Jista' il-Ministru jgħid kemm flus intnefqu s'issa u fuq xiex mill-Lm1,350,000 taħt vot rikorrenti 32 Item 5390 għas-sena 2005? Kemm hu mistenni li jintnefqu sa l-aħħar tas-sena u fuq xiex? Għalxiex ġew provduti Lm1,665,000 taħt il-vot rikorrenti 33 Item 5390 għas-sena 2006?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-flus votati taħt il-Vot Rikorenti 32, Item 5390 għas-sena 2005, jiġifieri Lm1,350,000 intefqu kollha. Dawn il-flus huma l-kumpens li ġie mgħoddi lill-Gozo Channel Co. Ltd. bħala sussidju għan-nollijiet, skond l-obbligu li joħroġ mill-kuntraatt dwar is-Servizz Pubbliku (Public Service Obligation Contract) li kien ġie ffirmat fis-16 ta' April 2004 mill-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni u l-Gozo Channel Co. Ltd.
In-nollijiet sussidjati huma dawk li jitħallsu mir-residenti Għawdxin u miċ-ċittadini li għandhom il-Kartanzjan, kif ukoll jiġu sussidjati l-vjaġġi li jsiru matul il-lejl (night services). Hu mistenni li sal-aħħar ta' din is-sena ser ikun ntefqu b'kollox Lm1,481,012 bħala sussidju kif imsemmi, jiġifieri Lm131,012 iktar mill-Lm1,350,000 li kienu ġew ivvutati taħt l-Estimi Finanzjarji għal din is-sena.
Il-Lm1,665,000 li ġew provduti taħt il-Vot Rikorrenti 33 Item 5390 fl-Estimi tas-sena 2006 ser jintefqu għall-istess skop bħal ta' din is-sena, jiġifieri bħala sussidju għan-nollijiet kif ġie spjegat hawn fuq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm sodod, skond it-tip u l-kategorija tar-reġistrazzjoni tagħhom rispettivament f'self-catering accommodation f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru 2005? X'kienet ir-rata ta' l-użu ta' dawn is-sodod, kategorija kategorija u xahar xahar f'kull waħda mis-snin/dati msemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill Onor Interpellant.
Ninsab infurmat li am tinzammx statistika ta' dawn il-postijiet
Tista' il-Ministru tgħid x'kienu l-inizjattivi, programmi, eċċ. li l-aġenzija Sedqa wettqet f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kienu l-flus allokati u minfuqa kull sena fuq din il-ħidma? Kemm u x'kienu l-benefiċjarji ta' din il-ħidma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm turisti Maltin u barranin separatament u skond in-nazzjonalita' tagħhom, għaddew lejl jew aktar f'akkomodazzjoni turistika f'Għawdex, skond it-tip u l-klassifikazzjoni ta' l-akkomomodazzjoni, inkluża self-catering accommodations,kull sena mill-1999 sa l-2004 u matul din is-sena sa l-aħħar ta' Settembru? Kemm iljieli għaddew f'kull tip u kategorija ta' akkomodazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra
B'riferenza għat-tweġiba li tatni l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 15036 dwar Pjan ta' Żvilupp għal Għawdex, peress li kważi sena ilu l-istess Ministru kienet qalet lill-Parlament li l-pjan kien kważi konkluż u d-draft tiegħu kien diġa' lest, x'konsultazzjoni kien jonqos issir dwaru mad-direttorati tal-ministeru? Għaliex il-konsultazzjonijiet li kien jonqos isiru ma' dawn id-diretturi wara sena għadhom mhux konklużi? Kif tiġġustifika li kien hemm bżonn ta' sena ta' konsultazzjoni kontinwa ma' dawn id-diretturi wara li l-pjan kien kważi konkluż u meta l-istess ministru sena ilu qalet li "ilna żmien twil naħdmu fuq it-tfassil ta' dan il-pjan"? Tista' il-Ministru tgħidli kif tittollera dan it-tul kollu ta' żmien fuq konsultazzjoni interna dwar dan il-pjan li, skond dak li qalet, ikopri s-snin 2005-2010 u għalhekk ħalliet sena li kellha tkun l-ewwel sena tat-twettiq tal-pjan tgħaddi mingħajr lanqas għadu m'hu konkluż minħabba din il-konsultazzjoni interna? Meta hu mistenni li jitlesta definittivament dan il-pjan? Kif inhu possibbli li d-direttorati li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex għandhom jimplimentaw dan il-pjan meta għal madwar 40 mistoqsija parlamentari dwar materji ta' importanza kbira għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' Għawdex, il-Ministru għal Għawdex żvelat li hi mhijiex konċernata minn dawn il-materji?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Filwaqt illi nirreferi għal partijiet minn din id-domanda, għall-mistoqsijiet parlamentari numri 15036, 14736 u 14471, inrid ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi konsultazzjonijiet dwar dan il-pjan isiru kemm hu meħtieġ u bl-ebda mod dan ma jfisser illi għax il-pjan għadu mhux konkluż il-Ministeru għal Għawdex qed inaqqas mill-importanza ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex. U l-anqas ukoll ma jfisser illi din l-importanza qed titnaqqas għaliex il-mistoqsijiet parlamentari illi m'humiex mwieġba minni qed jiġu rriferuti lill-Ministru kkonċernat.
L-Onorevoli Interpellant suppost jaf illi t-tweġibiet mitluba għandhom jingħataw minn dak il-Ministru illi jkun responsabbli direttament minn dik il-materja, avolja l-informazzjoni mitluba fil-parti l-kbira tal-każijiet tkun diġa' għad-dispożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-inċentivi li jingħataw taħt il-Business Promotion Act u taħt l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li l-kumpanniji li joperaw fis-settur tal-manifattura f'Għawdex ikollhom jagħmlu fuq it-trasport bejn Għawdex u Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li qiegħda tiġi mfassla leġiżlazzjoni biex tkun tista tipprovdi l-għajnuna għall-ħtiġijiet ta' l-industrija Maltija fil-waqt li tibqa konformi mar-regolamenti ta' EU fuq "State Aid". F'dan ir-rigward l-industrija f'Għawdex qed tingħata l-attenzjoni partikulari u speċifika.
Taf il-Ministru tgħidli x'kienu l-inizjattivi, programmi, eċċ. li l-aġenzija Appoġġ wettqet f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-lum biex tipprovdi servizzi soċjali personalizzati lit-tfal, familji u lill-komunita'? Kemm kienu l-flus allokati u minfuqa kull sena fuq din il-ħidma? Lil kemm tfal, familji u membri oħra tal-komunita' ngħataw dawn is-servizzi sena sena skond is-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jaf il-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-gvern u l-kumpannija Gozo Channel dwar l-obbligazzjoni ta' servizz pubbliku li trid tagħti lil Għawdex din il-kumpannija? X'ammont ta' flus qed titħallas il-Gozo Channel bis-saħħa ta' dan il-kuntratt? X'servizzi hija obbligata tagħti? Kemm-il sena jkopri dan il-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jaf il-Ministru jgħid x'attivitajiet wettqet l-orkestra nazzjonali f'Għawdex kull sena mill-1999 'il hawn? Kemm kienet l-ispiża kull sena għal dawn l-attivitajiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill Onor Interpellant.
Persuni li ttrasferew ir-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex
Question
Jaf il-Ministru jgħid kemm persuni li ttrasferew ir-reġistrazzjoni tar-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex mill-1999 sal-lum, qed jaħdmu f'Għawdex illum?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni ma hix disponibbli f'forma kompilata għand l-ETC. Ma hinix f'pożizzjoni li nirriċerka persuna b'persuna l-kategorija indikata biex nagħti t-tagħrif mitlub lill-Onor. Membru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati u kemm intnefqu flus għall-ħidma ta' l-ETC ġewwa Għawdex? Għal liema programmi, skemi, eċċ. ta' taħriġ u mpjiegi ġew allokati u ntnefqu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti ta' bejgħ ta' djar, farmhouses, vilel, appartamenti, flats u proprjeta' oħra ta' residenza f'Għawdex lokalita' lokalita' kull sena mill-1996 'il hawn? Kemm kien il-valur ta' dawn il-kuntratti? Kemm kien hemm self fuqhom? Fejn kienet/hija r-residenza permanenti tax-xerrejja klassifikata f'Għawdes, f'Malta u f'pajjiżi barranin, pajjiż pajjiż? Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti t-tagħrif kollu mitlub skond it-tip tal-proprjeta' (djar, flats, appartament, vilel, eċċ.)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kapital fiss gross ġie fformat f'Għawdex mill-1999 'il hawn sena sena fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000? Minn xiex kien magħmul dan il-kapital u kemm kien il-valur ta' kull component, eżempju kostruzzjoni ta' djar, kostruzzjoni ta' fabbriki, ta' uffiċini u ta' strutturi oħra, makkinarju u apparat eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Kapital Fiss Gross (GFCF) jinġabar għall-pajjiż kollu u mhux maqsum bejn Malta u Għawdex. Huwa diffiċli ħafna li dan isir għaliex xi kumpaniji privati li jinvestu f’bini u f’makkinarju ma jispeċifikawx fir-rapporti finanzjarji tagħhom jekk dan l-investiment kienx Malta jew Għawdex, u mhux neċessarjament li kumpaniji Maltin jinvestu f’Malta biss u kumpaniji Għawdxin jinvestu f’Għawdex biss. Jista’ jkun ukoll li l-kumpaniji, minħabba l-kunfidenzjalita’ jew biex ma jagħtux informazzjoni lill-kompetituri tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jiżvelaw dan id-dettal.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14731 dwar il-proġett għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex, filwaqt li napprezza "li proġetti ta' l-istatura ta' l-impjant" imsemmi jirrikjedu preparazzjonijiet li jieħdu żmien twil, tista' il-Ministru tgħid:
Liema dipartiment jew entita' hu/hija responsabbli għat-twettiq ta' dan il-proġett;
Jekk l-Unjoni Ewropea approvatx li l-fondi ta' pre-adizzjoni għal dan il-proġett għandhomx żmien sa l-aħħar ta' l-2006 biex jintenfqu?
Jekk hemmx assigurazzjoni li dawn il-fondi ma jintilfux billi l-proġett waqa' daqshekk lura;
F'liema xahar tas-sena 2000 bdiet tiġi investigata l-possibbilta' li l-proġett ta' Għawdex jitwettaq flimkien maż-żewġ impjanti ta' Malta taħt kuntratt wieħed;
Min investiga din il-possibbilta';
F'liema stadju kien wasal il-proġett għal Għawdex meta bdiet din l-investigazzjoni;
Xi tfisser meta qalet li f'Lulju 2001 "il-Kabinett tal-Ministri irreveda l-potenzjal ta' finanzjament permezz tal-fondi ta' pre-adizjoni ta' l-Unjoni Ewropea";
Minn min u meta eżattament kien li fl-2002 "ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni li dan il-proġett kien ser jiġi parzjalment finanzjat minn fondi ta' pre-adizjoni mill-Unjoni Ewropea";
Meta eżattament "saru l-laqgħat barra l-qorti biex tissolva l-problema tal-mandat ta' inibizzjoni li kien qed joħloq dewmien għall-proġett";
Min ħa sehem f'dawn il-laqgħat;
Għaliex intgħażlet it-triq ta' laqgħat barra l-qorti minflok tħalla għaddew il-proċess fil-qorti;
X'kien il-ftehim li ntlaħaq barra l-qorti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Risposta:
Jiena nfurmata kif gej:
Fil-progett tal-Impjant tad-drenagg ta' Ghawdex, il-project leader hija ll-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma. Il-finanzjament tal-progett huwa pprovdut taht il-vot tal-Ministeru ghal Ghawdex.
Il-kuntratt ghall-finanzjament ta' dan il-progett mal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea jispecifika li l-progett ghandu jkun konkluz sa' Novembru 2006. M'huwiex anticipat li ser jintilfu xi fondi ta' pre-adezjoni allokati ghal dan il-progett.
Il-possibbilta' li l-proġett ta' Għawdex jitwettaq flimkien maż-żewġ impjanti ta' Malta taħt kuntratt wieħed bdiet tigi nvestigata f'Settembru 2000. Din l-evalwazzjoni saret mill-konsulenti tal-Gvern fuq il-Master Plan tad-Drenagg. F'dak iz-zmien, fuq l-impjant ta'Ghawdex, kien ghaddej il-process tal-Awtorita tal-Ippjanar biex jigi approvat is-sit ghal dan l-izvilupp.
Rigward id-diskussjonijiet fil-kabinett tal-Ministri f'Lulju 2001 dwar dan is-suggett, nhoss li r-risposta moghtija fil-Mistoqsija Parlamentari 14731/05 ma titlobx aktar kjarifika.
Id-deċiżjoni li dan il-proġett kien ser jiġi propost biex ikun parzjalment finanzjat minn fondi ta' pre-adezjoni mill-Unjoni Ewropea giet konfermata mill-Kabinett f'April 2002
Rigward il-mandat ta' inibizzjoni, saru erbgha laqghat bejn l-2003 u Mejju 2004 li ghalihom m'ghandniex id-dati tas-sehh partikolari. B'rizultat ta' dawn il-laqghat, il-mandat gie rtirat fl-10 ta' Gunju 2004. F'dawn il-laqghat kienu prezenti ufficjali tat-Taqsima tax-Xogholijiet (2003) u wara mill-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma (2004), flimkien mal-parti li ressqet il-mandat. Jiena nfurmata li l-ghazla ta’ ftehim barra l-Qorti kienet l-ahjar ghazla biex jigi assigurat li jintilef l-inqas zmien possibbli meta wiehed jikkonsidra li z-zmien huwa fattur importanti hafna ghal dan il-progett.
Il-ftehim li ntlahaq jikkoncerna garanziji fuq limiti ta' emissjonijiet ta' hsejjes u rwejjah skond kif stabbiliti fl-istudju tal-impatt ambjentali. Sar ukoll ftehim fuq triq ta' access li kienet sodisfacenti ghall-partijiet kollha u ghall-MEPA.
Jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħidli jekk Għawdex hux se jkollu flus allokati speċifikament għalih b'rabta ma' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tiegħu bħala reġjun distint mill-fondi strutturali u l-fond ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni għas-snin 2007-2013 bħalma għandu taħt il-perjodu ta' programmazzjoni attwali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koezjoni 2007-2013 għadu għaddej u għalhekk għadu kmieni wisq biex tingħata risposta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1998 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1998 u ta' l-2000?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies jaħdmu bi qliegħ f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena, klassifikati taħt irġiel u nisa, full-time u part-time, jaħdmu għal rashom u mpjegati ma' ħaddieħor fis-settur pubbliku, maqsuma f'dipartiment ti al-gvern u organizzazzjonijiet parastatali u fis-settur privat taħt id-diversi oqsma ta' produzzjoni diretti u dawk ta' servizzi tas-suq? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'Għawdex li kellhom xogħol part-time minbarra x-xogħol full-time tagħhom fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru 2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħrif mitlub ser jiġi kompilat biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba li tatni l-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsija parlamentari 15015, tista' jekk jogħġobha tgħidli x'akkwista Għawdex mill-fondi kollha ta' l-Unjoni Ewropea u kif jipparaguna l-mod qawwi ħafna li gawda Għawdex mal-mod li gawdiet il-gżira ta' Malta? Tista' il-Ministru tinnota li t-Lm30 miljun li l-Italja qed tagħti lil Malta ikabbru l-prodott gross domestiku tal-gżira ta' Malta b'madwar 1.5% u ta' Għawdex jibqa' fejn hu? Tista' tgħid kemm se jkun kiber il-prodott gross domestiku tal-gżira ta' Malta u dak ta' Għawdex rispettivament b'dak li ż-żewġ gżejjer se jkunu akkwistaw separatament mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Tista' tgħidli jekk hija qablitx mad-deċiżjoni li ttieħdet li Għawdex jieħu biss Lm120,000 minn Lm30 miljun?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Għar-rigward ta’ x’akkwista Għawdex mill-fondi tal-Unjoni Ewropea nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 14497.
Dwar il-paraguni msemmija u r-riferenza għall-prodott gross domestiku l-Onor. Interpellant suppost jaf li dan joħroġ mill-istatistika miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u għaldaqstant għandu jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba li tatni l-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsija parlamentari 15015, jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex minn Lm30 miljun li l-Italja tat lil Malta taħt il-ħames protokoll Taljan, Għawdex messu biss Lm120,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.