Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #19286 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Pjan ta' Żvilupp għal Għawdex

Question

Peress li ilni aktar minn seba' xhur nitlob lill-Ministru għal Għawdex tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Pjan ta' Żvilupp għal Għawdex li sena u nofs ilu hi stess għarrfet lill-Kamra li l-abbozz tiegħu kien lest, tista' jekk jogħġobha, issa li għadda daqshekk żmien, tpoġġi dan id-dokument fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, tista' tagħti raġuni għaliex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li malli l-pjan ikun approvat mill-Gvern, dan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19288 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Bini ta' Toroq

Question

Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16772. Tista' tagħtina l-informazzjoni sħiħa li tlabtha u tgħid kemm kilometri u mhux kemm metri kwadri saru ta' toroq ġodda u ta' bini mill-ġdid ta' toroq kull sena, sena sena u mhux is-snin kollha flimkien, mill-1999 sa l-2005? Tista' tgħid ukoll kif kienu maqsumin f'residenzjali, industrijali u domestiċi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19289 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Oqsma ta' l-Agrikoltura u Sajd

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-iskemi fl-oqsma ta' l-agrikoltura u sajd li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-iskemi fl-oqsma ta' l-agrikoltura u sajd ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt il-Ministeru għall-affarijiet Rurali u Ambjent u joħorġu fuq bażi nazzjonali.

Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ivvotati u kemm intnefqu flus fuq: i) bini ta' toroq ġodda, u ii) bini mill-ġdid ta' toroq f"Malta sena b'sena mill-1999 sa l-2005? Kemm kilometri saru kull sena: i) ta' toroq ġodda u ii) ta' bini mill-ġdid ta' toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-dettalji dwar flus ivvutati u minfuqa għall-bini ta’ toroq ġodda u bini ta’ toroq mill-ġdid bejn l-1999 u l-2005 jinsabu fid-dokument li qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-flus allokati fil-bidu tas-sena taħt xi vot partikolari jista’ jonqos jew jiżdied minħabba virements li jsiru skond il-ħtieġa. It-total ta’ kilometri ta’ toroq li saru matul dawn is-snin huwa hekk: 1999: informazzjoni mhux possibbli tinġabar 2000: informazzjoni mhux possibbli tinġabar 2001 28 kilometru 2002: 17.5 kilometri 2003: 18 kilometri 2004: Residenzjali - 8.7 kilometri Industrijali - 1.5 kilometri Domestiċi - 9.1 kilometri Total - 19.3 kilometri 2005: Residenzjali - 11.3 kilometri Industrijali - 1.5 kilometri Toroq oħra - 3.8 kilometru Total - 16.5 kilometri Matul l-2004 u l-2005 saru wkoll 16.5 kilometri ta’ toroq mill-fondi tal-Protokoll Taljan.

Servizz tal-helicopter

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex reġa' ġie sospiż? Jekk fl-affermattiv, meta ġie sospiż u meta se jerġa' jibda? Jista' jagħti r-raġuni għaliex għal darba oħra dan is-servizz ġie sospiż? Għadu ta' l-istess opinjoni li b'dan is-servizz ġdid it-turisti kull sena f'Għawdex sejrin jiżdiedu b'50,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal risposta mogħtija mill-Minsitru għall-Kompettivita’ u Komunikazzjoni għall-Interpellanza Nru 17984 (Seduta Nru 370), jien infurmat li s-servizz tal-helicopeter reġa beda nhar il-Gimgħa 31 ta’ Marzu.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tara li applikazzjoni HAA81/2005 tiġi pproċessata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li tirrigwarda Skema ġdida ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li ġiet varata nhar l-Erbgħa li għaddew, ser tiġi proċessata kif meħtieġ.
Leg 10 PQ #18133 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Servizz ta' helicopter

Question

Tista' il-Ministru tikkonferma li s-servizz tal-helicopter f'Għawdex għal darb'oħra reġa' ġie sospiż? X'inhi r-raġuni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17984 li ngħatat fis-seduta Nru. 370.

Għawdex — Sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex x'kien in-numru ta' sajjieda full-time u part-time separatament? Kemm kien hemm dgħajjes tas-sajd, skond it-tip u d-daqs tagħhom, ta' sajjieda full-time u ta' sajjieda part-time separatament? X'kienu l-kwantita' u l-valur tal-qabdiet ta' ħut, skond it-tip tagħhom, tas-sajjieda full-time u ta' dawk part-time separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għal Għawdex

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17307, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-istrutturi u l-mekkaniżmi uffiċjali u formali biex issir konsultazzjoni regolari, serja u effettiva bejn id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma għandi xejn x’inżid mar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17307 seduta numru 357.

Għawdex — Farms tal-Majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex kemm kien in-numru ta' farms tal-majjal u x'kien id-daqs tagħhom? X'kien il-piż tal-qatliet tal-majjal minn Għawdex kull sena u x'kienu l-ispiża u l-valur tal-bejgħ tal-produzzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — Laħam tat-Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex, x'kien il-piż tal-produzzjoni tal-laħam frisk tat-tiġieġ tas-simna, x'kienet l-ispiża tal-produzzjoni u x'kien il-valur tal-bejgħ tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-piż ta’ produzzjoni tal-laħam frisk tas-simna kien hekk kef ġej : Fis-sena 2003 - 2,507,114 kg (live weight) Fis-sena 2004 - 2,067,642 kg (live weight) Fis-sena 2005 - 887,902 kg (live weight) Biex jiġi kkalkulat il-piż mejjet irid jitnaqqas 25%. Ma tinżammx statistika tal-valur tal-bejgħ u ta’ l-ispiża tal-produzzjoni peress li dan huwa negozju privat.
Leg 10 PQ #17837 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Impjant għat-trattament tad-Drenaġġ

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta l-proġett ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ li għandu jsir f'Għawdex? Sa meta suppost jitlesta skond il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proġett tal-impjant għat-trattament tad-drenaġġ kien ippjanat li jitlesta għall-aħħar tas-sena 2006, imma minħabba diversi ċirkustanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom, hu mistenni li jitlesta lejn il-bidu tal-2007.

Għawdex — Depożiti/self mill-banek

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16769 dwar depożiti u self mill-banek f'Għawdex, jista' jgħid kemm kien in-numru ta' kontijiet ta' depożiti u ta' self fl-aħħar ta' kull sena u kemm kien in-numru u l-ammont ta' house loans fl-aħħar ta' kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Farms tat-Tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2005 f'Għawdex kemm kien hemm farms tat-tiġieġ tal-bajd u x'kien id-daqs tagħhom? X'kienet il-produzzjoni tagħhom tal-bajd, x'kienu l-ispiża u l-valur tal-bejgħ tal-produzzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' farms tal-bajd li kienu liċenzjati bejn it-2002 u t-2005 f'Għawdex kienu 10. Id-daqsijiet tagħhom ivarjaw bejn kapaċita' ta' 11,454 tiġieġa sa 916 tiġieġa jiġifieri medja ta’ 5,910 tiġieġa kull razzett. Ma tinżammx statistika tal-valur u bejgħ minħabba li dan huwa negozju privat.
Leg 10 PQ #17847 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba li tatni fit-3 ta' Ottubru 2005 għall-mistoqsija parlamentari 14471 fejn kont tlabtha tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' żvilupp għal Għawdex. Peress li fit-tweġiba tagħha kienet qalet li l-pjan kien għadu fi stadju ta' konsultazzjoni interna, issa li wara sena u nofs ta' konsultazzjoni din ġiet konkluża, tista' il-Ministru tpoġġi kopja ta' dan il-pjan fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li għadni minix f’pożizzjoni li npoġġi kopja tal-pjan ta’ żvilupp fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17305 dwar konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex fit-tfassil tal-politika għat-twaqqif ta' korpi statutorji. Peress li jiena tlabtu jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Ministeru għal Għawdex u l-Prim Ministru wieġeb li "il-Ministeru għal Għawdex kien u għadu nvolut fit-tfassil tal-politika ta' pajjiżna bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex fil-Kabinett", jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jippreċiża t-tweġiba tiegħu u jgħid jekk il-konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex li staqsejt dwarha jien saritx biss mal-Ministru fil-Kabinett? X'inhuma l-mekkaniżmi formali u uffiċjali li hemm ma' l-istrutturi tal-Ministeru għal Għawdex biex il-ministeru jkun ikkonsultat u nvolut b'mod effettiv fit-tfassil tal-politika għal pajjiżna? Kif qed jiġu mħaddma dawn il-mekkaniżmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn x’inżid ma dak li ġa irrispondejt f’Mistoqsija Parlamentari numru 17305 u 16766.

Gozo Channel Co.

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal kull sena mill-1992 'il hawn x'kien id-dħul tal-Gozo Channel Co mill-bejgħ ta' biljetti għat-trasport ta' vetturi ta' merkanzija (a) minn/għal Sa Maison u (b) minn/għaċ-Ċirkewwa? Kemm saru vjaġġi minn u għal Sa Maison? Kemm kienet l-ispiża totali għat-tħaddim tas-servizz ta' Sa Maison u x'kienu l-komponenti ta' l-ispiża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Industrija tal-Manifattura f'Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li fit-tweġiba tagħha qed jintqal li parti mill-informazzjoni ta' din il-mistoqsija tinġabar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, għalhekk jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1998 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1998 u ta' l-2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li mhux possibli li tingħata informazzjoni dettaljata tas-setturi tal-industrija tal-manifattura f’Għawdex għax diversi setturi hemm kumpannija waħda jew tnejn biss u allura tkun qed tingħata informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu qed nagħti stima tal-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-valur miżjud gross tal-industrija tal-manifattura f’Għawdex : Sena Industrija tal-Manifattura f’Għawdex Valur Miżjud Gross bħala medja għal kull ħaddiem kull sena (stima) Lm 2001 10,258 2002 10,429 2003 11,442 Ma jeżistix tagħrif għas-snin 1998, 1999 u 2000 filwaqt li tagħrif għas-sena 2004 jkun lest lejn nofs din is-sena. Din l-informazzjoni hija disponibbli biss fi prezzijiet tas-suq.

Proġetti f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena b'sena minn din is-sena sa l-2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Każ dwar Overspeeding

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17342, tajjeb li l-Viċi Prim Ministru jkun jaf li l-appell skond Artikolu 11(1) ta' Kap 291 sar Malta quddiem il-qorti tal-maġistrati u mhux Għawdex peress li s-sentenza tat-tribunal ġiet mogħtija mit-tribunal ta' Tas-Sliema.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li ġie verifikat li daħal appell fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u mhux ta' Għawdex, kif ukoll li sad-data tal-Mistoqsija Parlamentari kien għadu ma ntalabx l-inkartament mingħand l-Uffiċjal Awtorizzat (tat-Tribunal Lokali), ittieħdu l-miżuri sabiex it-tiġdid ta' l-imsemmija vettura jkun jista' jsir.