Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għar-rigward inċendju li sar fix-Xagħra, Għawdex u preċisament fl-indirizz 'Bienvienidos', Qasam ta' Dun Anton, Xagħra, Għawdex fis-26 ta' Novembru 2001 fis-2.30am, ma saret l-ebda inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ ta` ħruq imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi investigat mill-Pulizija. Fil-fatt kien il-Maġistrat tal-Għassa li kien ta l-opinjoni li ma kienx hemm bżonn ta` inkjesta.
B'refereza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30422 u r-risposta mogħtija fit-12 ta' Diċembru 2001, peress li l-abbonat tas-servizz tat-telefone bin-numru 552235 f'Għawdex, għadu sal-llum bla linja tat-telefone, jistgħu jittieħdu passi rimedjali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-abbonat ingħata s-servizz komplut fis-26 ta' Diċembru li għadda wara li kellhom jinbidlu kilometri sħaħ ta' cable li kellu ħsarat kbar, kemm minħabba li kien intlaqat minn kuntrattur kif ukoll minħabba l-fatt li tali cable kien għaddej mill-ħamrija.
Jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex il-persuna li n-numru ta' l-ID Card tagħha qed jintbagħat separatament ilha min Marzu ta' din is-sena mingħajr pensjoni ta' disabilita' u children allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi tal-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jispjega x'ġara minn applikazzjoni li saret mill-applikant dwar xiri ta' flat 9, Bini tal-Gvern, Triq it-Tabib Anton Tabone, Rabat, Għawdex u dan peress illi l-applikant irċieva żewġ acknowledgements u sal-lum għadu bla risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar tixtieq tinforma lill-Onor. Interpellant li Skema Sitta ġiet magħluqa. L-applikazzjonijiet kollha taħt din l-Iskema ser jiġu kkunsidrati taħt Skema ġdida li l-Awtorita' ser tippubblika fi ftit ġranet oħra.
L-applikant ser ikun informat f'qasir żmien bil-kundizzjonijiet ta' l-Iskema l-ġdida.
Jista' l-Ministru jikkonferma li M/V Gaudos m'huwiex fuq ir-rotta ta' bejn iċ-Ċirkewwa u l-Mġarr, Għawdex minħabba li żviluppawlu ħsarat estensivi? Kemm hija stmata li se tiswa din il-ħsara u fejn żviluppat l-istess ħsara? Fejn qiegħed jissewwa fil-preżent dan il-bastiment tal-Gozo Channel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-vapur MV Gaudos mhux qiegħed fuq is-servizz bejn Malta u Għawdex għaliex jinsab fil-Malta Shipbuilding biex isirulu xi tiswijiet konnessi mal-guarantee docking li normalment isir fuq vapur ġdid fi żmien sena minn mindu jibda jaħdem.
It-tiswijiet jinkludu xogħol fuq ir-rampi u l-flooring tal-vapur. Dawn il-ħsarat mhumiex estensivi u peress li huma koperti bil-garanzija tal-vapur mhux mistenni li jkun hemm xi spiża għas-sidien tal-vapur.
Jista' l-Ministru jikkonferma illi f'Għawdex il-Korp tal-Pulizija m'għandhom l-ebda bullet proof vests? X'inhi r-raġuni ta' dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sal-1999 kienet biss it-Taqsima ta` l-SAG li kienet fornita b`dawn il-ġgieget. Fis-sena 2000 din ġiet estiża ukoll għall-sezzjonijiet oħra tal-Pulizija. Din is-sena ħarġet tender oħra għal aktar ġgieget u din ser tkopri l-bżonnijiet t`Għawdex ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 29183, peress illi jidher ċar illi min ta' l-informazzjoni lill-Ministru ta' informazzjoni m'hijiex korretta għaliexit-twaħħil ta' l-brackets m'għandu x'jaqsam xejn mal-għoli tas-servizz d-dawl lill-applikanti, jista' għalhekk l-Ministru jivverifika li fir-realta' is-servizz tad-dawl diġa jie installat sa ġol-garage ta' l-applikant (u fil-fatt il-fuses diġa ġew imwaħħla? u jonqos biss li jitwaħħal il-meter relattiv?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kuntrarjament għal dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant, dak li ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 29183 huwa korrett. Huwa meħtieġ li jitwaħħlu l-brackets biex ix-xogħol li għad fadal isir ikun jista' jiġi finalizzat.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex persuna li applikant għas-servizz ġidid tad-dawl fit-Triq Wied ir-Raħan, Nadur, Għawdex u ħalset is-Lm70 fil-15 ta' Mejju 2001 sal-lum għada mingħajr servizz tad-dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fil-preżent il-konsumatur ma jixtieqx li jkollu brackets imwaħħla mal-faċċata ta' daru u minħabba f'hekk ix-xogħol ma jistax isir.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-ħaddiema li hemm jaħdmu fil-bars u fis-sezzjoni tal-catering fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, għalkemm m'humiex ingaġġati direttament mill-Gozo Channel xorta waħda l-istess kumpanija tikkonferma lill-persuna li imexxi dawn il-bars u li għandu l-offerta, bi ħlas għal l-istess ħaddiema?
Huwa minnu li r-rata kull siegħa li l-Gozo Channel tħallas għal kull ħaddiem li hemm jaħdmu fil-bars tal-Gozo Channel huma ferm għola mir-rata kull siegħa li l-istess persuna li għandha din l-offerta tħallas lill-istess ħaddiema kull siegħa?
Jista' jagħti r-rata li titħallas kull siegħa lill-persuna li għandha din l-offerta tal-bars tal-Gozo Channel?
Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'din is-sezzjoni u kemm ħalset il-Gozo Channel bħala kumpens għal dawn il-ħaddiema minn Jannar sal-illum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 il-Kumpanija Gozo Channel ħadet f'idejha l-bejgħ li jsir fil-bars li hemm fuq il-vapuri tagħha. L-impjegati tal-barijiet huma kollha mpjegati tal-kuntrattur privat li min-naħa tiegħu jissuplixxi n-nies fuq il-vapuri tal-Gozo Channel skond l-esiġenzi tas-servizz.
Il-Kumpanija tħallas lill-kuntrattur privat rata fissa għal kull siegħa ta' xogħol li ssir mill-ħaddiema li jipprovdi. Ir-rata mħallsa mill-Gozo Channel tinkludi l-ispejjeż l-oħra ta' xogħol bħalma huma l-frank, is-sahra u l-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali.
Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija, l-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess tal-Gozo Channel li tali nformazzjoni tixxandar. Tajjeb infakkar li l-impjegati tal-barijiet kollha huma tal-kuntrattur privat u jaqgħu direttament fir-responsabbilta' ta' min jimpjeghom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi tal-bars u l-catering b'mod ġenerali li hemm fuq kull vapur tal-Gozo Channel humiex qegħdin jitmexxaw mill-Gozo Channel jew mill-privat?
Il-ħaddiema li hemm jaħdmu f'din is-sezzjoni huma mal-Gozo Channel jew mal-privat? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'din is-sezzjoni u x'inhuma l-kundizzjonijiet ta' l-impjeig tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 il-Kumpanija Gozo Channel ħadet f'idejha l-bejgħ li jsir mill-bars li hemm fuq il-vapuri tagħha. Dan il-pass ittieħed sabiex il-Kumpanija tiżgura ruħha li s-servizz jitjieb, jintlaħqu l-istandards mixtieqa u jkun hemm aktar kontroll. Fil-fatt il-kuntrattur privat għadu jforni l-barijiet bil-provvisti meħtieġa kif ukoll hija fir-responsabbilta' tiegħu li jżomm store fuq l-art u jagħmel il-kunsinni lill-vapuri skond l-esiġenzi tal-Kumpanija. Il-prezzijiet ta' l-oġġetti provduti jiġu negozjati mill-Gozo Channel direttament mal-fornitur.
L-impjegati tal-barijiet kollha huma tal-kuntrattur privat li min-naħa tiegħu jissuplixxi n-nies fuq il-vapuri tal-Kumpanija skond l-esigenzi tas-servizz. Għaldaqstant dawn l-impjegati jaqgħu direttament fir-responsabbilta' ta' min jimpjeghom.
Tajjeb jingħad li ladarba dawn l-impjegati jkunu fuq il-vapuri, jiġu utilizzati f'emergency drills skond is-Safety Managemenrt System tal-Gozo Channel. Għal dan il-għan dawn l-impjegati qed jiġu mħarrġa f'basic skills li jinkludu sea-survival, first-aid and fire-fighting.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-work order għar-rigward ta' bini ta' ħitan fil-Wied ta' San Blas, Nadur, Għawdex, li kienet ġiet approvata sabiex issir l-istess xogħol mill-Kunsill Lokali tan-Nadur, Għawdex b'materjal u ġebel provdut mill-istess kunsill pero bil-ħaddiema taċ-CMU ġiet kanċellata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dan ix-xogħol ma setax isir prinċipalment minħabba diffikultajiet tekniċi.
Jista' l-Ministru jgħid f'Għawdex, xahar b'xahar kemm ġew presentati mandati ta' inibizzjoni quddiem il-Qorti minn Ġunju 2001 sal-ġurnata tal-illum? Kemm min dawn ġew quddiem il-Maġistrat P. Coppini u kemm min dawn ġew quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona? Kemm min dawn ġew milqugħa u kemm min dawn ġew miċħuda?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li għalkemm fl-inħawi ta' Kuxxina, fin-Nadur, Għawdex kienet inħarġet il-work order sabiex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-Kunsill Lokali tan-Nadur, Għawdex mil-ħaddiema tal-Gvern, l-istess Ministru baqa' ma provdiex il-ħaddiema għall-istess xogħol lill-Kunsill Lokali tan-Nadur, Għawdex u addirittura l-istess Gvern Ċentrali ipproċeda biex jagħmel dan ix-xogħol huwa permezz tal-ħaddiema taċ-CMU?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-talba għax-xogħol li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma setgħetx tintlaqa’ peress li l-Kunsill talab li x-xogħol jitlesta fi żmien qasir ħafna u d-Dipartiment konċernat dak iż-żmien kellu diffikultajiet biex jassenja ħaddiema mħarrġa f’din is-sengħa.
Jista' l-Ministru jgħid meta nżammet l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar iċ-Ċittadella u l-Wirt Storiku Għawdxi? X' ħidma saret minn dan il-Kumitat fis-sena 2000?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26422.
Jista' l-Ministru jispjega għaliexl-Għassa tax-Xagħra Għawdex illum tinsab magħluqa bejn il-5:00pm u t' 8:00am ta' l-għada?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-għassa kienet qed tkun magħluqa minħabba li l-Pulizija assenjat f`din l-għassa kien qiegħed ikun ordnat għassa mat-Tempji tal-Ġgantija. Pero` ninsab infurmat ukoll li din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li sal-lum il-flats taċ-Ċawla, fir-Rabat, Għawdex għadhom bla servizz ta' lift għalkemm kienu inħarġu il-permessi kollha neċessarji biex jiġu installati dawn il-lift?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li ma jirriżultalix li hemm xi permess biex jiġi stallat xi lift fil-binja ndikata mill-Onor. Interpellant, nitolbu jispeċifika għall-liema blokk ta' flats qed jirreferi.
1) Jista' l-Ministru jikkonferma li f' dawn l-aħħar xahrejn reġgħu d-daħħlu ħaddiema jaħdmu mal-Gozo Channel?
2) Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li ġew ingaġġati u x' grad għandhom ma' l-istess kumpanija?
3) Saret sejħa mill-ETC għal-istess għażla?
4) Il-persuni magħżula kienu jireġistraw taħt l-ewwel parti u kemm kull wieħed minnhom kien ilu jirreġistra taħt l-ewwl parti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar xahrejn ma kienx hemm ħaddiema li reġgħu iddaħħlu jaħdmu mal-Gozo Channel.