Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14736 mogħtija fit-12 ta' Ottubru 2005 dwar il-pjan ta' żvilupp għal Għawdex. Peress li f'dik it-tweġiba l-Ministru qalet li l-konsultazzjoni kienet mistennija tintemm fix-xhur li ġejjin, tista' il-Ministru tgħid jekk din il-konsultazzjoni issa ġietx konkluża?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-konsultazzjoni mad-direttorati hija konkluża.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena b'sena minn din is-sena sa l-2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi fil-yacht marina ta' l-Imġarr, Għawdex? Kemm minnhom huma allokati għall-jottijiet, kemm għad-dgħajjes tas-sajd u kemm għad-dgħajjes għall-isport? Kemm jottijiet għamlu użu mill-irmiġġi allokati għalihom kull sena, sena b'sena minn mindu twaqqfet il-marina? Kemm kien in-numru ta' ġranet li l-irmiġġi għall-jottijiet intużaw kull sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f'Għawdex l-Awtorita' Marittima għandha 235 irmiġġ għal jottijiet, 158 irmiġġ għal dgħajjes tas-sajd filwaqt li ma jeżisti l-ebda rmiġġ għal dgħajjes għall-isport.
Ta' min wieħed jinnota li hu diffiċli fern li tikkwantifika n-numru ta' ġranet li l-irmiġġi għall-jottijiet jintużaw kull sena. Madankollu, matul is-sena 2005, l-Awtorita' Marittima pprovdiet irmiġġ temporanju lil 1,894 jott li żaru l-marina ta' l-Imġarr Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16766, jista' il-Prim Ministru jispjega u jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Ministeru għal Għawdex fit-tfassil tal-politika għat-twaqqif ta' korpi statutorji, bħalma huma l-water services corporation, Heritage Malta, il-Wasteserv, il-Malta Maritime Authority, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-Awtorita' dwar it-Trasport, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Saħħa u korpi oħra statutorji li ħadu lill-Ministeru għal Għwdex ħafna mill-funzjonijiet li kellu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għal Għawdex kien u għadu involut fit-tfassil tal-politika għal pajjiżna bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex fil-Kabinet sa mit-twaqqif tiegħu fl-1987, ħlief għal l-perjodu qasir meta Għawdex ma kellux Ministeru responsabbli għalih fi zmien it-22 xahar ta’ l-amministrazzjoni laburista ta’ bejn 1996 - 1998
Jista' il-Ministru, jekk jogħġbu, jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fl-aħħar ta' kull sena f'Għawdex mill-1998 'il hawn separatament f'dawk li jaħdmu għal rashom u impjegati, fl-oqsma tas-settur industrijali kif ġej:
1) fis-settur tal-produzzjoni diretta maqsumin:
i) fil-qasam tal-kostruzzjoni, ii) fil-barriera tal-ġebel, iii) fl-agrikoltura, iv) sajd; fis-setturi tal-manifattura, settur settur, eg: tessuti, għamara, żraben u ħwejjeġ, ikel, eċċ.;
2) fis-Settur tas-Servizzi tas-Suq maqsumin: i) f'lukandi u II) ristoranti,
(i) bejgħ bl-ingrossa u ii) bl-imnut,
trasport,
(i) insurance, ii) banek u iii) istituzzjonijiet finanzjarji, real estate,
servizzi i) għall-komunita', ii) ta' kummerċ u iii) ta' rikreazzjoni
komunikazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16766, jista' il-Prim Ministru jispjega u jgħid min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' għalliema u kapijiet fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, min hu responsabbli għal dawn l-impjegati, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova xi skejjel għandu jkun hemm f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova x'korsijiet isiru u x'suġġetti jitgħallmu fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-responsabilitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant jaqgħu taħt id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li tikkonsulta regolarment mal-Ministeru għal Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17046, jista' il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jagħtini n-numru u d-data tan-news releases maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li minnhom ġiet misluta l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ivvotati u kemm intnefqu flus fuq: i) bini ta' toroq ġodda, u ii) bini mill-ġdid ta' toroq f"Malta sena b'sena mill-1999 sa l-2005? Kemm kilometri saru kull sena: i) ta' toroq ġodda u ii) ta' bini mill-ġdid ta' toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li fit-tweġiba tagħha qed jintqal li parti mill-informazzjoni ta' din il-mistoqsija tinġabar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, għalhekk jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1998 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1998 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16749 dwar studenti universitarji Għawdxin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Għawdxin li ngħataw Grad Universitarju jew Diploma mill-Universita' ta' Malta wara li segwew l-istudju tagħhom f'Malta, maqsumin f'kull kors mis-sena 1999 sas-sena 2005 huma kif jidhru fil-listi li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi I).
L-Għawdxin li ngħataw Grad Universitarju jew Diploma mill-Universita' ta' Malta wara li segwew l-istudju tagħhom fiċ-Ċentru ta' l-Universita' qed jingħataw f'lista separata (Appendiċi II) li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħaddiema tal-ministeru tagħha ngħataw għall-ewwel darba xi xorta ta' allowance xahar b'xahar matul l-2005? X'inhu l-grad tagħhom? F'liema fergħa tal-ministeru qed jaħdmu u x'xogħol qed jagħmlu? Min talab li tingħata l-allowance u min ta' l-approvazzjoni għaliha? X'kienet ir-raġuni li ngħatat?
Jista' il-Prim Ministru jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15341 dwar allokazzjoni diretta ta' fondi Ewropej għall-iżvilupp ta' Għawdex għas-snin 2007-2013?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15341.
Jista' il-Ministru jagħtina informazzjoni dwar kemm passiġġieri weħidhom u passiġġieri bil-vettura qasmu bejn Malta u Għawdex bis-servizz tal-Gozo Channel xahar xahar u sena sena mill-1992 sa l-aħħar ta' Settembru 2005, maqsumin safejn hu possibbli f'passiġġieri residenti Għawdex, residenti Malta u residenti barra minn Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex huma skond l-iskeda annessa.
Ta' min igħid illi l-istatistika li għandha l-Kumpanija tmur lura sal-1995, u mhux possibli li mmorru aktar lura kif mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari.
Ukoll, ma nistgħux naqsmu l-passiġġieri f'Maltin, Għawdxin jew turisti, għax, bis-sistema ta' One Way Ticketing,minn naħa minnhom, m'għandna l-ebda informazzjoni fuq il-passiġġieri li jaqsmu, għax kulma kienu u għadhom jingħataw hija Boarding Pass.
Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba (bejn 1995 sa l-2005).
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15936, jista' il-Ministru jgħidli jekk il-leġislazzjoni li qed ifassal teħux ħsieb li tinkludi inċentivi li jkopru l-ispejjeż tat-trasport ta' merkanzija bejn Għawdex u Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-leġiżlazzjoni li qed tiġi mfassla, l-inċentivi li jkopru l-ispejjeż tat-trasport ta' merkanzija bejn Għawdex u Malta ser jkun nklużi fil-pakketti futuri ta' nċentivi taħt forma li tibqa' kompatibbli mar-regoli ta' l-State Aid ta' l-EU.
Jaf il-Prim Ministru jgħidli x'kienet in-nefqa f'Għawdex tat-turisti Maltin u barranin separatament, kull sena u xahar xahar, mill-1999 sal-lum fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif dwar it-turiżmu kif mitlub mill-Onor Interpellant ma jeżistix.
Jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u s-self mill-banek f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena, mill-1998 'il hawn u fl-aħħar ta' Ġunju tas-sena l-oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem ras għar-ras fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1999 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jistax jingħata tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant skond setturi differenti tal-manifattura f’Għawdex għaliex, minħabba li l-kampjun (sample size) ta’ kull settur ikun żgħir, ir-riżultat ma jkunx rappreżentattiv.
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra informazzjoni dwar ħaddiema f’Għawdex li jaħdmu fis-settur tal-manifattura ġenerali u li jinkludi ikel, xorb, ħwejjeġ, żraben, plastic, bricks, ħadid, switches, elettronika, opri tal-baħar u għamara.
Id-data hi meħuda mill-Labour Force Survey (LFS) fuq bażi annwali għas-snin 2000 sa 2004, filwaqt li għall-2005 hi bbażata fuq data minn Jannar sa Ġunju 2005. Mhux qed tingħata data għas-sena 1999 minħabba li l-LFS beda jitħaddem mis-sena 2000.
Nirriferi lill-Prim Ministru għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 14728 dwar il-prodott gross domestiku għal Għawdex. Jista' jagħtina l-istess tagħrif għall-gżira ta' Malta weħidha u għall-gżejjer Maltin flimkien? Jista' jagħtina wkoll kemm kien il-prodott gross domestiku għal Għawdex fis-snin imsemmija bħala persentaġġ ta' dak ta' Malta u ta' dak nazzjonali? Meta hu mistenni li jinħadem il-prodott gross domestiku finali għall-2003 u għallinqas dak proviżorju għall-2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ Malta, ta’ Għawdex tal-gżejjer Maltin fi prezzijiet tas-suq kif ukoll ras għal ras, mis-sena 2000 u l-2003 hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra filwaqt li il-GDP għall-2003 (finali) u għall-2004 (proviżorju) hu mistenni li jiġi ppublikat f’Ġunju 2006.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa ġenerali ta' konsum tal-gvern, sena sena mill-1999 'il hawn, fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej f’din it-tabella.
Ma jistax jingħata fi prezzijiet kostanti għall-1999 minħabba li s-sena benchmark biex jinħadmu n-National Accounts ta’ Malta skond is-sistema ESA 95 (European System of Accounts) li tintuża mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea, kienet is-sena 2000.
NEFQA ĠENERALI FINALI TA’ KONSUM TAL-GVERN
(Lm 000s)
Sena
Fi Prezzijiet tas-Suq
Fi Prezzijiet Kostanti 2000
1999
302,249
2000
324,280
324,279
2001
356,631
326,670
2002
376,481
339,814
2003
396,320
349,702
2004
412,026
352,228
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-MV Ta' Pinu mhuwiex attrezzat f'safety measures sabiex iġorr provisti ta' gas u fuel bejn iċ-Ċirkewwa u l-port ta' l-Imġarr?
Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, in vista tal-fatt li l-MV Gaudos huwa l-uniku vapur li għandu dawn is-safety measures u dan il-vapur qiegħed għat-tiswija, x'inhi r-raġuni li ntuża s-servizz ta' l-MV Ta' Pinu u b'hekk il-pubbliku ġie espost għal perikolu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.