Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #19447 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dive sites

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm-il dive site artifiċjali se jsiru f'Għawdex sa l-aħħar ta' l-2007? Fejn se jsiru? Fiex se jkunu jikkonsistu? Meta hu maħsub li jitlestew? Kemm se jiswew? Taħseb li jkun hawn bżonn ta' aktar dive sites artifiċjali minbarra dawk li se jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli minn proġett immirat għat-titjib ta' l-industrija ta' l-għadds f'Għawdex li huwa ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali ta' l-Unjoni Ewropea. Parti minn dan il-proġett tinkludi l-kreazzjoni ta' dive site artifiċjali fix-Xatt l-Aħmar li ser tkun tikkonsisti f'żewġ vapuri li għadhom kif ġew akkwistati wara li l-proċess ta' tendering ġie finalizzat. Din il-parti tal-proġett ser tiswa Lm61,950.00. Huwa ppjanat li l-vapuri jiġu mgħarrqa lejn l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena. Parti oħra minn dan il-proġett hija t-tħejjija ta masterplan għall-industrija ta' l-Għadds f'Għawdex li ser jistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-prioritajiet għall-iżvilupp u t-tisħiħ tagħha.
Leg 10 PQ #19450 Sitting 394 2006-06-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Shuttle service project

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk kemm-il darba l-kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea qabel li jitwarrab il-proġett ta' servizz shuttle ta' trasport bejn l-ajruport internazzjonli ta' Malta u ċ-Ċirkewwa? X'kienu l-proġetti alternattivi li l-kumitat approva li għandhom isiru minfloku? X'kienet il-priorita' tal-proġetti alternattivi approvati mill-kumitat? Meta saret il-laqgħa li fiha ġie deċiż li jitwarrab il-proġett u minfloku ġew approvati proġetti alternattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti alternattivi magħżula u prijoritiżżati mill-kumitat biex jiġu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali kienu kif murija hawn taħt: - Bini ta' athletics track fil-Korsa ta' Għawdex - Immoderniżżar ta' skejjel f'Għawdex - Restawr tat-Triq tax-Xlendi - Titjib fit-Triqat tal-Ħniena, Sant' Antnin u Borg Għarib - Immoderniżżar tal-ġonna ta' Villa Rundle - Ħolqien ta' l-esperjenza Arkeoloġika u Storika tax-Xagħra - Implimentazzjoni ta' Niche Web Portal u Strateġijia ta' Sinjali Il-laqgħa saret fis-7 ta' April 2005.

Gozo Channel — Użu tat-terminals

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kera li se jkollha tħallas il-kumpannija Gozo Channel għall-użu tat-terminals u tal-parkeġġi taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr hix se tkun koperta b'public service contract?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dalwaqt għandu jiġi ffirmat kuntratt ta' kera (Harbour Agreement) bejn l-Awtorita' Marittima ta' Malta u l-Gozo Channel Co. Ltd għall-kera tat-terminals tal-passiġġieri, tal-marshalling areas u tal-parkeġġi fil-portijiet taċ-Ċirkewwa u ta' l-Imġarr Għawdex. Dan il-Harbour Agreement ma jiffirmux parti mill-Public Service Obligation Contract li l-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd. għandha bħalissa mal-Gvern.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm jammonta l-investiment kollu li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għamlet f'Malta u Għawdex, separatament u sena sena, minn meta bdiet tiffunzjona sal-lum? Fiex kien jikkonsisti dan l-investiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19437 Sitting 393 2006-06-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti ta' Embellishment

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm proġetti ta' tisbih - embellishment - saru f'Għawdex mill-ministeru tagħha, sena sena mill-1999 'il hawn, u tgħid x'kienu l-proġetti, fejn saru, kemm kienet l-ispiża ta' kull proġett u x'kienu l-kompenenti ta' l-ispiża?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Malli l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun miġbura, titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19439 Sitting 393 2006-06-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-aħħar li ltaqa' l-kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Kemm saru laqgħat ta' dan il-kumitat matul l-2005 u din is-sena u meta saru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li l-kumitat dwar il-proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea iltaqa' tmien darbiet fis-sena 2005. Il-laqgħat saru: fis-27/01/2005, fit-28/012005, (li saret b'kontinwazzjoni tal-laqgħa tal-ġurnata ta' qabel), fil-11/02/2005, fit-18/02/2005, fid-19/02/2005, fil-25/02/2005, fis-16/03/2005, fis-7/04/2005 u fit-30/11/2005. Minkejja pero' illi skond it-Terms of Reference tal-Gozo Regional Projects Committee dan il-kumitat għandu jiddiskuti proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għal 2004-2006, il-core members ta' dan il-kumitat kienu ġew mistiedna f'dati oħrajn biex jiddiskutu l-Pjan ta' Żvilupp Ekonomiku u Soċjali għal Għawdex biex b'hekk is-stakeholders Għawdxin taw ukoll il-kontribut tagħhom għal dan il-pjan.
Leg 10 PQ #19441 Sitting 393 2006-06-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Settur tal-Manifattura

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema inċentivi li jingħataw lis-settur tal-manifattura f'Għawdex huma koperti bid-de minimis rule? X'inhuwa l-għan ta' dawn l-inċentivi? X'inhuma l-attivitajiet ekonomiċi li jkopru? Xi spejjeż ikopru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-inċentivi lis-settur tal-manifattura f’Għawdex qiegħdin jingħataw skond l-Att Dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.

Parkeġġ fiċ-Ċirkewwa

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji se jkun ibbażat il-valur tal-kera fis-sena tal-parkeġġi taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr? Kemm hija stmata li tiswa l-kera fis-sena ta' dawn iż-żewġ parkeġġi rispettivament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' Marittima ta' Malta u l-Gozo Channel Co. ltd. sabiex jiġi ffinaliżżat kuntratt ta' kera (Harbour Agreement) għat-terminals tal-passiġġieri, tal-marshalling areas u tal-parkeġġi fil-portijiet taċ-Ċirkewwa u ta' l-Imġarr Għawdex. Hija l-intenzjoni li jkun hemm kera waħda għal dawn il-faċilitajiet kollha. Din il-kera ser tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-valur ta' l-investiment kapitali li l-awtorita' ser tkun nefqet għall-proġett kollu. Hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet li ċ-ċifra tal-kera għal dawn il-faċilitajiet għandha tkun ta' Lm400,000 fis-sena.
Leg 10 PQ #19303 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk l-isptar ġenerali ta' Għawdex hux kopert bis-servizzi ta' anestetista 24 siegħa kuljum għas-sebat ijiem tal-ġimgħa? Tista' tgħid jekk sarux xi operazzjonijiet fl-isptar ġenerali ta' Għawdex matul l-2005 u mill-1 ta' Jannar 2006 sa l-aħħar ta' April 2006 mingħajr is-servizzi ta' anestetista? Tista' jekk jogħġobha tgħid ukoll kienx hemm każi fejn pazjenti ġew operati mingħajr ma ngħataw anestisja?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa kopert bis-servizzi ta’ anestetista 24 siegħa kuljum għas-sebat ijiem tal-ġimgħa. Ma saru l-ebda operazzjonijiet mingħajr is-servizzi ta’ anestetista. Rigward l-aħħar mistoqsija, huwa ovvju li l-ebda pazjent ma jiġi operat mingħajr ma jingħata anestisja.

Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17849 u jgħid għal kull sena mill-1992 'il hawn x'kien id-dħul tal-Gozo Channel Co mill-bejgħ ta' biljetti għat-trasport ta' vetturi ta' merkanzija (a) minn/għal Sa Maison u (b) minn/għaċ-Ċirkewwa? Kemm saru vjaġġi minn u għal Sa Maison? Kemm kienet l-ispiża totali għat-tħaddim tas-servizz ta' Sa Maison u x'kienu l-komponenti ta' l-ispiża?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — Depożiti/Self mill-Banek

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17838, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru u l-ammont ta' house loans fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19293 Sitting 388 2006-05-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjan ta' Żvilupp

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15540, peress li t-tweġiba tikkonferma li ħafna materji ta' importanza kbira għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' Għawdex huwa r-responsabbilta' diretta ta' ministri oħra, tista' jekk jogħġobha tgħid kif se jkunu d-direttorati tal-Ministeru għal Għawdex li jimplimentaw il-pjan ta' żvilupp?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-istrutturar tal-Ministeru għal Għawdex hu marbut mal-Pjan ta' Żvilupp, nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 19286.

Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 17822 li kont għamilt fit-13 ta' Marzu, 2006 dwar bejgħ ta' biljetti mill-kumpannija Gozo Channel għas-servizzi li tagħti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-biljetti li nbiegħu huma skond l-iskedi annessi : Skeda A : Passiġġieri residenti f'Ghawdex bla vettura ; Skeda B1 : Passiġġieri residenti f'Għawdex bil-vettura; Skeda B2: Passiġġieri residenti f'Għawdex bil-mutur; Skeda C : Passiġġieri residenti Malta, u tal-barranin, bla vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin; Skeda D1 : Passiġġieri residenti Malta, u tal-barranin, bil-vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin; Skeda D2 : Passiġġieri residenti Malta, u tal-barranin, bil-mutur għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin; Fis-snin li għaddew, kien hemm rata ukoll għall-Maltin, u waħda differenti għall-oħrajn (li jinkludi t-turisti). Fl-iskedi, dawn huma murija separatament, kif indikat. Minn meta inbidlu r-rati fis-sena 1996, saret rata waħda kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti. Ara wkoll noti fuq it-Tabelli individwali.

Għawdex — Settur Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 17306 dwar is-settur industrijali f'Għawdex li kont għamiltlu fis-17 ta' Frar, 2006?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-aħħar statistika miġbura hija dik ta' Settembru 2005 u li fl-1998 din l-informazzjoni ma kienitx tinġabar.
Leg 10 PQ #19299 Sitting 388 2006-05-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Agrikoltura u Sajd

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-proġetti fl-oqsma ta' l-agrikoltura u sajd li jaqgħu taħtha u huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proġetti fl-oqsma ta' l-agrikoltura u sajd ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent. Ta' min jgħid li bdiewa u sajjieda Għawdxin, qegħdin jibbenifikaw minn skemi ta' għajnuna ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fl-oqsma rispettivi tagħhom.

Insinwa ta' Għawdex — Bejgħ ta' proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru u l-valur tal-bejgħ ta' proprjeta' reġistrat fl-Insinwa ta' Għawdex kull sena, sena b'sena, mill-1999 sa l-2005 u mill-1 ta' Jannar, 2006 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
Leg 10 PQ #19224 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Proġetti u xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17318 u jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex, sena sena minn din is-sena sa l-2008?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-programmi, l-inizzjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħolijiet ta’ l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-reponsabbilta’ tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura minn din is-sena sa l-2008 huma kif ġej: Heritage Malta Heritage Malta ser tkompli bil-programm ta' upgrading fis-siti u l-mużewijiet immexxija minnha bil-għan li l-gżira Għawdxija toffri esperjenza aktar interessanti u memorabbli lill-viżitaturi. Dan ser jinkludi xogħol ta' manutenzjoni, ir-reviżjoni u l-upgrading tal-wirjiet permanenti, il-ħolqien ta' diversi faċilitajiet moderni, u t-titjieb infrastrutturali f’mod ġenerali. Fil-fatt, kull sit jew mużew immexxi minn Heritage Malta ser jibbenefika min dawn ix-xogħolijiet u inizzjattivi. Fost dawn hemm il-progett għall-ħolqien ta' Interim Visitors' Unit, il-bini ta' walkways ġodda, u r-rijabilitazzjoni tal-madwar tal-Ġgantija. Ser jitlesta ukoll ir-refurbishment tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija, u ser jitkompla l-proċess tal-bdil tal-vettrini tal-Mużewijiet l-oħra li jinsabu fiċ-Ċittadella. Fl-istess waqt, Heritage Malta ser tkun qed taħdem fuq numru ta' applikazzjonijiet għall-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropeja, b'mod partikolari b’konnessjoni mat-Tempji tal-Ġgantija u maċ-Ċittadella. Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali Proġetti Kapitali 1. Tfassil ta’ l-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali 2006 – Tlestija tax-xogħol ta’ programming tas-sistema informatika li se tmexxi l-Inventarju tal-Patrimonju Kulturali. 2007-2009 – Ġbir ta’ data dwar il-patrimonju kulturali, u inputing ta’ din l-informazzjoni ġewwa s-sistema tal-Inventarju Nazjonali. Dan ix-xoghol, kemm ta’ programming u ta’ data collection, qed isir fuq livell nazzjonali u se jkopri t-terittorju Għawdxi kollu, kif wkoll l-ibħra tiegħu. Proġetti Rikurrenti Principali 1. Proġett f’Wied ta’ Mgarr Ix-Xini 2006-2007 Programm ta’ riċerka arkeoloġika b’kollaborazjoni mal-Kunsilli Locali tax-Xewkija u tas-Sannat, parti minn proġett iffundjat mill-UE. 2. Proġett Wirt Lokali Xagħra 2006-2008 Program f’kollaborazjoni mal-Kunsill Locali tax-Xagħra għall-konservazzjoni u l-istudju tal-patrimonju kulturali f’din il-Lokalita`. Parti minn dan il-proġett jinvolvi il-preparazzjoni ta’ Att ta’ Kurazija għal Ċentru ta’ Attivita` Kulturali f’din il-Lokalita`. 3. Cittadella – Pjan ta’ Management u Konservazzjoni Xogħol li qed isir fuq talba ta’ u b’kollaborazjoni mal-Ministeru għal-Għawdex. Dan jinvolvi il-reparazzjoni ta’ abbozz ta’ Pjan għall-Management u għall-Konservazzjoni taċ-Ċittadella t’Ghawdex. Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qiegħed f’negozjati mal-Ministeru għal Għawdex dwar ko-ordinazzjoni ta’ attivitajiet bejn il-Kumitat tal-Kultura ta’ Għawdex u l-Kunsill. In-negozjati waslu fi stat avvanzat fejn diga sar ftehim dwar bdil ta’ gruppi ta’ għannejja. L-Orkestra Nazzjonali f’Ghawdex matul ix-xahar ta’ Ottubru ittella’ opri maż-żewg teatri ewlenin filwaqt li l-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita ta’ San Gakbu għandha l-ħsieb li jsiru xi progetti f’Ghawdex iżda dawn ghadhom qed jigu diskussi. Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta Titkompla l-iskema għas-settur privat tat-turiżmu li kienet mnieda fl-2004. Tlettax il-kumpanija Għawdxija qed jibbenefikaw minn din l-iskema. Sa Settembru ta’ l-2006 dawn il-kumpaniji jridu jlestu l-proġetti approvati. Taħrig għas-settur turistiku li huwa parti minn proġetti finanzjati mill-fondi strutturali. Bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni dwar il-proġetti u l-iskemi li jistgġu jiġu finanzjati minn fondi ewropej u x-xoghol preparatorju għal dawn il-proġetti u l-iskemi. Jintefgħu applikazzjoniniet għal finanzjament minn programmi ewropej. Promozzjoni tal-program ewropew Kultura 2000, Media u għal relevanza għas-settur turistiku, kulturali u awdjoviziv. Żvilupp tal-politika kulturali għal Malta li tinkorpora dirrettament lil Għawdex. Żvilupp tal-politika għat-turiżmu, li parti minnha hija ta’ relevanza għal Għawdex. Evalwazzjoni u żvilupp tal-pożizzjoni ta’ Malta fuq proposti leġislattivi Ewropej li jistghu jaffettwaw kemm lil Malta u kemm lil Għawdex fil-qasam turistiku u kulturali.
Leg 10 PQ #19281 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 17300 u tgħid kemm ħaddiema tal-ministeru tagħha ngħataw għall-ewwel darba xi xorta ta' allowance xahar b'xahar matul l-2005 u għall-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? X'inhu l-grad tagħhom? F'liema fergħa tal-ministeru qed jaħdmu u x'xogħol qed jagħmlu? Min talab li tingħata l-allowance u min ta' l-approvazzjoni għaliha? X'kienet ir-raġuni li ngħatat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19284 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi ristrutturat il-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-istruttarar tal-Ministeru għal Għawdex hu marbut mal-Pjan ta' Żvilupp, nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 19286.