Tista' l-Ministru tikkonferma illi ġie maħtur ko-ordinatur bejn il-Ministeru tagħha u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni f'Għawdex biex dan jistruwixxi lit-tfal dwar l-importanza ta'l-Unjoni Ewropea? Jekk dan huwa minnu, tista' l-Ministru tikkonferma jekk huwiex isir l-istess fl-iskejjel f'Malta? X'inhu s-salarju ta' dan l-ko-ordinatur? Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ingaġġ ta' dan il-ko-ordinatur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma ġie maħtur l-ebda ko-ordinatur bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Fergħa ta' l-Edukazzjoni f'Għawdex.
Tista' l-Ministru tikkonferma illi l-ammont kollu taħt il-Vot Rikorrenti fil-Ministeru għal Għawdex ġie minfuq? Tista' l-Ministru tikkonferma wkoll illi n-nefqa taħt il-Vot Rikorrenti issuperat l-ammont attwalment ivvotat għas-sena 1999?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ammont ivvutat taħt il-Vot Rikurrenti tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 1999 għadu mhux minfuq kollu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li jkunu waqfu mix-xogħol, ikunu bdew jirreġistraw u wara jibdew bis-sick leave m'għadhomx aktar eliġibbli biex japplikaw għal Pensjoni ta' l-Invalidita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li persuna tkun intitolata għal Pensjoni għal Invalidita' jekk kienet inkapaċi għax-xogħol minħabba marda serja. Meta persuna tirreġistra għax-xogħol immedjatament wara li tkun tilfet ix-xogħol b'riżultat ta' nuqqas ta' xogħol, u waqt li tkun qed tirreġistra timrad b'marda serja din ukoll tista' tkun intitolata għal Pensjoni għal Invalidita'. Għaldaqstant mhux minnu dak li qed jgħid l-Onor. Membru u cioe' li persuni li jkunu waqqfu mix-xogħol u bdew jirreġistraw u wara tiżvilupalhom marda m'għadhomx eliġibbli għal pensjoni għal Invalidita'.
Naturalment, id-dipartiment għandu d-dmir li jara li s-sistema ma tiġiex abbużata f'liema każ, jittieħdu l-passi opportuni.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-preżent il-Korporazzjoni Enemalta m'għandhiex la wire tal-cable tad-dawl tat-three phase u lanqas meters tad-dawl? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista'l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan in-nuqqas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-prezent l-Enemalta ghandha stokk baxx ta` meters tat three-phase. Il-process tax-xiri ta` dawn il-meters kien inbeda f`Gunju tal-1998, izda waslet quddiem il-Bord tad-Diretturi sitt xhur wara. F`April 1999, it-`tender committee` deherlu li specifikazzjoni (dettalji tal-materjal) tat-tender kienet ambigwa u ghalhekk is-sejha ghall-offerti kellha tinhareg mill-gdid.
It-tieni sejha ghalqet fit-3 ta` Awissu 1999 u sakemm tlestew il-processi kollha ghaddew tlitt xhur biex intbaghtet l-ordni ghal 1,300 meter 3-Phase 40 Max 100 Amps. Din il-kunsinna mistennija tasal Malta f`Dicembru. Sakemm tasal din il-kunsinna, l-Korporazzjoni ghamlet ordni zghira ohra ghal 25 meter minghand ditta lokali.
Rigward l-istokk tal-wire tal-cable, ghalkemm il-livell fil-General Stores tal-Korporazzjoni huwa xi ftit baxx, id-distretti huma fornuti. Barra minn hekk f`Settembru li ghadda saret ordni li mistennija tasal Malta fis-6 tax-xahar id-diehel.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ammont kollu vvotat taħt il-Vot Kapitali fil-Ministeru ta' Għawdex ġiex minfuq? Jekk le, tista' l-Ministru tagħti rendikont u tgħid x'ammont ma ġiex minfuq u taħt liema items?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jispjega u jara kif file tal-pulizija pendenti mill-1998 għall-applikazzjoni biex jingħata ħanut tax-xorb (File Nru 2/A/M/98) sal-lum għadu m'huwiex approvat?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni bir-referenza Z/A/M 12/98, ninsab infurmat li fir-rigward ta` din l-applikazzjoni għad hemm pendenti il-kummenti / clearance tad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Kif il-Pulizija tirċievi r-risposta ta` dan id-dipartiment, l-applikazzjoni ser tiġi riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija, peress li hemm oġġezzjoni minn wieħed mill-ġirien.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għaliha twaqqaf it-tqassim ta'l-iskimmed milk mill-ispiżeriji ta' l-isptarijiet lil dawk li kienu intitolati għalih? Jidhirlu l-Ministru li huwa xieraq li tibqa' tingħata din l-għajnuna, speċjalment lil dawk li jbatu bil-kolesterol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ewwelnett nixtieq ngħid lill-Onor. Interpellant li l-'powdered skimmed milk' beda jingħata meta dan ma kontx issib tixtrih fis-suq lokali. Illum dan m'għadux jgħodd għax l-impriża tal-Ħalib qiegħda tipproduċih FRISK fil-pakketti.
Issa, wara riċerka li saret mid-'Drugs & Therapeutics Committee' tad-Diviżjoni tas-Saħħa ġie stabbilit li l-ħalib xkumat m'għandu l-ebda effett terapewtiku fil-kura ta` l-'Cholesterol' għoli fid-demm. Il-ħalib xkumat, bħal affarijiet oħra fosthom 'yogurt', 'low fat cheese' u rikotta, jifforma biss parti minn dieta li hija normalment rakkomandata f'kundizzjoni bħal din. L-Att dwar is-Sigurta` Soċjali jipprovdi biex nies eliġibli taħt l-Iskeda Ħamsa (kartuna safra) jew l-Artiklu 23 (karta roża) ikunu ntitolati għal mediċini b'xejn u mhux għal dieta b'xejn. Kien għalhekk deċiż li l-ħalib xkumat ma jibqax jiġi mogħti bħala mediċina mill-ispiżeriji tal-Gvern.
Infakkar ukoll li l-'iskimmed milk' ma baqax jingħata lill-persuni li kellhom il-kartuna s-safra taħt l-amministrazzjoni preċedendi.
Madanakollu rrid ngħid li kundizzjonijiet oħra bħal p.eż 'coeliac disease' li għalihom jingħataw affarijiet tad-dieta, liema dieta tifforma parti ntegrali fil-kura ta` il-kundizzjonijiet, m'humiex se jiġu effettwati b'din id-deċiżjoni.
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10848?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li kien hemm xi bżonnijiet urġenti għall-isptar li ġew debitati temporanjament lill-Vot Kapitali sa meta d-Direttur konċernat jara sewwa f'liema 'items' taħt il-Vot rikorrenti tiegħu se jkun hemm fondi żejda li jistgħu jgħaddu biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjes imsemmija.
Peress li minħabba tilwim industrijali fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, il-Bord ta' l-Appelli ta' l-istess awtorita' ma jistax jiffunzjona f'Għawdex u fil-fatt tħassru diversi seduti b'harship kbir għal Għawdxin, jista' l-Ministru jieħu passi rimedjali biex jassigura li l-istess bord ta' l-appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex jerġa' jibda jiffunzjona?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru jidhirlu li ġaladarba nhar il-Ħamis 4 ta` Novembru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tekniċi u amministrattivi tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar twaqqfu, il-Bord ta` l-Appell issa se jkun jista` jerġa` jiltaqa` wara li jintbagħtu n-notices lill-persuni kkonċernati. In-notice trid tasal sa 15-il ġurnata qabel il-laqgħa tal-Bord ta` l-Appell.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex fis-Sqaq Nru. 1 f'Racecourse Street, Xagħra, Għawdex jitlesta u dan peress illi l-paviment ta' l-isqaq ġie mqatta' u mkisser mill-kuntrattur u kollox tħalla maqlugħ b'inkonvenjent kbir għan-nies li jużaw dan l-isqaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet esiġenzi u l-meżżi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Tista' l-Ministru tara li x-xogħol tat-tarmak u bankini f'Racecourse Street, Xagħra, Għawdex jitkompla u jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol tat-tarmak u bankini f'Racecourse Street, Xagħra, Għawdex qiegħed isir mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew dikjarati redundant f'dawn l-aħħar tliet xhur mill-kumpanniji li jaħdmu fil-qasam industrijali tax-Xewkija, Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dawn l-aħħar tlett xhur, mill-Qasam Industrijali tax-Xewkija, Għawdex, persuna waħda biss ġiet iddikjarata bħala "redundant".
Saħħa — Għawdex - Sptar Ġenerali - Makni tal-kliewi
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' kiri tal-makna tal-kliewi għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji meħtieġa fis-sens għal kemm perijodu ta' żmien ġiet mikrija, bl-ammont kemm ġiet mikrija, kif ukoll id-dettalji kollha neċessarji biex wieħed ikun jista' jkun jaf meta se tibda taħdem?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-ftehim li qiegħed jirreferi għalih l-Interpellant huwa bejn żewġ kumpaniji kummerċjali u ma jidhirlix li għandu jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Sa dan it-tant nista' ngħid illi l-apparat kollu jsir propjeta' tal-Gvern ta' Malta wara 5 snin minn meta jiġi installat.
Ix-xoghol strutturali kważi lest u l-appart beda jiġi installat fil-post. Diġa' beda jsir it-taħriġ ta' staff għal din il-unit.
Tista' l-Ministru tgħid minn Settembru 1998 sa Ottubru 1999 kemm ingħataw liċenzji ġodda għall-ftuh ta' ħwienet, supermarkets u mini-markets f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitlub tinsab skedata hawn taħt:
Xahar Supermarket Mini Market Ħwienet oħra
Settembru 1998 - 1 4
Ottubru 1998 - - 3
Novembru 1998 - - -
Diċembru 1998 - - -
Jannar 1999 - - 20
Frar 1999 - - -
Marzu 1999 - - 1
April 1999 1 - 6
Mejju 1999 - 1 1
Ġunju 1999 - - 1
Lulju 1999 1 - 1
Awissu 1999 1 - 2
Settembru 1999 - - 3
Ottubru 1999 - 1 4
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10385?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-1 ta' Ottubru 1998 sa l-aħħar ta' Settembru 1999 inħatru sitt persuni fil-grad ta' Security Guards fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. In-numru ta' mpjegati f'dan il-grad li kien hemmm fl-istess sptar matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kien 28 fl-1995, 27 fl-1996, 25 fl-1997, 29 fl-1998 u 26 fil-preżent.
Jiena nfurmata li ma hemm l-ebda impjegat fil-grad ta' Security Guard fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li mhux qed jitħallas tal-Ħdud u ta' ljieli extra maħduma.
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10381?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Equipment Procurement Committee għadu jiffunzjona u li huwa kompost minn Dr A. Livori bħala Chairman, is-Sur M. Axiaq bħala Segretarju u s-Sinjuri R. Aquilina, F. Grech, A. Degiorgio, F. Masini, Dr M. Masini, Dr R. Sciberras, J. Attard, S. Portelli u E. Depasquale bħala membri.
Jiena nfurmata li mill-5 ta' Settembru 1998 sat-13 ta' Ottubru 1999 dan il-kumitat iltaqa' 11-il darba u matul dan il-perijodu approva li jinxtara l-apparat li jidher hawn taħt:
- Reference Electrode
- Elector-Metric Board for II 1306 Analyser at Lab Dept.
- Oxygen Tents for Paediatric Ward at GGH
- Frontline Urine Strips
- High Vacuum Autoclave at the CSSD
- Bag Holders
- PHACO Emulsifier Device
- Instruments for Podology Dept.
- Bags Colostomy (Stoma Cur Protect)
- Electrode Leads (For Marquette Monitor Z200 series)
- Insert Drill Sleeve
- McLintock Ovum Forceps (6)
- Cable for Storz Bipolar Instruments (10)
- Ocular Adapter to fit Wolf-Endocamera to Pentax Endoscope (1)
- Ultra Sonic Cleaner
- Accessories for CSSD (Stainless steel baskets, Stainless steel shelving, Basket Trolley with handle, Two Table Trolley autoclave height, Inspection Lamp, Sterilisation Reel Cuttuer and Dispenser, Distribution Trolleys, two units, one clean, one dirty)
- Automoatic Endoscopic Washer / Disinfector
- Caustic Applicators
- Direct Mounting, Wall Suction Units for CCU - GGH
- Thermometers
- Aluminium Cabinet for CSSD
- Two leaf Door for Physiotherapy Dept at GGH
- Sur FAst Intraossour Infusion Needles Sets Paediatric / Theatre
- Ripple Mattresses (8)
- Incubation for Laboratory Fan Circulated
- Surgical Lamps for Operating Theatre
- IV Sets Infusion Plastic Disposable
- Carrier for Transport of Blood Products
- Bag leg X 1300ml
- Vaporiser (one) and Bottle Steam Sterilizer (6 bottles)
- Renal Unit: Couches, trolleys, supply units, air condition, TV Sets, Installation of TVs, Aluminium Partitions, Digital Patient's Scale
- Filters for humidification and Barrier for Ventilation (Bacterial and Viral)
- Stabilised power supply
Il-Kumitat approva wkoll xiri ta' spare-parts għall-apparat li qed jintuża regolarment fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskrittura privata tat-12 ta' Ottubru, 1999 bejn Dottor Godwin Grima, għan-nom tal-Gvern, u Dottor Joseph Tabone għan-nom tas-Soċjeta' Eureka Services Limited u Dottor Mario Grech għan-nom tas-Soċjeta' RG Services Ltd ġiet skrutinata mid-Direttur tal-Kuntratti qabel ma ġiet iffirmata?
Saret xi sejħa għall-offerti qabel ma ġiet iffirmata din l-iskrittura privata? Għaliex tintgħażel il-forma ta'skrittura privata minflok kuntratt pubbliku?
Ġew konsultati n-nutara li jaħdmu f'Għawdex qabel ma ġiet iffirmata din l-iskrittura privata?
Hija regolari li bini tal-Gvern u ħwejjeġ oħra mobbli, proprjeta' tal-Gvern, jingħataw għal użu esklusiv ta' żewġ kumpanniji privati li skond din l-iskrittura privata għandha l-monolju assolut f'dan ir-rigward?
Għaliex dan il-ftehim ma ġiex ippreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament?
X'inhuma r-rati u l-ħlasijet li se jkunu dovuti?
Response (BORG, TONIO)
Għandu jingħad li dan huwa ftehim 'sui generis' li prinċipalment jikkonsisti f`xiri mill-Gvern ta` databases dwar materjal tar-Reġistru Pubbliku. Bis-saħħa ta` dan il-ftehim, il-Gvern akkwista bi proprjeta` mil-lum stess u mingħajr ebda nefqa kapitali : -
(a) id-database attwali tal-kumpanija Eureka li tkopri 2.5 miljun data;
(b) il-komputerizzazzjoni tad-data kollha rilevanti fir-Reġistru Pubbliku matul dawn l-aħħar 150 sena;
(c) il-komputerizzazzjoni tan-noti kollha li jidħlu kuljum fir-Reġistru Pubbliku sakemm idum fis-seħħ il-ftehim.
Bħala konsegwenza loġika ta` dan il-ftehim, il-kumplament isegwi u l-'updates' u d-data capture tas-snin li għadhom mhux koperti fid-database huma wkoll inklużi fl-obbligazzjonijiet tal-kumpanija venditriċi u dan ukoll mingħajr infieq kapitali.
Dan il-ftehim ġie approvat mill-Kabinett u l-firma tiegħu awtorizzata mill-Ministeru tal-Finanzi u ma jidhirx li kien hemm bżonn ta` l-intervent tad-Direttur tal-Kuntratti stante, nirrepeti, n-natura 'sui generis' tal-ftehim fejn sar akwist bla ebda nefqa.
Dwar sejħa għall-offerti u konsultazzjonijiet l-Onor. Interpellant huwa riferut għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10635 iżda jiġi enfasizzat illi ħadd ieħor ma kellu din id-data 'available'.
Il-liġi ma tobbligax li ftehim simili isir b`att pubbliku iżda xorta dan ġie iffirmat quddiem in-Nutar Prinċipali tal-Gvern.
Fl-aħħarnett, niġbed l-attenzjoni ta` l-Onor. Interpellant li l-ftehim ilu li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mid-19 ta` Ottubru 1999. Minn hemm joħorġu r-risposti dwar użu esklussiv, rati u ħlasijiet.
Tista' l-Ministru tgħid minn Settembru 1998 sa Ottubru 1999 kemm saru spezzjonijiet fuq ħaddiema u mpjegati tal-Gvern xahar b'xahar? Kemm ingħataw charges xahar b'xahar? Kemm ħaddiema u mpjegati weħlu għaliex instabu ħatja? Kemm minn dawn kellhom l-akkuża tagħhom imwaqqgħa wara li ħadu affidavit? Kemm ħaddiema u mpjegati mal-Gvern instabu ħatja?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.