuters.
Leg 9 PQ #10314 Sitting 154 1999-10-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permess ta' ħanut

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni li file bin-numru 2/A/M 12/98 li jikkonċerna applikazzjoni għal permess ta' liċenzja ta' ħanut, sal-lum għadu m'huwiex ipproċessat u dan għalkemm l-Avukat Ġenerali nnifsu ilu żmien li ta l-parir tiegħu dwar dan il-file?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant hu nfurmat li qabel ma joħroġ il-permess ta' liċenzja ta' ħanut jkun meħtieġ li l-pulizija jġibu wkoll il-kummenti jew il-clearance ta' diversi dipartimenti oħra. Jonqos żewġ dipartimenti oħra biex jagħtu l-kummenti tagħhom. Jonqos ukoll in-'Neighbours Consent'. 12.10.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #10183 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Skrivani Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' skrivani Għawdxin li qegħdin jaħdmu f'Malta, bid-data meta daħħlu u l-pożizzjoni li jinsabu fil-lista biex jmorru jaħdmu f'Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li hawn 138 minn Għawdex li qed jaħdmu Malta bħala skrivani. Ma nħossx li hija etika li jingħataw id-dettalji mitluba mill-Onorevoli Nterpellant. Jekk l-Onorevoli Nterpellant jixtieq xi nformazzjoni fuq xi każ partikolari huwa mitlub jagħmel mistoqsija f'dan ir-rigward.

ETC — Reġistrazzjoni għal seamen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif persuni li kienu jirreġistraw taħt l-ewwel parti bħala seamen mingħajr ktieb tax-xogħol tal-baħar, ġew magħżula biex jidħlu bħala cleaners mal-Gozo Channel? Kif persuni oħra li kienu jirreġistraw bħala cleaners taħt l-ewwel parti, ma ġewx imsejħa għall-interviews mal-Gozo Channel imma ġew imsejħa biss dawk li kienu jirreġistraw bħala seamen pero' li ma kellhomx il-ktieb tax-xogħol tal-baħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'nofs Ġunju il-kumpanija Gozo Channel għamlet talba mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għal-diversi vakanzi. Fost dawn kien hemm dawk ta' "Seamen" u "Cabin Attendants". Peress li kien hemm diversi persuni li qed jirreġistraw bħala "Ship's Deck Crew and related workers", il-Korporazzjoni rat min minnhom attwalment għandu il-Ktieb tal-Baħar jew xi ċertifikat ekwivalenti. Lil dawk li huma kwalifikati bħala tali issottomettiethom bħala "Seamen". Lil dawk li m'humiex baħħara kwalifikati iżda li wrew ix-xewqa li jaħdmu fuq il-baħar billi rreġistraw kif imsemmi aktar il-fuq, uffiċjali tal-korporazzjoni ċemplulhom biex jaraw hux interessati fil-vakanza ta' "Cabin Attendant" li tinkludi xogħol ta' tindif. Il-ħsieb hu li eventwalment jekk ma jinstabux nies biżżejjed il-korporazzjoni ddur fuq persuni li qed jirreġistraw bħala "Cleaners" u tara jekk hux interessati li jaħdmu fuq il-baħar.
Leg 9 PQ #10129 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġett għal millenju

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux xi proġett għal Għawdex għal millenju l-ġdid?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-akbar proġett għal Għawdex għall-millennju l-ġdid għandu jkun l-iżvilupp soċjo-ekonomiku sostenibbli tal-gżira. Il-Ministeru għal Għawdex qed jimpenja ruħu f'dan ir-rigward bi proġetti, programmi w inizjattivi pubbliċi u b'ħidma sħiħa biex jinċentiva s-settur privat.
Leg 9 PQ #10130 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Taċ-Ċawla - Appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jitkompla l-pjan ta' l-amministrazzjoni preċedenti li fuq il-blokk ta' flats li hemm tal-gvern f'Taċ-Ċawla jinbnew washrooms għal użu ta' l-inkwilini ta' l-istess flats?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kien hemm ebda pjan ta' l-amministrazzjoni preċedenti biex jinbnew washrooms fuq il-Blocks residenzjali taċ-Ċawla. Kien hemm biss l-ideja li jinbnew washrooms fuq Blocks B, C u D, saret stima u kien hemm il-ħsieb li jitqabbad perit biex japplika għall-permessi taħt il-General Development Order. Dan l-aħħar id-Dipartiment tal-Customer Services kien qiegħed isegwi l-każ mad-Direttur ta'l-Akkomodazzjoni Soċjali biex jara jekk it-talba li reġgħu għamlu reċentement xi inkwilini dwar dawn il-washrooms hijiex rakkomandabbli li titwettaq.
Leg 9 PQ #10131 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza Indipendenza — Torri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sewa t-torri li nbena fil-Pjazza Indipendenza għal millenju l-ġdid? Huwa veru li l-arloġġ li ntuża huwa dak li ngħata b'xejn minn bank lokali bħala riklam biex jitwaħħal fl-Imġarr, Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-torri fi Pjazza Indipendenza sewa Lm365 f'materjal li parti minnu tista' terġa tintuża u Lm437 f'xogħol. Minħabba li din hija struttura temporanja intużat parti minn arloġġ li aktar 'il quddiem ser jitqiegħed f'post pubbliku.
Leg 9 PQ #9061 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Interview

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ġew msejħa mill-ETC biex jagħmlu interview mal-Gozo Channel bħala seamen u bħala cleaners? Minn min huwa kompost il-Bord ta' l-Għażla u x'kriterji qegħdin jintużaw fl-għażla? Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li dawk li sejrin jiġu magħżula wkoll jipposjedu il-ktieb tal-baħar (A u B) u li l-istess ktieb tal-baħar kien fil-pussess tagħhom ferm qabel li sar l-interview?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li s`issa l-Gozo Channel għadha ma rċivietx mingħand il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-lista tal-persuni li għandhom joqgħodu għall-intervisti konnessi ma` l-ingaġġ ta` Seamen u Cabin Attendants (cleaners) Il-Bord ta` l-Għażla għadu ma ġiex kompost. Il-kwalifiki meħtieġa huma dawn Seamen (Deckhands) Eta` ta` mhux anqas minn 21 sena Ċertifikat validu AB jew EDH (Efficient Deckhand) Attendenza għal kors ta` certified basic sea survival* Ċertifikat ta` Fire-Fighting* Ċertifikat mediku validu Cabin Attendants (cleaners) Attendenza ta` kors ta` certified basic sea survival* Ċertifikat tal-Fire-Fighting* Ikun jew tkun matur jew matura biżżejjed biex taġixxi b`mod responsabbli f`każ ta` emerġenza Ċertifikat mediku validu * jekk ikun meħtieġ jiġi provdut mill-Kumpanijia wara l-ingaġġ Is-Seamen magħżula irid ikollhom certifikat AB, mhux A u B, jew EDH u l-kriterji l-oħra msemmija. Il-Cabin Attendants (Cleaners) mhux meħtieġ li jkollhom certifikat AB jew EDH.

ETC — Reġistrazzjoni għal Seamen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li kienu jirreġistraw bħala seamen taħt l-ewwel parti u d-data ta' meta kull wieħed minnhom beda jirreġistra bħala seaman taħt l-ewwel parti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jirriżulta li fil-15.07.99 in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel parti bħala "Ship's Deck Crews and related workers" kien ta' 135. 49 minnhom għandhom id-dokumenti meħtieġa w jikkwalifikaw bħala baħħara. Mhix prattika tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li tippublika nformazzjoni personali fuq ir-reġistranti. 19.7.99
Leg 9 PQ #9056 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li minbarra l-applikazzjonijiet għal seamen u cleaners, l-Gozo Channel beħsiebu joħroġ applikazzjonijiet oħra? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-postijiet vakanti li baqa' mal-Gozo Channel u li dwarhom hemm il-ħsieb li ssir talba għall-istess fini lill-ETC?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minbarra l-applikazzjonijiet għal Seamen (Deckhands) u Cabin Attendants (Cleaners), il-kumpanija Gozo Channel għamlet talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex jimtlew erba' vakanzi fi ħdanha. Dawn il-vakanzi huma ta' Kaptana, Chief Engineers u Engineering Officers, Customer Service Officers u Handyman/Arpenter.
Leg 9 PQ #9057 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Hovermarine — Numru ta' passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru tal-passiġġieri kollha li qasmu f'kull trip li għamlet sal-lum il-hovermarine?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Tajjeb jingħad li bħalissa l-hovermarine qed topera bi prova.