Tista' il-Ministru tgħid x'se jsir minn dawk il-ħaddiema tal-WSC li marru jaħdmu fuq proġett tal-kunsill ta' l-Għarb, Għawdex b'wegħda li jinbidlu wara ċertu żmien? Issa li spiċċa dan iż-żmien, x'inhi r-raġuni li għadhom jaħdmu f'dan il-proġett u ma marrux lura għax-xogħol li kienu jagħmlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għar-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 10927 u 12577, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali mogħti mill-gvern bħala rimunerazzjoni lill-ġudikanti tal-kotba li daħlu għall-konkors Premju Letterarju 2002? Kemm kien l-ammont mogħti lil kull ġudikant individwali u għal kemm kotba ġudikati? Fuq liema kriterju jitqies l-ammont li jingħata lil kull ġudikant?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma ingħatat l-ebda rimunerazzjoni lill-ġudikanti li daħlu Konkors Premju Letterarju 2002.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12935 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk wasalx iż-żmien li kull speċjalista, konsulent jew surgeon li japplika biex jaħdem fl-isptar ġenerali ta' Għawdex jiddikjara l-interessi li kull wieħed minnhom għandu fil-qasam privat?
Peress li xi drabi speċjalist jew surgeon ikollu konflitt dirett bejn ix-xogħol tiegħu fil-privat u dak fl-isptar ġenerali ta' Għawdex, jista' il-Ministru jinnota li dan l-istat ta' fatt qiegħed jieħu ħafna lura lill-isptar ġenerali ta' Għawdex b'nies li jiġu mħajjra mill-istess konsulenti u speċjalisti biex imorru fi sptarijiet jew kliniċi privati u dawn fil-maġġorparti joffru servizz u makkinarju li ma jkunx hemm fl-isptar ġenerali ta' Għawdex, għax forsi jkun hemm min ikollu interess li dan il-makkinarju ma jinxtarax jew addirittura jitħalla għal żmien bil-ħsara bir-riżultat li jbati l-poplu Għawdxi li jkollu jħallas il-belli liri biex imur fil-privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta' konsulenti impjegati fl-Isptar ta' Għawdex huma bħal dawk ta' konsulenti impjegati fi sptarijiet oħra f'Malta u huma bbażati fuq ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ speċifiku, għandu jgħaddi l-informazzjoni lill-Amministrazzjoni ta' l-Isptar jew lill-Kunsill Mediku biex din tiġi investigata.
Tista' il-Ministru tgħid jekk wasalx iż-żmien li kull speċjalista, konsulent jew surgeon li japplika biex jaħdem fl-isptar ġenerali ta' Għawdex jiddikjara l-interessi li kull wieħed minnhom għandu fil-qasam privat?
Peress li xi drabi speċjalist jew surgeon ikollu konflitt dirett bejn ix-xogħol tiegħu fil-privat u dak fl-isptar ġenerali ta' Għawdex, tista' il-Ministru tinnota li dan l-istat ta' fatt qiegħed jieħu ħafna lura lill-isptar ġenerali ta' Għawdex b'nies li jiġu mħajjra mill-istess konsulenti u speċjalisti biex imorru fi sptarijiet jew kliniċi privati u dawn fil-maġġorparti joffru servizz u makkinarju li ma jkunx hemm fl-isptar ġenerali ta' Għawdex, għax forsi jkun hemm min ikollu interess li dan il-makkinarju ma jinxtarax jew addirittura jitħalla għal żmien bil-ħsara bir-riżultat li jbati l-poplu Għawdxi li jkollu jħallas il-belli liri biex imur fil-privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li din hija materja ta' natura nazzjonali, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jireferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ilu sospiż is-servizz ta' l-ENT f'Għawdex? X'inhi r-raġuni għal dan? Meta se jitkompla dan is-servizz? X'inhuma jagħmlu dawk il-persuni li jridu jinqdew b'dan is-servizz u ma jistgħux?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz ta’ l-ENT clinic fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li normalment isir darba f'gimgha l-ahhar li sar kien il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2005. Kif ġie spjegat drabi oħra is-servizz ta’ ENT f’dan l-Isptar kellu jiġi sospiż mid-Dipartiment tas-Saħħa minħabba r-riżenja ta’ speċjalisti. Dan is-servizz għandu jerġa’ jitkompla wara r-reklutaġġ mill-ġdid ta’ dawn l-ispeċjalisti mill-Ministeru tas-Saħħa f’Malta.
Bħalissa dawk il-persuni li jridu jinqdew b’dan is-servizz qed jiġu riferuti lejn l-Isptar ta’ San Luqa.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10927, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-livell mitlub biex ktieb jingħata sussidju? Għal liema difetti l-ktieb "Meta l-Madonna tidher jew tibki" ma laħaqx il-"livell mitlub"? Min kienu l-ġudikanti f'dan il-każ? Jaqbel il-Ministru li f'dan il-qasam il-pubbliku għandu dritt għal din l-informazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għal Mistoqsija numru 11805.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fil-Malta communications authority? Jista' jgħid x'salarju għandhom u x'benefiċċji jirċievu? Jista' jagħti wkoll informazzjoni dwar il-grad tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ir-risposta mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gozo channel għandhiex arretrati fil-ħlas tal-kontribuzzjoni ta' l-NI tal-ħaddiema u l-ġbir ta' l-FSS? Kemm tħallas is-sena li għaddiet mill-Gozo channel kontribuzzjonijiet ta' l-NI tal-ħaddiema u fi ġbir ta' l-FSS?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li iva, l-Gozo Channel għandha arretrati. Infurmat ukoll li s-sena li għaddiet il-Gozo Channel ħallset LM169,740 FSS u LM165,051.93 N.I.
Tista' il-Ministru tgħid minn meta reġa' beda jopera sal-lum, kemm ġarr passiġġieri l-helicopter bejn Malta u Għawdex u viċi versa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li s-servizz tal-helicopter bejn il-gżejjer Maltin qiegħed jopera fuq bażi kummerċjali ma nħossx li huwa xieraq li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tgħid x'kienu l-aħħar żviluppi dwar meta għandha ssir Trejqa wara l-Ibjar fil-Fontana u dan meta hemm residenti li ilhom li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha meħtieġa għal dawn l-aħħar seba' snin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-offerta għax-xogħol ta' asfaltar fi Trejqa ta' wara l-Ibjar fil-Fontana qiegħda tiġi aġġudikata.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża globali għat-tisbiħ bid-dawl elettriku ta' Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza, Victoria matul il-jiem tal-Karnival ta' din is-sena? Lil min ġiet awarded l-offerta? X'kienet ir-raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ispiża globali għat-tisbiħ bid-dawl elettriku ta' Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza matul il-jiem tal-Karnival 2005 kienet ta' Lm480. Is-sejħa għall-offerta ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-13 ta' Awissu 2004 u kien hemm 3 offerti b'kollox. L-orħos offerta kienet ta' Lm480 mitufgħa minn Joseph Azzopardi li fil-fatt dan ingħata x-xogħol.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża għat-tisbiħ bid-dawl elettriku ta' Triq ir-Repubblika, Victoria Għawdex fil-jiem tal-festi tal-Milied 2004? Lil min ġiet awarded l-offerta? X'kienet ir-raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10927, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhu l-livell mitlub biex ktieb jingħata sussidju? 2) Għal liema difetti l-ktieb "Meta l-Madonna tidher jew tibki" ma laħaqx il-livell mitlub? 3) Min kien/u l-ġudikanti f'dan il-każ? 4) Jekk jaqbilx li f'dan il-qasam il-pubbliku Malti għandu dritt għal din l-informazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Għażla indipendenti kien magħmul minn:
Dr. Robert Attard – Chairman,
Dr. Carol Jaccarini – Membru
Is-Sur Joe Borg – Membru
Informat li fil-fehma tal-Bord ta' l-Għażla ix-xogħolijiet in kwestjoni ma laħqux il-livell, ġudizzju li kif jaf l-Onor. Membru ma jistax ikun sindakabbli minni. Nemmen ukoll li l-pubbliku Malti jinteressah li jkollu l-assikurazzjoni li l-evalwazzjoni issir biss fuq ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu mat-tema, l-istil, l-oriġinalita', l-Malti, l-preżentazzjoni u ħwejjeġ simili. Għandi fiduċja sħiħa li l-evalwazzjoni f'dan il-każ kienet integra anke jekk hu naturali li jkun hemm min ma jaqbilx magħha, speċjalment jekk ikun involut personali.
B'referenza għal dak li ġie mxandar fil-media dwar l-estensjoni u l-bini taċ-ċentru ta' l-artiġġjanat f'Għajnsielem Għawdex, tista' il-Ministru tagħti d-dettalji dwar jekk saritx applikazzjoni mal-MEPA? Jekk saret, tista' il-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess approvat mill-MEPA u tal-pjanti relattivi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena mgħarrfa li l-applikazzjoni għall-estensjoni u l-bini taċ-Ċentru ta' l-Artiġġjanat f'Għajnsielem diġa' saret mal-MEPA. In-numru ta' l-applikazzjoni hu PA 01141/04 u l-permess tal-MEPA għadu ma ngħatax.
Kopja tal-pjanta qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tispjega jekk għar-rigward tal-propost xogħol ta' demolizzjoni u bini mill-ġdid ta' l-iskola ta' l-ITS fil-Qala, Għawdex il-footprint hijiex se tikber, tiċkien jew tibqa' l-istess?
Tista' il-Ministru tagħti d-dettalji dwar in-numru ta' l-applikazzjoni tal-MEPA biex isir dan ix-xogħol u meta nħareġ dan il-permess mill-MEPA?
Tista' il-Ministru tpoġġi kopja ta' dan il-permess u l-pjanti relattivi tal-MEPA fuq il-mejda tal-Kamra?
Tista' tikkonferma li dan ix-xogħol diġa' beda?
Sar xi studju dwar l-istil arkitettoniku mill-istess skola?
Taf li din l-iskola li qegħda tiġi demolata hija parti mill-wirt storiku ta' Għawdex peress li hi l-unika waħda li nbniet tassew bħala skola u b'ħafna mill-klassijiet għandhom anke toilet fihom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-footprint ser tibqa' l-istess. In-numru ta' l-applikazzjoni tal-MEPA hu PA 07195/03 u l-permess għadu ma ngħatax iżda qiegħed fl-aħħar fażi tal-proċess.
Kopja tal-pjanta qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li dan ix-xogħol għadu ma bediex u li ma sar l-ebda studju fuq l-istil arkitettoniku mill-istess skola.
Tajjeb jingħad li l-faċilitajiet ta' din l-iskola kienu addattati għall-bżonnijiet taż-żmien ta' meta nbniet liema bżonnijiet illum inbidlu.
Tista' il-Ministru tispjega għaliex l-assistenza f'allowance fi flus li l-istudenti Għawdxin kienu jieħdu talli jalloġjaw u joqogħdu Malta nqatgħet ħabta u sabta?
Kemm kienet din l-allowance kull xahar u kemm-il persuna kienet tibbenefika minn din l-għajnuna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex ma' qata' l-ebda assistenza f'allowance fi flus li l-istudenti Għawdxin kienu jieħdu talli jalloġjaw u joqogħdu Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu kotba għall-konkors "Premju Letterarju 2002"? Minn dawn il-kotba, kemm ma ngħatawx sussidju? Għal liema raġuni ma ngħatawx sussidju? Liema kienu dawn il-kotba? Min kienu l-ġudikanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' kotba li daħlu għall-konkors "Premju Letterarju 2002" kien ta' 90. Minn dawn il-kotba 5 ma ngħatawx is-sussidju u dawn minħabba għaliex skond il-Bord ta' Ġurija, li kien diġa' magħruf pubblikament f'Jum il-Premjazzjoni, ma laħqux il-livell mitlub.
Informat ukoll li l-kotba li ma ngħatawx sussidju kienu dawn :-
- Meta l-Madonna tidher jew tibki
- Aħna li għexna miegħu
- Ix-xahar ta' Mejju ma' San Wistin
- Fejqan
- I Franciscani Conventuali in Russia e Lituania
Jista' il-Viċi Prim Minsitru jgħid f'Għawdex, xahar b'xahar, kemm saru bejn Settembru 2004 u Jannar 2005 testijiet tal-breathalyser b'mod manwali? Jekk ma sarux b'mod manwali, x'kienet ir-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Settembru 2004 u Jannar 2005 sar breathalyser test wieħed mill-Pulizija f'Għawdex. Dan sar permezz ta' l-istrument fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Ir-riżultat kien pożittiv u għalhekk ser jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra l-persuna involuta.
Tista' il-Ministru tikkonferma li pazjenti li jkollhom bżonn jagħmlu operazzjoni tal-kataretta fl-isptar ġenerali ta' Għawdex qed jintbagħtu jagħmlu test privat fi spiżerija privata?
Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista' il-Ministru tagħti r-raġuni għaliex dan it-test mhuwiex isir fl-isptar stess? Kemm jiswa dan it-test? Huwa minnu li jeżisti dan l-apparat biex jagħmel dan it-test u li ilu bil-ħsara għal żmien twil?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
It-test li probabbli qiegħed jagħmel riferenza għalih l-Onor. Interpellant huwa l-A Scan Biometry li jintuża f'ċertu każi sabiex jikkalkula l-power tal-implant li jintuża waqt l-operazzjoni tal-kataretti. Dan l-apparat sal-lum ma jeżistix ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex.