Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 17293. Peress li n-news release 131/2003 ma tagħtix data kompluta ta' kemm iljieli t-turisti qattgħu f'Għawdex, jista' jekk jogħġbu jgħidli xahar xahar għal kull sena mill-2001 'il hawn: kemm turisti qagħdu f'kull tip ta' akkomodazzjoni, jiġifieri f'lukandi five-star, four-star, eċċ, f'aparthotels u guest-houses, f'furnished premises bħalma huma farmhouses, vilel, apartments kull tip għalih, fir-residenza privata tagħhom, kif ukoll f'tipi oħra ta' akkomodazzjoni; u kemm iljieli qattgħu f'kull tip ta' akkomodazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bi stimi li jinkludu biss l-iljieli tat-turisti barranin għax l-informazzjoni tinġabar minn stħarriġ kontinwu imsejjaħ ‘Tourstat’ li jsir lill-passiġġieri meta jkunu se jitilqu minn pajjiżna. L-istimi ta’ Għawdex ma jistgħux jiġu ppubblikati xahar xahar fuq id-dettal mitlub għaliex l-ammont tas-sundaġġ dwar it-turisti li raqdu Għawdex huwa wieħed relativament limitat meta mqabbel mat-total biex jipprovdi bażi soda biżżejjed għal analiżi dettaljata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inbigħu biljetti mill-Gozo Channel Co. għas-servizz tal-baħar bejn Għawdex u Malta xahar xahar u sena sena mill-1992 'il hawn ta': passiġġieri residenti f'Għawdex bla vettura; passiġġieri residenti f'Għawdex bil-vettura; passiġġieri residenti Malta bla vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin; passiġġieri residenti Malta bil-vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin; passiġġieri barranin bla vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri residenti Malta; passiġġieri barranin bil-vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri residenti Malta; u passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin għas-snin li t-tariffa kienet l-istess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Nirriferi lill-Ministru għal sintesi ta' l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp għal Għawdex li dehret fil-ħarġa ta' The Gozo Observer ta' Diċembru 2005 fejn jingħad fost l-oħrajn li l-issues ta' governanza pubblika "jenħtieġu miżuri mmirati lejn governanza pubblika, iktar effiċjenza u effettivita'". Il-pjan jenfasizza li fil-qalba ta' governanza f'Għawdex għandu jkun id-dimensjoni reġjonali, li permezz tagħha jkunu stabiliti u implimentati prioritajiet u miżuri li jirrikonoxxu l-karatteristiċi, il-kapaċitajiet u l-bżonnijiet distinti ta' Għawdex, tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-miżuri konkreti u implimentabbli proprosti fil-pjan f'dan ir-rigward?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li peress li r-ristrutturazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex sabiex tissodisfa l-bżonnijiet distinti ta' Għawdex skond il-pjan imsemmi għadha qiegħda tiġi mfassla, fil-preżent minix f'pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tgħid x'korsijiet ġodda se jibdew fl-istitut għall-istudji turistiċi tal-Qala iktar tard din is-sena u s-sena d-dieħla? Kif jinħatru, min jaħtarhom u min jimpjegahom il-lecturers għal dawn il-korsijiet? Minfejn jitħallsu l-ispejjeż tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-pjan għall-aktar tard din is-sena u s-sena d-dieħla hu li nkomplu bl-istess korsijiet li għaddejjin bihom f’din is-sena akkademika.
Barra l-korsijiet li ssoltu joffri l-ITS Għawdex, bħalissa għaddejjin ukoll dawk offruti taħt l-iskema tal-European Social Fund (ESF). Dawn huma korsijiet organizzati mill-ETC b’kollaborazzjoni ma’ l-ITS Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex.
Dwar il-lecturers li jmexxu l-korsijiet taħt l-iskema ta’ l-ITS, dawn jiġu maħtura mill-ITS Malta skond il-kriterji tagħhom. L-istess lecturers huma impjegati mill-ITS Malta. L-ispejjeż ta’ dawn il-lecturers jitħallsu mill-fondi allokati għall-korsijiet li jsiru fiċ-centru ta’ Għawdex ta’ l-ITS, taħt il-voti tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-lecturers li jmexxu l-korsijiet ta’ taħt il-proġett tal-European Social Fund, jiġu mpjegati u mħallsa taħt kriterji stabbiliti mill-offerta ta’ l-istess proġett kif approvati mid-dipartiment tal-kuntratti.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li koppja miżżewġa li huma ċittadini ta' Malta u li l-income tagħhom huwa biss il-pensjoni mill-Awstralja u l-bonus ta' nofs is-sena, ma jirċevux id-Lm39 sussidju tad-dawl u ilma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jeżistix sussidju ta’ Lm39 għad-dawl u l-ilma.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sussidju ta’ Lm39 li kien tħallas ta’ darba fuq il-pitrolju s-sena l-oħra, dan kien dovut lill-persuni li, fl-1 ta’ Marzu 2005, kienu qed jirċievu benefiċċji speċifiċi mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Persuna li ma kienetx qed tirċievi xi wieħed minn dawn il-benefiċċji, kif jidher li hu l-każ tal-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant, ma kienetx eliġibbli li tirċievi dan is-sussidju.
Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tatni fl-14 ta' Novembru 2005 għall-mistoqsija parlamentari 15540. Nirriferi wkoll għal sintesi ta' l-abbozz tal-pjan li dehret fil-ħarġa ta' The Gozo Observer ta' Diċembru 2005 fejn ingħad li sas-sena 2010 jenħtieġ li jinħolqu madwar 1,400 post tax-xogħol f'Għawdex, jiġifieri medja ta' 230 post tax-xogħol fis-sena. Peress li fl-aħħar erba' snin (2000-2004) il-postijiet tax-xogħol full-time fis-settur privat flok żdiedu naqsu b'129, taħseb il-Ministru li d-dewmien bla bżonn biex jiġi konkluż il-pjan u biex dan il-pjan jibda jiġi implimentat se jnaqqas il-possibbilta' li jinħolqu l-postijiet tax-xogħol meħtieġa skond il-pjan?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-ewwelnett nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li d-dikjarazzjoni tiegħu li fl-erba’ snin bejn is-snin 2000 u 2004 il-postijiet tax-xogħol full-time fis-settur privat f’Għawdex naqsu b’129 hija żbaljata. Fil-fatt in-numru ta’ dawn il-postijiet naqas f’dan il-perjodu minn 4658 għal 4597, jiġifieri nuqqas ta’ 61. Minkejja dan, f’Settembru 2005 dan in-numru tela’ għal 4711, jiġifieri żieda ta’ 53 fuq is-sena 2000. Dawn il-figuri joħorġu ċar fi News Release numru 49/2006 li n-National Statistics Office ħareġ fil-15 ta’ Marzu 2006.
Barra minn dan, l-Onorevoli Nterpellant għandu jkun jaf li bħal ma jiġri f’kull Pjan ta’ Żvilupp fir-rigward ta’ proġettar ta’ ħolqien ta’ xogħol, wieħed ma jistax jintrabat ma’ medja ta’ postijiet ta’ xogħol għal kull sena minħabba ċirkustanzi li jistgħu jinqalgħu li ma jkunx ippreveda.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: kemm kien in-numru ta' raħħala skond l-eta' tagħhom; kemm kien in-numru ta' merħliet ta' baqar u x'kien id-daqs tagħhom; kemm kien in-numru ta' merħliet ta' nagħaġ u mogħoż u x'kien id-daqs tagħhom; x'kienet il-produzzjoni ta' laħam taċ-ċanga matul kull sena; x'kienet l-ispiża tal-produzzjoni u x'kien il-valur tal-bejgħ tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk tlestiex il-proċess ta' konsultazzjoni mibdi fit-12 ta' Settembru 2005 mis-Segretarju Parlamentari għall-Finanzi biex jitħejja n-National Strategic Reference Framework (NSRF) u biex ikunu diskussi l-oqsma ta' priorita' għal użu tal-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013, liema proċess kellu jitlesta sa l-aħħar ta' Ottubru 2005?
Meta tlestew, jekk tlestew, l-abbozzi ta' l-NSRF u tal-programmi operazzjonali (operational programmes) li kellhom jitlestew sa l-aħħar ta' Ottubru 2005?
Liema huma l-oqsma ewlenin ta' priorita' li qed jaħdem fuqhom il-gvern?
Kemm se jkun hemm operational programmes u liema huma?
Meta saru, jekk saru, is-sottomissjonijiet informali lill-Kummissjoni Ewropea li kellhom isiru sa l-aħħar ta' l-2005?
Is-sottomissjonijiet formali lill-Kummissjoni se jilħqu jsiru matul ir-Rebbiegħa ta' din is-sena kif kien ipprogrammat li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħaraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Proċess ta’ konsultazzjoni mibdi mis-Segretarju Parlamentari għall-Finanzi biex jitħejja n-National Strategic Reference Framework (NSRF) għadu għaddej u ser jibqa’ għaddej fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn hekk, jiena bdejt proċess ta’ djalogu mal-pubbliku fuq l-istess suġġett, u dan ser ikun konkluż ix-xahar id-dieħel.
L-ewwel abbozz ta’ l-NSRF ser jitpoġġa fuq il-website tal-Gvern fil-ġranet li ġejjin. L-ewwel abbozzi ta’ l-operational programmes ser ikunu lesti ftit ġimgħat wara.
Il-Gvern qed jaħdem fuq żewġ operational programmes wieħed għall- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni u ieħor għall-Fond Soċjali Ewropew – kif inhu mitlub mir-Regolament. Il-proċess ta’ sottomissjonijiet lill-Kummissjoni, kemm informali kif ukoll formali, kellu jitwal minħabba li l-qbil fuq il-pakkett finanzjarju sar fl-aħħar tas-sena l-oħra u l-fatt li għad m’hemmx qbil fuq livell komunitarju fuq il-pakkett regolatorju.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16768 dwar in-nefqa tat-turisti f'Għawdex. Peress li l-Prim Ministru qal li t-tagħrif kif mitlub ma jeżistix, jista' jekk jogħġbu jagħtini t-tagħrif kif jeżisti u jagħtini wkoll l-istess tagħrif dwar Malta separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-infiq tat-turisti li ġew Malta u Għawdex separatament huwa stmat kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn iċ-ċifri huma stima tan-nefqa totali tat-turisti u jinkludu il-vjaġġ, l-akkomodazzjoni, it-taxxi u nfiq ieħor fil-pajjiz. Għaldaqstant importanti li jiġu interpretati sewwa għaliex dawn ma jirrispondux mal-qligħ tal-pajjiż mit-turisti. Dan l-infiq lanqas ma jinkludi n-nefqa tat-turiżmu intern.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pitkali tal-ħut f'Malta ilhom ma jieħdu commission minn Ottubru 2005? X'inhi r-raġuni li laqgħa mitluba mill-istess pitkala mad-direttur tas-sajd għadha ma saritx, għalkemm intalbet 'il fuq minn xahrejn ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien hemm numru ta' kontijiet ta' ħut li kienu biegħu l-istess pitkala li ma ġewx imħallsin mill-kumpraturi, u għaldaqstant ammont ta' kummissjonijiet dovuta lill-pitkala qed jinżammu sakemm jiġu ċċarati dawn il-kontijiet pendenti. Il-bejgħ tal-ħut u l-ġbir tal-flus ta' dan il-bejgħ huwa responsabbiltà wkoll tal-pitkala li jkunu eżegwew il-bejgħ u żgur ma jistgħux jitħallsu kummissjonijiet fuq flus li ma nġabrux.
It-talba għall-laqgħa mitluba kienet mgħoddija lill-Uffiċjal ikkonċernat minn dawn il-kontijiet. Dan l-Uffiċjal huwa dejjem f'kuntatt kontinwu mal-pitkala.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: kemm kien hemm bdiewa full-time u part-time separatament u skond l-eta' tagħhom; kemm kien hemm raba bagħli jinħadem; kemm kien hemm raba saqwi jinħadem; u kemm kien in-numru ta' serer u x'kienet l-area ta' l-art miksija bis-serer?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija tintalab lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, peress li l-informazzjoni li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent tirrigwarda biss lil dawk il-bdiewa li talbu l-għajnuna.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għal mistoqsija parlamentari 17322 dwar il-mekkaniżmi li jagħtu lill-Ministeru għal Għawdex l-opportunita' ta' involviment effettiv fi proġetti li jsiru f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex. Peress li l-mistoqsija ma ġietx imwieġba, jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jgħid sewwa sew x'inhuma l-mekkaniżmi formali u uffiċjali li hemm kif tlabtu fil-mistoqsija tiegħi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’għandi xejn x’inżid mar-risposta li tgħajt bħala tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 17322.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 17321 dwar il-kompetenzi tal-Ministeru għal Għawdex fil-qasam tas-saħħa. Jista' il-Prim Ministru jgħidli x'jiġri jekk u meta ma jkunx hemm qbil bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tas-Saħħa dwar servizzi li għandhom jingħataw fl-isptar ġenerali ta' Għawdex? Jista' jgħidli wkoll x'jiġri u fuq min joqgħod il-Management & Personnel Office tal-Prim Ministru meta ma jkunx hemm qbil bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tas-Saħħa dwar x'għandu jkun in-numru ta' speċjalisti, tobba, nurses u ħaddiema paramediċi fl-isptar ġenerali ta' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma għandi xejn x’inżid mar-risposta li tgħajt f’Mistoqsija Parlamentari 17321.
Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex: x'kienet l-area u x'kien in-numru totali ta' egħlieqi bi dwieli skond id-daqs tagħhom; x'kienet il-varjeta' tad-dwieli skond id-daqs; x'persentaġġ tal-gżejjer Maltin kienu l-area u n-numru ta' dwieli f'Għawdex skond il-varjeta' tagħhom; x'kienet il-produzzjoni ta' kull varjeta'; x'kienu l-ispejjeż u l-valur tal-produzzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17046, jista' il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jagħtini n-numru u d-data tan-news releases maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li minnhom ġiet misluta l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif li ngħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 16971/17046 nħadem mid-database tat-turiżmu fl-NSO. Kif għidna fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari msemmijia iċ-ċifri ta’ turisti li joqogħdu Għawdex jinħarġu b’mod regolari fin-News Releases ta’ kull xahar dwar it-tluq (departures) ta’ turisti mill-pajjiż.
L-ewwel darba li ġew ippublikati dawn il-figuri kien fi News Release 131/2003 bid-data tat-28 ta’ Awissu 2003, tabelli 7 u 8.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex; x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigawrd; min jirrakkommanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta': a) speċjalisti, b) tobba, c) nurses u d) paramediċi fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tas-Saħħa japprovaw flimkien s-servizzi li għandhom jingħataw fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fir-rigward ta’ staff, il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda t-tibdil. Dawn jgħaddu għand id-Diviżjoni tas-Saħħa li tistabbilixxi n-numu wara li tikkonsulta mal-Minsiteru għal Għawdex. L-approvazzjoni finali hija dejjem tal-Management & Personnel Office.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jispjega u jgħid, f'dawk l-oqsma li l-Ministeru għal Għawdex għandu responsabbilta' orizzontali, x'inhuma l-mekkaniżmu uffiċjali u formali f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ippjanar u esekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 16766 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn meta twaqqaf il-Ministeru għal Għawdex dan kien ivolut f’kull stadju ta’ konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti. Dawn il-mekkaniżmi jassiguraw li dawn il-proġetti jsiru fl-aħjar interess ta’ Għawdex.